It-Tnejn, 14 ta' April 2008     
      

 

Aħbarijiet
mill-Awstralja

ma' Lawrence Dimech OAM J.P.
Għal aktar aħbarijiet mill-Awstralja aqraw The Maltese Herald
li toħroġ fl-Awstralja kollha kull nhar ta' Tlieta.

 L-iskema ta’ l-emigrazzjoni tat-tfal

 

 Kont ili nittama li xi darba niltaqa’ wiċċ imb’wiċċ ma’ xi wieħed mit-tfal Maltin li ġew mibgħuta minn Malta lejn l- Awstralja taħt l-iskema taċ-Child Migration. Ftit jiem qabel l- aħħar elezzjoni f’Malta, il-Gvern kixef monument bi stil ferm modern u innovattiv fl-għadira li hemm fil-Valletta Waterfront, fi-xatt ta’ Pinto li sar tant popolari bħala post ta’ ikel u rikreazzjoni.
 
Kien bla ħsieb meta l-ħabib tiegħi Victor Buttiġieġ li trabbejna fl-imkien fi Triq San Tumas il-Hamrun, ġab miegħu lejn il- Melita Stadium lil Alf Wettinger minn Western Australia.
 
Alf Wettinger wasal flimkien ma’ ħuh Henry f’Bindoon Western Australia meta kellu biss 11-il sena u dam ħames snin mal- Christian Brothers. Huwa qal li dawn kienu snin brutali speċjalment fil-bidu iżda hu qatt ma ġie abbużat sesswalment. Kienu snin ta’ ħajja stretta u spartana għax il- Brothers kien jġegħluhom jaħdmu iebes ħafna. Qalli li għadu sal-lum disturbat emozzjonalment miż-żmien li għadda mal-Christian Brothers.
 
Illum Alf għandu 66 sena u twieled il-Mellieħa, miżżewweġ lil Dianne u għandhom erbat itfal. Għandu negozju bl-isem ta’ Statewide Drafting Service fejn jagħmel workshop drafting għal steel fabrication u għal fuq kull tip ta’ strutturi kummerċjali u industrijali. Huwa mar lura Malta meta kellu 21 sena u reġa’ ltaqa’ ma’ ommu.

Dawk li niżlu Malta apposta għaċ-ċerimonja: Alf Zammit, Anne Gernani, Prof David Plowman u Paul Calleja

Il-monument forma ta' vapuret tal-karti, wara jidher il-vapur
tal-gwerra l-HMS Illustrious.

 

Victor Buttigieg, Lawrence Dimech, Alf Wettinger u Sam Vella.

 

Serva bħala President tal-Maltese Association ta’ WA (Inc) għal tlett snin. Sas-sena 1999 qatt ma kellu kuntatt mal- komunitą Maltija sa kemm daħal membru mal-MAWA fejn għamel ukoll xi snin bħala Kaxxier.

Huwa kien wieħed fil-lista ta’ dawk li kellhom jinżlu Malta meta saret iċ-ċerimonja tal-kxif tal-Monument iżda l-Gvern Malti offra biss tlett passaġġi lejn Malta u ma kienx wieħed mill-magħżulin.

Bejn is-snin 1950 u 1967 il-Gvern Malti bl-għajnuna sħiħa tal- Knisja Maltija kienu responsabbli biex bagħatu 300 tfal lejn South u Western Australia f’Istituti Kattoliċi. Iżda din l-iskema magħrufa bħala Child Migration mhux dejjem ħadmet għall-ġid tat-tfal Maltin tant li kien hemm akkużi serji ta’ abbużi sesswali, psikoloġiċi u soċjali kif ukoll nuqqasijiet ekonomiċi.

Waqt li l-knejjes kattoliċi ta’ l-Awstralja, Kanada u anki Ingliżi kollha għamlu apoloġiji lil dawn it-tfal u kien hemm wkoll ħlas ta’ kumpens, il-Knisja Maltija qatt ma riedet tagħmel apoloġija. Ftit jiem qabel l-aħħar elezzjoni ġenerali l-Knisja Maltija qablet li tieħu sehem fiċ-ċeremonja li saret fil-Valletta Waterfront biex jiġi mikxuf dan il-monument forma ta’ vapurett tal-karti, kif konna nilgħabu bihom meta konna tfal.

Il-Plakka tal-monument

 
 

 Unur għal Gregory Caruana

 

 Kull sena fl-iStat ta’ NSW jkollna l-Ġimgħa ta’ l-Anzjani (Seniors Week) li hija inizjattiva tal-Gvern Statali Tul din il- ġimgħa jkun hawn diversi attivitajiet speċjali għall-anzjani. Insibu wkoll li l-komunitą Maltija tieħu parti attiva f’dak li jkun qiegħed isir għax il-Maltin huma komunitą li qed tixjieħ b’għaġġla kbira.

Fost il-ħafna attivitajiet li jniedu l-Gvern Statali hemm l- Achievement Awards li huma bla dubju l-ogħla unur li tista’ tiġi mogħti bħala anzjan. Ikun hemm funzjoni eleganti u impressjonanti ħafna fis-Sydney Town Hall fejn jiġu mqassma dawn l-awards lil dawk li wrew inizjattiva u direzzjoni bil- kontribut tagħhom fl-iżvilupp tal-komunitą. Dawn l-għotjiet mhux ristretti għall-Maltin biss iżda lejn kull rokna tal- komunitą ġenerali.

L-uniku Malti li dis-sena ġie mogħti għarfien mill-iStat ta. NSW kien Gregory Caruana li huwa magħruf sewwa fost il- komunitą Maltija għall-kontribut tiegħu fil-qasam teatrali. Għal dan l-aħħar 15-il sena kien President u Direttur ta’ l-Għaqda Teatrali u Kulturali “Ċittadini”.

Kienet l-Għaqda, Maltese Welfare li nnominat lil dan il-Malti għal dan l-unur. Greg Caruana għandu 67 sena u twieled l- Mosta. Fis-sena 1966 iżżewweġ lil Agnes Gatt u illum għandhom tlett it-tfal u erba’ tfal tat-tfal. Huwa kien ħaddiem id-Dockyard u attiv ħafna fil-GWU.

Emigra lejn l-Awstralja fl-1980 u ħadem ma’ Trend Windows għal 26 sena sħaħ fejn irtira dan l-aħħar. Mal-wasla f’NSW mill-ewwel beda x-xogħol tiegħu fil-qasam tal-palk fejn kien ta’ inspirazzjoni   għal  ħafna  atturi.   Huwa  jemmen  li  mill-palk

 

Greg u martu Agnes

joħroġ ħafna tagħlim tant li kien parti minn għadd ta’ avvenimenti fuq il-palk ta’ valur storiku Malti. Iċ-Ċittadini, taħt id-direzzjoni tiegħu saru magħrufa fil-qasam filantrofiku wkoll b’għotjiet sostanzjali kemm f’Malta u anke l-Awstralja.
 
Il-programmi taċ-Ċittadini għadhom sal-lum jattiraw mijiet ta’ Maltin kull darba li jidhru fuq il-palk. Huma wkoll iġibu minn Malta artisti ta’ fama bħal Ġemma Portelli, id-Dulli u dan l- aħħar Freddie Portelli. Greg Caruana huwa wkoll il-President tal-Festa ta’ Santa Marija u membru ta’ għaqdiet oħra Maltin. Ma hemmx dubju li Greg Caruana ħaqqu dan il-mertu li rċieva mill-iStat ta’ NSW.

 
 

 Jiltaqgħu aktar Maltin

 

 Kif aħna fuq is-suġġett ta’ l-anzjani naslu wasla fis-subborgi ta’ Bankstown u Canterbury f’NSW fejn hemm ukoll nsibu grupp ta’ Maltin li jiltaqgħu darba fix-xahar fil-Community Resource Centre. Il-grupp kienet bdietu Rebecca Galea iżda issa jidher li huwa mmexxi minn missierha Sam Galea. Ftit ilu bħala kelliemi ewlieni kellhom lil Lino Vella, l-editur tal-Maltese Herald li tkellem b’dwar ir-rwol ta’ din l-uniku gazzetta nazzjonali fl-Awstralja li f’Lulju 2008 tagħlaq 47 sena ta’ pubblikazzjoni kontinwa, bla dubju l-iktar gazzetta bil-lingwa Maltija li toħroġ barra mill-Awstralja. Lino Vella ilu editor ta’ din il-gazzetta għal 37 sena.

Waqt laqgħa tal-grupp ta' Bankstown u Canterbury f’NSW

  
 

 U fl-aħħar…….

 

 Dan l-aħħar ktibna dwar l-għarqa ta’ l-HMAS Sydney li nstabet wara 66 sena. Fuqha kien hemm żewġ Maltin, Salvatore Zammit miż-Żejtun li rnexxielna nsibu żewġt itfal tiegħu, wieħed Jimmy Zammit (illum mejjet) eks segretarju tal-Phoenician Club u Joe Zammit ta’ 82 sena, li għadu ħaj u attiv li jgħix Marsaxlokk. Salvu kien bgħat għall-mara u tlett uliedu fis-sena 1937. Il-mara tiegħu kienet Katarina mwielda l-Gudja.
 
Samuel Psaila twieled fl-1917 u kien joqgħod Triq l-Imdina s-Siġġiewi. Wasal l-Awstralja ta’ 21 sena fuq il-Jervis Bay fl-1938. Nafu wkoll li missieru kien jismu Filippu. Kien ġuvni u kien bgħat għalih zijuh Ċensu Psaila li kien jogħoqod f’Allawah Street Blacktown. Ċensu Psaila kien emigra lejn l-Awstralja għall-ewwel darba fl-1912, mar lura Malta u ġie l-Awstralja mill-ġdid fuq dak l-infami vapur Ganges fis-sena 1916 meta 214 emigranti Maltin ma tħallewx jinżlu Sydney u ħaduhom New Caledonia.

Jekk hawn minn għandu aktar informazzjoni dwar dawn iż-żewġ Maltin li għerqu fuq l-HMAS Sydney ikkuntatjawni.

 
 
 

Ftakar li din il-paġna tinbidel kull ġimgħa. Jekk trid iktar tagħrif ikkuntattja
lawdimech@optusnet.com.au

 

 

Jekk trid taqra l-artikli ta' dawn il-paġni li dehru qabel
Agħfas Hawn

 

 

Home  |  Maltese Għana  |  Maltese Folklore  |  General Section

 

Copyright © 2007 l-orizzont & allmalta.com. All rights reserved.
Design, implementation and hosting by allmalta.com