General Section

 

Front Page | Maltese Ghana | Maltese Folklore

 Appell ieħor
L-Ilsien Malti fl-Awstralja

Frank L Scicluna - Hon. Consul of Malta in South Australia
Adelaide - Awstralja

 

Il-komunità Maltija imxerrda mal-kontinent tal-Awstralja ilha tagħti l-kontribut tagħha għall-ħarsien u l-iżvilupp ta' l-identità Maltija għall-iktar minn mitt sena. Għandna nifhmu li l-biċċa l-kbira tal-Maltin li ħallew art  twelidhom  u  bnew  darhom  f'pajjiżi eluf ta' mili l-bogħod f'ambjent totalment differenti, dan għamluh mhux biss għat-titjib tal- kundizzjonijiet tagħhom u ta' uliedhom, imma wkoll minħabba l-qagħda soċjali u ekonomika ta' Malta speċjalment wara t-tieni gwerra dinjija. Il-biċċa kbira minnhom għamluh għax ma kellhomx alternattiva oħra.
 
Il-Maltin li jgħixu u għadhom jgħixu barra minn Malta, il-biċċa kbira minnhom, għadhom jixtiequ u jistinkawbiex iżommu  hajja l-identità,  l-kultura u l-Ilsien Malti.  Imma mingħajr

 

ma noqgħodu nistaħbew wara subgħajnha, aħna nħossuna li l-isforzi u l-attivitajiet tal-ġenerazzjonijiet tal- imgħoddi ftit li xejn qed ikollhom dak il-frott u riżultati li tant ħadmu għalihom.
 
Wasal iż-żmien li nieqfu neħlu iż-żmien f'oratorija u retorika.... u nxammru l-qmis u b’serjetà u għaqal nippjanaw għall-ġejjieni qrib qabel ma’ dawn il-problemi isiru iktar akuti u insolubbli. Ngħiduha kif inhi ... ħafna minna fil-passat ħdimna għar-rasna u ftit li xejn ħsibna biex niġbru il-forzi kollha flimkien u naħdmu id f'id. Fl-għaqda hemm is-saħħa.
 
Ħafna minna għandna ma' nifhmux biżżejjed il-fatt li l-Ilsien Malti huwa l-bażi u l-qofol tal-identità Maltija mhux biss f'Malta imma fil-pajjiżi fejn il-Maltin għamlu darhom għalihom u għall-uliedhom. Hija ħasra meta tara l-Ilsien Malti mhux qed jiġi mgħoti l-importanza meħtieġa biex jiġi mħares u żviluppat. Għal-kuntrarju, issib uħud li jew jippreferu jużaw ilsien barrani jew saħansitra jmaqdru ilsien art twelidna. Uħud jaslu biex jgħidu li l-Malti ma għandux iktar importanza fid-djar u l-iskejjel tagħna.
 

 

Fl-Awstralja għandna bosta skejjel fejn il-Malti qed jiġi mgħallem bil- għan li uliedna jkomplu japprezzaw u jużaw dan l-Ilsien uniku li għadda lilna minn ġenerazzjonijiet ta' qabilna. Jiena nistaqsi - aħna kburin bil-lingwa Maltija, jew nistħu nużawh quddiem il-barranin u ma nifhmux sew l-importanza tiegħu, bħalma disgrjazjatament għamlu uħud minn missirijietna fl-imgħoddi?
 
Għalkemm l-għalliema ta' dawn l-iskejjel huma mimlija ħeġġa u entużjażmu biex iżommu ħajjin l-Ilsien Malti u l-Kultura Maltija, ma naħsibx li nkun qed niżbalja jekk ngħid li ħafna minnhom ma għandhomx il-kwalifikazzjonijiet  neċessarji u ma jafux il-metodoloġija

meħtieġa biex jagħtu l-aħjar s-servizz edukattiv li l-istudenti tagħhom biex ma nsemmhiex in-nuqqas ta’ riżorsi meħtieġa U hawn jidħol l-obbligu tal-gvernijiet tagħna. Ma jiswa xejn li jkollok minn irid jitgħallem il-Malti jekk ma jkollokx minn jgħallmu sew.
 
Jiena, ma ħafna oħra bħali, nammira l-kuraġġ u l-ħerqa ta' dawn il-qalbiena......u naqlalhom l-kappell, għax minkejja n-nuqqas ta' fondi, riżorsi u għajnuna biex itejbu l-mod kif jgħallmu, qed jagħmlu ħilithom kollha biex il-Malti ma jinqeridx darba għal dejjem mill-Awstralja. U nixtieq inżid ngħid li dan qed jagħmluh mingħajr interess finanzjarju.
 
U propju b'dan li ġej issa. Nistaqsi u ngħid.......X'koordinazzjoni u x'kooperazzjoni jeżistu bejn dawn l-iskejjel tal-Malti fl-Awstralja... bejn l-għalliema......bejn Stat u ieħor, bejn Malta u L-Awstralja? Hemm komunikazzjoni, ftehim u qsim ta’ riżorsi? Hemm 'curriculum' Malti wieħed li kullħadd jista’ juża u jaqsam għall-benefiċċju tal-istudenti tagħna? Kemm hawn skejjel Maltin fl-Awstralja li jużaw il-kompjuter u mezzi oħra teknoloġiċi fil-klassijiet? B'hekk biss jista’ jitjieb il-livell ta' edukazzjoni fl-iskejjel Maltin u nħajru iktar studenti.
 

Hawn xi ħadd li jista’ jgħidli kemm skejjel Maltin għadna fl-Awstralja? kemm studenti? kemm għalliema? Ma nafx inkunx qed inġebbidha żżejjed jekk ngħid li anki l-Ministeru tal-Edukazzjoni ta' Malta għandu jħossu obbligat li jistudja s-sitwazzjoni edukattiva tal-iskejjel tal-Malti fl-Awstralja u jara x'jista jsir biex il-qagħda tagħhom titjib, bħalma ma jagħmlu nazzjonijiet oħra.

Wasal iż-żmien li ningħaqdu... u ma nkomplux nitilfu ż-żmien.... għax kważi, nibża’ ngħid, li l-battalja hija ġa kważi nofsha mitlufa. Hemm bżonn li jsiru riċerki u studji serji minn nies esperti f'dal-qasam dwar din il-problema, illum qabel għada... issa qabel imbagħad... għax jekk ser   inkomplu   nittratenu  u  nħallu   il-problema  tiġi  solvuta  minn

 

ħaddieħor..... qatt ma jsir xejn. Aħna dejjem nittamaw li l-affarijiet jitjiebu. Imma nkunu qed nidħku bina nfusna jekk naddottaw din il-filosofija.. Hemm bżonn li nsalvaw l-ftit li għad baqa’ u ma' naħbux it-trab taħt it-tapit.
 
X'jista jsir? Għal kull problema hemm soluzzjoni. Ejjew nitgħallmu minn nazzjonijiet oħra, mill-iżbjalji tagħna u ta' ħaddieħor. Hemm bżonn li jingħataw fondi biex din il-koordinazzjoni u l-kooperazzjoni sseħħu... . biex jinħatru uħud ħalli minnufih jibdew isiru riċerki... mhux biss studju ta' Stat wieħed..... imma hemm bżonn nefasizza li dan l-istudju isir fuq bażi nazzjonali. Hija biċċa xogħol enormi... imma b'rieda tajba u ftehim bejn kullħadd...... din tista’ ssir realtà. Nies kapaċi fil-qasam tal-edukazzjoni għandna biżżejjed f'kull Stat tal-Awstralja... imma jaħasra dan it-talent mhux qed jiġi utilizzat. Reqdin raqda tal-biża!!!!!
 

 

Soluzzjoni oħra hija li tissejjah laqgħa nazzjonali f'waħda mill-ibliet kapitali tal-Awstralja li fiha jieħdu sehem individwi li huma esperti fil-qasam tal- edukazzjoni u l-kultura. Dawn ikunu jistgħu jarblu u jistudjaw bir-reqqa l-implikazzjonijiet ta' din il- problema. Huma jkunu jistgħu jagħtu kontribut siewi u effettiv ħalli nippruvaw niġbru l-fdalijiet tan-nuqqasijiet tal-imgħoddi. B'hekk biss il-Maltin ta' barra jkunu jistgħu jassiguraw il-ħarsien tal- identità Maltija u l-Ilsien Malti fost it-tieni u t-tielet ġenerazzjonijiet. Fondi biex issir din il-laqgħa ma għandniex.
 
Hemm bżonn li nifhmu minn huma ż-żgħażagħ Maltin fl-Awstralja... li illum jgħoddu iktar mill- ewwel ġenerazzjoni għal darba tnejn.  Hemm bżonn

li nistaqsu: Min huma dawn iż-żgħażagħ tagħna u x'inhuma il-bżonnijiet tagħhom? X'inhuma d-differenzi li hemm bejnhom u l-bejn il-ġenituri tagħhom? Għalkemm huma jgħidu li huma Awstraljani, il-biċċa kbira minnhom għad iħossu l- kultura u l-identità’ Maltija jiġru f'demmhom... imma ma jafux kif jaqbdu jagħmlu biex isaħħu dik ir-rabta ma’ art twelid il-ġenituri tagħhom jew nanniethom?
 
Huma għandhom għatx kbir biex ikunu jafu iktar fuq Malta u l-istorja u l-kultura tagħha...... Dan huwa fatt speċjalment meta tara l-interess li jkun hemm meta xi program Malti jiġi muri fuq it-televiżjoni. Nerġa’ nistaqsi: Aħna qed nagħtu cans liż-żgħażagħ biex jieħdu sehem attiv fil-komunità tagħna... qed naċċettawhom........jew ingerrxuhom?
 
Qed ngħarfu l-kontribut li dawn qed jagħtu jew jistgħu jagħtu għall-ħarsien l-identità' Maltija fosthom? Jew għadna bl-istess idejat li fformajna għoxrin, tletin u erbgħin sena ilu.... u ma rridux naċċettaw l-idejat moderni taż-żgħażagħ tagħna.... li wara kollox dawn ser ikunu l-ġenituri tal-ġenerazzjoni f’dan il-millennju.
 
Dawn huma il-mistoqsijiet li għad ma għandniex risposta għalihom........... Minn ser jagħfas il-buttuna biex il-dan process jieħu l-hajja? Nispera li dan l-appell ma’ jaqax għal darb’oħra f'widnejn torox....bħas-soltu.... u ma jsir xejn..... Jaħasra kemm qed neħlu żmien.
 
L-Iskola tal-Malti t’Adelaide ser terġa’ tiftaħ nhar il-Ġimgħa 2 Frar 2007 fis-7 pm. Il-lezzjonijiet jingħataw kull nhar ta Ġimgħa fiċ-ċentru Malti 6 Jeanes Street BEVERLEY. Għadna klassijiet għat-tfal, għaż-żagħżagħ u għall-kbar. L-iskola ilha miftuħa għal-25 sena.
 
Jekk inti interessat/a: Ikkuntattja jew lili Frank Scicluna fuq 0882692948 jew inkella lil Anna Agius fuq 0884458816.
 

 

MALTESE LANGUAGE SCHOOL OF ADELAIDE

 

Est - 1982
Maltese Cultural Centre
6 Jeanes Street BEVERLEY SA 5009
Tel: 8269 2948 Email: consul@bigpond.net.au

Top - Fuq        Back - Lura