Aħbarijiet mill-Awstralja

ma' Lawrence Dimech OAM J.P.

Dawn l-aħbarijiet jidhru wkoll fil-gazzetta "l-orizzont" li toħroġ f'Malta.
Għal iktar tagħrif u aħbarijiet fid-dettall aqraw
The Maltese Herald, il-gazzetta nazzjonali tal-Maltin fl-Awstralja li toħroġ kull ġimgħa.

 
 

It-Tnejn, 17 ta' Mejju 2010

 
 
Ritratt kommemorattiv ta' dawk li attendew il-Konvenzjoni għall-Maltin li jgħixu Barra meħud quddiem il-bieb prinċipali ta' Kastilja.
  

 Wara l-Konvenzjoni

 

Wara waqfa ftit u xejn twila li ħaditni lura lejn pajjiż twelidi, inħoss li għandi nkompli nwassal l-aħbarijiet mill-komunità Maltija fl-Awstralja. Wara l-Konvenzjoni għal Maltin ta’ Barra li saret fil-Belt Valletta f’Marzu 2010 deher iktar ċar minn qatt qabel li għandna nżommu dan il-pont bejnietna miftuħ beraħ.
 
Indunajt ukoll kemm hemm faqar fil-medja miktuba ta’ Malta fejn jindaħlu l-aħbarijiet mill-Awstralja. Mhux faċli li tifhem għaliex meta tinduna kemm hemm għatx u entużjażmu kull meta tkellem lin-nies dwar il-Maltin fl-Awstralja.
 
Il-Konvenzjoni 2010 li organizza b’tant ħerqa u entużjażmu l- Ministeru ta’ l-Affarijiet Barranin ġabret flimkien għadd kbir ta’ Maltin li jgħixu barra li ħassew li kien id-dmir tagħhom li jmorru Malta biex jaqsmu fehmithom dwar id-diffikultajiet u l- aspirazzjonijiet ta’ dawk li b’kuraġġ kbir u determinazzjoni ħallew djul ommhom biex fittxew artijiet oħra li offrewlhom futur jekk mhux aħjar iżda bla ebda dubju differenti u ta’ sfida.
 
Fl-opinjoni tiegħi nħoss li l-Konvenzjoni 2010 serviet ta’ ġid iżda kien ikun ferm iktar aħjar kieku kien hemm ferm inqas kontroll minn naħa tal-Gvern Malti. Dejjem xtaqt li wara l-ewwel żewġ Konvenzjonijiet jiġifieri dawk li saru fl-1969 u l-2000 ikollna Konvenzjoni li tkun immexxija mill-Maltin ta’ Barra għall-Maltin ta’ Barra.

 

Għal darba oħra dan ma seħħx u għalija personali din kienet ta’ diżappuntament. Ġiet mogħtija mportanza eseġerata lill- Ministri, Segretarji Parlamentarji u persuni oħra li jgħixu Malta fejn ħafna drabi dawn ħadu ħafna ħin f’diskorsi fit-tul biex imbagħad ftit kellna ħin biex nanaliżżjaw u niddiskutu b’ serjetà dak li l-Maltin ta’ Barra kellhom xi jgħidu fil-ħafna diskorsi li ġew ippreparati.
 
Kemm-il darba talbuni l-kummenti tiegħi dwar il-Konvenzjoni 2010. Kienet suċċess? Jien ngħid li s-suċċess veru ta’ din il- Konvenzjoni jrid titqies biss minn kif u meta jiġu mwettqa l- wegħdiet li sarulna.
 
Għad ikolli iktar xi ngħid dwar dak li sar fil-Konvenzjoni 2010. Nixtieq, iżda li sinċerament nirringrazzja lill-organizzaturi li għamlu l-almu tagħhom kollu biex kollox jimxi b’mod organizzattiv u skond il-programm li fasslu l-istess organizzaturi.
 
Lil Prof Joe Pirotta li mexxa s-sezzjonijiet skond il-programm imfassal b’direzzjoni li dejjem kienet fid-dritt u sinċiera, lil Ambaxxatur Salvu Stellini u dawk kollha tal-Ministeru li ma setgħux jagħmlu iktar għalina d-delegati speċjalment lil Angel Azzopardi u Joanna Pisani li tant kienu familjari mad-difetti tagħna.

 
 

 Żjarat u iktar żjarat

 

Kemm domt Malta u speċjalment tul il-Konvenzjoni sirt naf li kien hemm ferm iktar determinazzjoni biex jiġu jarawna fl- Awstralja milli biex jiġu solvuti d-diversi proposti li għamilnielhom. Tant hu hekk li dis-sena jew kmieni fl-2011 se jkollna diversi żjarat importanti minn nies ta’ stoffa. Se jkollna li Dr Joseph Muscat, il-Kap ta’ l-Oppożizzjoni, u d-delegazzjoni tiegħu. Wara mistennija l-Ministru Dolores Cristina. Diġà bdew preparamenti wkoll biex jiġi jarana l-President tar-Repubblika George Abela li fi tfulitu għamel xi żmien emigrat f’Melbourne.
 
Nixtieq nieħu din l-opportunità biex għan-nom tal-Maltin li jgħixu fl-Awstralja nixtiequlu fejqan malajr wara l-inċident li ġralu fi-Ċina biex ikompli bil-missjoni tiegħu ta’ sliem u għaqda sinċiera fost il-poplu Malti.

Iż-żjara tal-kap ġdid tal-Partit Laburista hija mistennija b’ħerqa kbira fost il-Maltin ta’ l-Awstralja. Dan il-mexxej żagħżugħ kellu opportunitajiet diversi li jiltaqa’ mad-delegati li attendew il- Konvenzjoni u ma hemmx dubju li wera ħerqa sinċiera li l-Partit tiegħu jrid iżomm kuntatt sħiħ mal-Maltin ta’ Barra. Għad mhux ċert min se jakkumpanja lid-delegazzjoni Laburista iżda barra mill-mexxej mistenni jiġu jżurna wkoll Dr George Vella u Dr Charles Buhagiar flimkien ma’ Michelle, il-mara ta’ Dr Muscat u t-tfal tewmin tagħhom.
 
Iż-żjara ta’ Dr Muscat se testendi għal bliet ta’ Sydney, Canberra, Adelaide u Melbourne u se ddum mill-20 sat-30 ta’ Mejju. . Bħas-soltu d-delegazzjoni Laburista se tiġi meħuda f’ħafna  postijiet importanti (ċentri, każini etċ) u mistennija li se

 

Il-President tar-Repubblika ta' Malta flimkien mal-Kummissarju Gholi ghal Awstralja f'Malta, l-E.T Anne Quinane

 

jkollhom ukoll diskussjonijiet f’kull belt ma’ l-awtoritajiet Awstraljani speċjalment f’Canberra fejn Dr Joseph Muscat mistenni jiltaqa’ ma xi Ministri Federali.
 
Il-kapijiet Laburisti minn Dom Mintoff l’hawn kollha ġew iżuruna fl-Awstralja iżda għadd qatt ma kellna Prim Ministru Laburista Malti jżur l-Awstralja. Dr George Vella ġie l-Awstralja darba oħra fl-1997 u għal Dr Buhagiar din se tkun l-ewwel żjara tiegħu.

 
 

 It-tabib Pawlu Boffa

 

Pawlu Boffa

 

Matul iż-żjara tiegħi f’Malta kelli x-xorti li niġi mistieden għat-tnedija tal-ktieb “Dr Pawlu Boffa” miktub minn Desmond Zammit Marmara li saret fil-Palazz tal-President tar-Repubblika fejn attendew ħafna dinjitarji.

Pawlu Boffa kien l-ewwel Prim Ministru Laburista ta’ Malta. Huwa mexxa lill-Partit Laburista mill-1928 sal-1949 u kien Prim Ministru bejn 1947 u 1950. Dr Boffa kien il-moħħ wara ħafna miżuri ta’ fejda soċjali, fosthom il-pensjoni tax-xjuħ u l-vot lin-nisa.

Il-ktieb jagħti tagħrif storiku dwar dan fil-ħajja tat-Tabib Boffa li qatt ma ħareġ fil-beraħ qabel. Il-ktieb ġie stampat għall-okkażjoni ta’ l-ewwel ta’ Mejju 2010.
 
Kienet okkażjoni ferm ta’ ferħ u nostalġija għalija għax jien dejjem ammirajt lil dan il-politiku li fuq kollox dejjem kien sinċier u tassew patriot Malti. Laqtitna l-iktar l-lapida li għandu fuq il-qabar fiċ-ċimiterju tal-Erwieħ, Ħal Tarxien li tgħid hekk:

Ma ħalliex żmienu, għex għomru jaħdem għal għajru u għal art twelidu, umli ħanin u ħabrieki - MISSIER IL-ĦADDIEM.

 
 

Nieħdu gost jekk tibgħatuli aħbarijiet mill-komunità biex indaħħluhom f’din il-website li tmur mad-dinja kollha b’kalkolu ta’ madwar 2000 qarrejja fil-ġimgħa.
Ibgħatu lil
lawdimech@optusnet.com.au

 

 

Jekk trid taqra l-artikli ta' dawn il-paġni li dehru qabel
Agħfas Hawn

 

 
 
 

 

 

 

Għal iktar aħbarijiet aqraw

toħroġ ma' l-Awstralja kollha
kull nhar ta' Tlieta

 
 

 
 

Home  |  Maltese Għana  |  Maltese Folklore  |  General Section  |  Malta Related Links

 

Copyright © 2010 allmalta.com. All rights reserved.
Design, implementation and hosting by allmalta.com