It-Tnejn, 16 ta' Marzu 2009     
      

Aħbarijiet
mill-Awstralja

ma' Lawrence Dimech OAM J.P.
Għal aktar aħbarijiet mill-Awstralja aqraw The Maltese Herald
li toħroġ fl-Awstralja kollha kull nhar ta' Tlieta.

 Fejn qlejna bajda naqlu tnejn

 

Ftit jiem ilu fil-paġni tal-ġurnal l- orizzont li joħroġ f’Malta qrajt twissija serja “Issifirx mingħajr il-karta Ewropea tal-Assigurazzjoni tas-Saħħa” Hekk għandu jkun. Twissija flokha liċ-ċittadini Maltin li jivvjaġġaw lejn l-pajjiżi ta’ l-Unjoni Ewropea. Almenu hekk jifhem il-qarrej. Iżda din il-karta ta’ l-assigurazzjoni tas- saħħa mhix miftuħa għaċ-ċittadini Maltin kollha. Dan għaliex Malta għandha ċerti ċittadini li huma kkalkulati ferm inqas minn ċittadini Maltin oħra.

Dawk li minn Malta jridu jivvjaġġaw lejn l- pajjiżi fl-Unjoni Ewropea jridu jakkwistaw din il-karta mid-Dipartiment tas-Saħħa iżda jekk iċ-ċittadin mhux residenti f’Malta l-awtoritajiet Maltin ma joffrulux din l-assigurazzjoni. L-ivvjaġġar b’din l- assigurazzjoni jestendi wkoll għal tlett pajjiżi, l-Islanda, Liechtenstein u n- Norveġja li sa fejn naf jien ma jiffurmawx parti mill-Unjoni Ewropea.

Dawk li fl-2004 irnexxilhom jiffirmaw dan il-ftehim jiftaħru, u għandhom raġun li l- karta Ewropea tal-Assigurazzjoni tas- Saħħa diġà nħarġet lil 173 miljun persuna. Għandi nifhem li fejn qlew bajda setgħu jaqlu tnejn. Ma kienx se jiswilhom wisq iktar miljuni meta fil-ftehim jinkludi wkoll kull persuna li tivvjaġġa lejn dawk il- pajjiżi fl-Ewropa minn Malta sa kemm dawk il-persuni jkollhom passaport validu Malti.

Iżda kif dejjem ninsisti minn dawn il- paġni, il-Gvern ta’ Malta ma jridx jaddotta bis-serjetà    l-kunċett   ta’   “the Greater

Simon Busuttil MEP

 

Din il-karta li trid tiġbor minn Malta

 

Malta” u jħares bis-serjetà d-dritt li għandhom iċ-ċittadini Maltin huma fejn huma fid-dinja.
 
Meta f’Settembru tas-sena 2007 kont ressaqt dan l-ilment quddiem il-membru Parlamentari Ewropew Malti, Simon Busuttil dan b’ħerqa kbira u entużjażmu ddikjara li l-fus li fuqu jdur il-prinċipju hu ċarissmu. Jiġifieri li sakemm Malti għandu nazzjonalità Maltija, kollha u mingħajr eċċezzjoni, huma kkunsiderati bħala ċittadini wkoll tal-UE u għalhekk jistgħu jibbenifikaw mid-drittijiet li toffri ċ- ċittadinanza tal-Unjoni Ewropea.
 
Għalhekk kompla jellabora Simon Busuttil MEP dawn huma ntitolati biex jeżerċitaw d-dritt tal-free movement fi ħdan l-UE, jiġifieri li jivvjaġġaw, jgħixu permanenti, jaħdmu jew jistudjaw f’kull pajjiż tal-UE mingħajr l-ebda restriz- zjonijiet għalihom għal sieħeb/sieħba u t-tfal tagħhom.
 
Bi kburija kbira Simon Busuttil ikompli jinsisti li ċ-ċittadini Maltin li jgħixu fl- Awstralja, Amerika, Kanada u f’kull pajjiż ieħor barra l-konfini tal-UE għandhom ukoll dawn id-drittijiet kollha.

Iżda kontra dak li ntqal fil-paragrafi ta’ fuq, fejn tidħol l-EHIC jew il-karta Ewropea tal-Assigurazzjoni tas-Saħħa dak il-garanziji kollha ma japplikawx.

 

Tant u hekk li f’din il-kategorija jispiċċaw id-drittijiet taċ-ċittadini. Addio d-drittijiet mingħajr eċċezzjoni fejn iċ-ċittadin Malti hu wkoll ċittadin tal-UE. F’kelma waħda biex takkwista din il-karta ta’ l- assigurazzjoni trid tkun residenti ta’ Malta u trid tkun tħallas in-National Health Insurance.
 
Hawnhekk irridu nfakkru li hawn mijiet jekk mhux eluf ta’ Maltin residenti fl- Awstralja li ħallsu n-NI u għadhom sallum jirċievu l-benefiċċji anke fl-Awstralja. Infakkru wkoll li bejn Malta u l-Awstralja hemm ftehim reċiproku fis-servizzi tas- saħħa. Mijiet ta’ ċittadini Maltin kemm jekk iżuru l-Awstralja jew f’Malta jibbenefikaw minn dan il-ftehim.
 
Quddiem dan kollu dawk li nnegozjaw dan il-ftehim ma’ l-UE naqsu serjament li jinkludu ċittadini Maltin li jgħixu barra l- konfini ta’ l-UE jew fit-tlett pajjiżi l-oħra bħala l-Islandja u l-Norveġja li l-Gvernijiet tagħhom insistew li ċ-ċittadini tagħhom jiġu inklużi.
 
Dan qed niktbu biex nuri għal darba oħra kif iċ-ċittadini Maltin tad-Diaspora qed jiġu mbarrati mill-ftehim li jilħaq il-Gvern Malti għax il-kunċett ta’ “the Greater Malta” għadu ma daħalx fil-menti tad- diriġenti u dawk li jiffurmaw il-bażi tal- liġijiet jew trattati oħra f’ħafna oqsma tal- ħajja.

 
 

 Philip ikompli jpinġi

 

F’Settembru 08, minn dawn il-kolonni kont laqqajtkom ma’ Philip Bonnici, imwieled San Ġiljan u fil-preżent joqgħod Georges Hall li kien pinġa kwadru ta’ l-ex-Prim Ministru ta’ l- Awstralja, John Howard.

Il-fama ta’ Philip qed tikber u l-pittura tiegħu saret magħrufa tant li dan l-aħħar Steve Roach plajer tar-Rugby League talbu biex ipinġih. Mhux hekk biss iżda għamillu proposta biex ipinġi wkoll personalitajiet oħra sportivi assoċjati mal-kumpanija tiegħu.

Stephen David “Blocker” Roach twieled fl-1962 u bħala prop forward irrappreżenta lill-Awstralja 39 darba kif ukoll ħa sehem fir-Rugby League World Cup bejn 1985-91. Huwa lagħab ma’ Balmain Tigers u huwa kummentatur fuq it-TV fil-logħbiet tar- Rugby League.

 

Philip Bonnici jidher ma' "Blocker" u t-tpinġija tiegħu

 
 

 Fil-qosor

 

Joseph Portelli l-kantant-awtur minn Melbourne li huwa magħruf bħala Jay P ħa l-opportunità taż-żjara tal-President ta’ Malta, Dr Eddie Fenech Adami f’dik il-belt biex jippreżentalu kopja ta’ l-ewwel album tiegħu 1565 Patiently Waiting. Kien xieraq li dan isir għax waħda mill-kanzunetti 1565 tirrakkonta l- ġrajja ta’ l-Assedju l-Kbir ta’ Malta. Il-kantant-awtur li kiteb kemm il-mużika kif ukoll il-kliem ta’ l-album hu iben Għawdxin. Ippreżenta kopja wkoll lil Dr Tonio Borg li akkumpanja lill- President fiż-żjara fl-Awstralja. Għal iktar informazzjoni idħol fil- website www.jayp.com.au.

Ludwig Galea fl-Awstralja

 

Wara li minn dawn il- kolonni ġibna intervista esklussiva tal-kantant Belti, Ludwig Galea li għadu kemm temm żjara fl-Awstralja sirna nafu minn diversi rapporti f’The Maltese Herald li kull fejn kellu l-kunċerti tiegħu kien suċċess kbir. Dan il-kantant barra l-vuċi sabiħa tiegħu għaraf ukoll jiġbed lejh il- parteċipazzjoni ta’ l-udjenza kull fejn kien waqt li kanta quddiem swali ppakkjati bin- nies kemm f’Melbourne, Sydney u anke Brisbane.


X’Innutajt: Fil-laqgħa fenomenali li l-Maltin ta’ Sydney organizzaw għall-President tar-Repubblika, Dr Eddie Fenech Adami, martu Mary u lid-Deputat Prim Ministru, Dr Tonio Borg fir-Reception Hall Le Montage fis-subborg ta’ Leichhardt li skond uħud minn dawk li vvjaġġaw mad-delegazzjoni kienet l- aqwa waħda li saret fl-Awstralja, innutajt li ftit huma dawk il- Maltin li jafu jkantaw l-Innu Malti. Smajna ħafna iktar vuċijiet meta tkanta l-Innu Awstraljan. Mad-delegazzjoni kien hemm ukoll Jurek Juszcyk, il-Kummissarju Għoli Awstraljan f’Malta li ġie l-Awstralja mal-President.

Għal darba oħra l-PBS (Malta) ftit taw importanza lill-Karnival Malti 2009 fil-programm ta’ kull nhar ta’ ħadd filgħodu fuq l- SBSTV. Jaħsbu li iktar importanti x’għandhom xi jgħidu l- politiċi Maltin milli avvenimenti bħal Karnival, Ġimgħa l-Kbira, Notte Bianca, festi ecċ.

 

Jay P flimkien ma' Dr Fenech Adami

 

Nhar il-Ġimgħa, 6 ta’ Marzu 2009 il-Bord ta’ l-Appell tal- MEPA ta d-deċiżjoni tiegħu dwar l-appell li l-Kumitat tal- Monument ta’ l-Anzacs kien għamel wara li l-permess biex jitwaqqaf il-Monument f’ġieh l- Anzacs fil-Ġnien tal-Argotti kien ġie micħud. Fis-sentenza tiegħu l-Bord ta’ l-Appell irrevoka d-deċiżjoni u ordna biex fi żmien 30 jum, il-MEPA toħroġ il-permessi meħtieġa biex dan il-Monument ikun jista’ jsir fil-post mitlub mill- Kumitat. Il-ċerman tal-kumitat tal-Monument ta’ l-Anzacs huwa Nicholas Bonello ekx Kummissarju Għoli għal Malta fl-Awstralja u resident għal ħafna snin f’Sydney.

 


Nieħdu gost jekk tibgħatuli aħbarijiet mill-komunità biex indaħħluhom f’din il-website li tmur mad-dinja kollha b’kalkolu ta’ madwar 1500 qarrejja fil-ġimgħa. Ibgħatu lil
lawdimech@optusnet.com.au
 

 

Id-disinn tal-monument Anzac

 
 

 

Jekk trid taqra l-artikli ta' dawn il-paġni li dehru qabel
Agħfas Hawn

 

 

Home  |  Maltese Għana  |  Maltese Folklore  |  General Section

 

Copyright İ 2009 allmalta.com. All rights reserved.
Design, implementation and hosting by allmalta.com