It-Tnejn, 13 ta' April 2009     
      

Aħbarijiet
mill-Awstralja

ma' Lawrence Dimech OAM J.P.
Għal aktar aħbarijiet mill-Awstralja aqraw The Maltese Herald
li toħroġ fl-Awstralja kollha kull nhar ta' Tlieta.

 Ikla ħut mill-aqwa

 

F’Jum l-Awstralja 2009, Fr John F. Briffa OAM ta’ l-Ordni Sależjani ġie onorat mill-Gvern Awstraljan għax xogħol siewi li wettaq fl-inħawi ta’ Engadine NSW u kull fejn serva fil-missjoni tiegħu. Illum, Fr Briffa għandu 81 sena iżda għadu attiv ħafna u huwa wkoll fil-kumitat u direttur spiritwali tal-Maltese Past Pupils ta’ Don Bosco f’NSW organizzazzjoni li l-għan prinċipali tagħha hu li tiġbor il-flus għall-missjonijiet.
 
Bħala turija ta’ ringrazzjament u rispett l- Għaqda tas-Sależjani organizzaw lunch f’wiehed mill-isbaħ bajjiet li hawn f’NSW, The Spit f’Mosman. Qabel ukoll żaru x-xatt ta’ Manly għall-morning tea.
 
Madwar 30 persuna attendew għal festa ta’ ikel ta’ ħut li kienet mill-aqwa. Ir- resturant kien The Catch li huwa mmexxi minn Joe u Miriam Portelli li wara li spiċċaw mill-Valletta Café, fil-qalba tal- belt ta’ Sydney issa fetħu dan ir- resturant.
 
Il-President tal-MPPof DB, Victor Grech faħħar il-kontribut enormi ta’ Fr Briffa mhux biss lejn din l-għaqda iżda lejn il- komunitą Sależjana tul il-ħajja twila tiegħu. Meta wieġeb Fr Briffa dan qal li jaqsam l-unur li rċieva mill-Gvern Federali Awstraljan ma’ dawn kollha li kienu ta’ għajnuna miegħu għax waħdek ma tasal qatt. Huwa rringrazzja lil dawk kollha li b’xi mod jew ieħor wasslulu x-xewqat tajba għal għotja tal-Order of Australia.
 
Kull min attenda dan il-lunch sab quddiemu festa ta’ ikel ta’ kull kwalitą ta’ ħut bnin li f’atmosfera hekk sabiħa, qrib il-baħar u jum tal-Ħarifa mill-isbaħ.

 

Il-grupp li attenda għall-festa tal-ħut f’The Catch f’The Spit, Mosman.


Uħud minn dawk li attendew, Fr Briffa SDB jidher bil-wieqfa.

 
 

 Dun Ġorġ qaddis minn dejjem

 

Ktibt darba oħra dwar il-bust tal-bronż ta’ San Ġorġ Preca, l-ewwel u l-uniku qaddis Malti li hemm biswit il-Katidral ta’ St Patrick’s f’Melbourne. Dun Ġorġ ġie ddikjarat qaddis mill-Papa Benedittu XV1 f’ċerimonja li saret fil-Vatikan f’2007. Fis- sena 1907 Dun Ġorġ ifforma s-soċjetą tal-MUSEUM iżda din sabet oppożizzjoni ħarxa mill-Knisja kattolika sakemm l- Arċisqof Mauro Caruana approvaha fis- sena 1932. Illum dak li beda Dun Ġorġ infirex fl-Awstralja, l-Ingilterra, l-Albanja, il-Kenja, is-Sudan u l-Peru. Il-komunitą Maltija ta’ Melbourne irnexxilha tiġbor madwar $50,000 biex twaqqaf dan il-bust tal-bronż.
 
Kien xieraq li nitkellem ma’ Gejtu Deguara   minn  Westmeadows  Victoria,

 

Gejtu u Mary Deguara quddiem il-bust ta’
San Ġorġ Preca

 

mhux għax hu l-Viċi President biss tal- Kunsill   tal-Komunitą   Maltija   f’Victoria

 

sewwa li dan is-saċerdot twil u dejjem iżda għax bħala Ħamruniż bħali niftakru mgħaġġel fit-toroq tal-Ħamrun fejn kien joqgħod kważi quddiem il-Knisja parrokkjali ta’ San Gejtanu.
 
Gejtu jiftakar sewwa każ fejn il-mara ta’ ħuh, li fl-1940 kien għad għandha biss tlett snin kienet makuma minn marda serja. Darba kien għaddej Dun Ġorġ minn quddiem id-dar u talbuh jitlob fuqha. “Mank għaddew sagħtejn li din it-tarbija ma qamitx mis-sodda u bdiet timxi, iva Dun Ġorġ kien qaddis qabel ma għamluh” qalli Gejtu li f’dan ir-ritratt jidher flimkien ma’ martu Mary jammiraw il-bust ta’ San Ġorġ Preca. Gejtu Deguara huwa wkoll il-President ta’ l-Għaqda San Gejtanu f’Melbourne.

 
 

 Mill-assedju bil-kant

 

Il-kantawtur Awstraljan ta’ dixxendenza Maltija Jay P nieda l-ewwel album mużikali tiegħu - 1565 Patiently Waiting.

L-1565 – sena storika għal poplu Malti bir-rebħa fuq l-imperu Ottomann - għal Joseph Portelli, artist li jmur bl-isem ta’ Jay P, l-1565 hija sena li tqajjem bosta emozzjonijiet u kien għalhekk li għażel din id-data bħala parti mit-titlu ta’ l-ewwel album tiegħu kif ukoll ta’ kanzunetta fl-istess album.
 
Imwieled Melbourne minn ġenituri Għawdxin, Joseph għadda tfulitu fil-Gżejjer Maltin – fir-raħal tax-Xagħra – u attenda l- kulleġġ ta’ De La Salle.
 
Il-karriera mużikali ta’ Jay P bdiet ta’ l-eta’ ta’ 12-il sena fix- Xagħra Għawdex fuq l-inkoraġġiment ta’ saċerdot żagħżugħ. Lura fl-Awstralja fl-eta’ ta’ 16-il sena, Joseph sabha diffiċli li jerġa’ jissetilja f’art twelidu u kien jingħalaq f’kamartu biex jimmedita u beda jesprimi l-emozzjonijiet tiegħu billi jikteb il- kanzunetti.
 
Fi kliem Jay P, “Huwa faċli li nikteb kanzunetta, li nkanta, li ndoqq il-kitarra, iżda mill-banda l-oħra, huwa diffiċli ferm li nesprimi l-emozzjonijiet tiegħi fil-pubbliku, b’mod partikolari fuq il-kundizzjoni ta’ missieri li għandu d-dimenzja.
 
Infatti, kien għalhekk li beda’ kollaborazzjoni ma’ Alzheimer’s Australia – fis-sena 2008 fuq inizjattiva tiegħu stess u bil- għajnuna tal-kumpanija tiegħu Star Motion Enterprises Pty Ltd, organizza serata mużikali – Show Compassion – serata li mhux biss ġabret fondi b’risq persuni li għandhom id-dimenzja u l-familji tagħhom, iżda wkoll qajjmet kuxjenza dwar din il- marda.

Jay P għadhu mpenjat ma’ Alzheimer’s Australia Vic; fil- ġimgħat li għaddew ħa sehem f’seminar organizzat mill-Kunsill Malti tal-Victoria, flimkien ma’ Alzheimer’s Australia Vic u Carers Connections. U flimkien ma’ Deb Cutts, Maniġer għar- Relazzjonijiet u Żvilupp Komunitarju ta’ AAV, ipparteċipa wkoll fi programmi ta’ diskussjoni fuq ir-Radju SBS u r-Radju 3WBC, kif ukoll f’xandira minn Faċilitą għall-Anzjani.
 
Jay P jagħti wkoll persentaġġ mill-bejgħ ta’ l-album tiegħu 1565 Patiently Waiting waqt wirjiet mużikali lil Alzheimer’s Australia.

 

Joseph Portelli magħruf bħala Jay P ma’ missieru Chris.

 

Iżda għaliex album bit-titlu 1565 Patiently Waiting?
 
Jay P jgħid li fis-sena 2007, meta kien għaddej minn żmien diffiċli u fuq suġġeriment ta’ ħabib tiegħu, qara l-ktieb dwar l- Assedju l-Kbir ta’ Malta – u kien hawn li rrealizza li għalkemm bħal Kavallieri ta’ San Gwann u l-poplu Malti, kien jinsab b’dahru mal-ħajt, bħalhom seta’ jikseb kuraġġ u jkompli mhux biss jaffaċċja l-battalji personali, iżda wkoll li jwettaq il-ħolma tiegħu - album mużikali.
 
Permezz ta’ dan l-ewwel album, Jay P jgħid li jixtieq li mhux biss iqajjem għarfien dwar din id-data storika ta’ l-1565, iżda wkoll li juri li, bħal ma’ l-antenati tiegħu iffaċċjaw b’suċċess battalja kontra l-għadu, hekk għandna wkoll fil-ħajja tallum, naffaċċjaw il-battalji li niltaqgħu magħhom.
 
Il-kanzunetti ta’ Jay P joħorġu mill-qalb, ibbażati fuq esperjenzi reali, kanzunetti pożittivi b’lirika mqanqla, li aktar ma tismagħhom aktar ssib li tissaħħar mhux biss wara l-vuċi distinta ta’ dan il-kantawtur, iżda wara l-mużika u l-messaġġ pożittiv u spiritwali fil-kanzunetti.
 
Żur http://www.jayp.com.au/ L-album jinxtara minn http://www.cdbaby.com/ jew JB HiFi (fl-Awstralja)  Star Motion Enterprises, P.O. Box 9125, South Yarra, VIC 3141 Australia. Grazzi lil Marlene Galea ta’ SBS Radio għal din l-istorja.

 
 

Nieħdu gost jekk tibgħatuli aħbarijiet mill-komunitą biex indaħħluhom f’din il-website li tmur mad-dinja kollha b’kalkolu ta’ madwar 1500 qarrejja fil-ġimgħa. Ibgħatu lil lawdimech@optusnet.com.au

 

 

Jekk trid taqra l-artikli ta' dawn il-paġni li dehru qabel
Agħfas Hawn

 

 

Home  |  Maltese Għana  |  Maltese Folklore  |  General Section

 

Copyright © 2009 allmalta.com. All rights reserved.
Design, implementation and hosting by allmalta.com