It-Tnejn, 7 ta' April 2008     
      

 

Aħbarijiet
mill-Awstralja

ma' Lawrence Dimech OAM J.P.
Għal aktar aħbarijiet mill-Awstralja aqraw The Maltese Herald
li toħroġ fl-Awstralja kollha kull nhar ta' Tlieta.

 Grupp minn Malta f'Byron Bay NSW

 

 Ma nistgħux ngħidu li bejn Malta u l- Awstralja fejn tidħol ix-xena tad-divertiment mużikali għandna xi skambju ta’ ekwilibru. X’aktarx li għandna traffiku one way minn Malta lejn l-Awstralja. Rari biex xi artisti Awstraljani-Maltin jiġu mitluba biex jinżlu Malta biex juru t- talent tagħhom. Dan l-aħħar kellna lin- Nathalie Gauci minn Melbourne li kienet għadha kemm rebħet l-Australian Idol li ġiet mitluba tkanta f’Malta. Iżda ftit huma dawk li jiġu mogħtija l-istess opportunità bħal din il-kantanta ta’ nisel Malti.
 
Minn naħa l-oħra gelgul ta’ kantanti Malti

 

jiġu fostna fl-Awstralja, minn Renato, Mary Spiteri, il-George Pusé Curmi, Enzo Gusman u ħafna oħrajn. Dawn ġeneralment jinġibu biss biex jallegraw lill-Maltin fl-Awstralja u rari jersqu lejn il- komunità ġenerali kbira Awstraljana mhux għax it-talenti tagħhom ma jwasslux iżda minħabba raġunijiet varji li ftit huma ċari u spjegati.
 
Dan l-aħħar ħadna pjaċir naraw grupp Malti, Tribali li ġie mistieden mhux biex jieħdu parti biss f’xi kunċert tal-Maltin iżda f’Belongi Fields, Byron Bay, f’belt turistika tant magħrufa ma’ l-Awstralja kollha waqt  il-Blues and Roots Festival.

Waqt wieħed mill-kunċerti tat-Tribali

 

Wieħed mill-posters tat-Tribali

Dan il-grupp jispeċjalizza f’mużika etnika minn madwar id-dinja sa anke jagħmlu użu mid-didgeridoo Awstraljan. Il-grupp huwa ffurmat minn ħamsa, Emmanuel Grech li jdoqq id-didgeridoo, Joe Sapiano li jdoqq is-sitar u l-kitarra, Antoine u Peter Paul li jdoqqu l- percussion u d-drums u Adriano li jdoqq il-bass. Ilhom idoqqu flimkien għal dawn l-aħħar tlett snin u nofs u kisbu fama għax huma ferm differenti. Għadhom ukoll kemm ħarġu album wara l-kunċert spettakulari tagħhom f’Ħaġar Qim. Huma daqqew ukoll fl-Ingilterra u issa fl- Awstralja.

 
 

 It-tempju Buddista u l-Maltin

 

 Il-belt ta’ Wollongong (madwar 90 km bogħod mill-belt ta’ Sydney) hija l-bennina ta’ l-industrija ta’ l-azzar iżda hija wkoll belt sabiħa ħafna b’ħafna xtajtiet li tul dawn l-aħħar 60 sena attirat ħafna emigranti Maltin biex imorru jgħixu fiha u fis-subborgi ta’ madwar. Skond l-aħħar ċensiment fin-naħat imsejjħa Illawarra għandna elf Malti li twieldu Malta u 3,584 li stqarrew li huma ta’ dixxendenza Maltija. Fis-subborg ta’ Cringila għandna wkoll l-uniku Ċentru Malti jiġifieri l-George Cross Falcons Club.
 
Waħda mill-aqwa attrazzjonijiet f’dawn in-naħat huwa t-tempju Nan Tein li jinsab fis-subborg ta’ Berkeley iħares lejn Mount Kiera u Mount Kembla. Huwa fil-fatt wieħed mill-fergħat tat- tempji Fo Guang Shan li ġie mwaqqaf minn Hsing Yun. Għandhom mitejn fergħa oħra mad-dinja kollha.  “Nan Tien” fil-

Il-grupp mill-Marsa jaslu f'Cringila

 

Nan Tein Temple f'Wollongong

fatt tfisser Paradise in the South. Dan huwa l-ikbar tempju Buddista fis-southern hemisphere u kemm ilu li nfetaħ fl-1995 sar attrazzjoni mill-aqwa.
 
Ġie mogħti ħafna premjijiet għall-aqwa arkitettura, l-aqwa ġonna, l-aqwa żamma ta’ l-ambjent u dawl naturali. Ma jonqosx għalhekk li ħafna Maltin meta jżuru dawn in-naħat jgħaddu ukoll sa dan it-tempju magnifiku. L-Għaqda tal-Marsin ta’ NSW rħewlha lejn Wollongong fi tlett mini buses u qabel ma spiċċaw jieklu u jiddevertu fiċ-Ċentru Malti għamlu żjara lil dan it-tempju u anke postijiet oħra ta’ interess fl-inħawi.
 
L-aħħar waqfa kienet fi Cringila, fiċ-ċentru Malti fejn sabu festa sħiħ ta’ ikel Malti. Ġiet organizzata wkoll it-tombla u lagħbu l- boċċi fuq il-pitch li għadu kemm ġie rranġat. Emmanuel Vella, għan-nom tal-Marsa Trinity Association rringrazzja lill- President tal-GCF Club u lill-kumitat tiegħu tal-laqgħa sabiħa li offrewlhom. Il-flus li nġabru se jmorru għall-missjoni. Dawn iż-żjara minn organiżazzjonijiet Maltin minn Sydney fil-Ċentru ta’ Cringila saru popolari ħafna.

 
 

 Rebħa għal Awstralja, telfa għal Malta

 

 Id-dinja ta’ l-isport qegħda fil-preżent tipprepara bi sħiħ għall-Olimpjadi li se jsiru fiċ-Ċina f’Awwissu 08. L-Awstralja li se tibgħat madwar 500 atleta tinsab ukoll fl-aqwa tagħha f’kull sfera u dixxiplina biex tagħżel l-atleti tagħha. Fil-judo, l-għażla saret fit-22 ta’ Marzu fi Christchurch, New Zealand fejn saru l- Oceania Judo Championship. Kien hawn li kellna sorpriża sabiħa meta Mick Cutajar, Malti-Awstraljan minn naħat ta’ Wollongong NSW daħal fit-tim Awstraljan tal-judo li se jmorru ċ-Ċina.
 
Waqt li l-Awstralja akkwistat, din mhux aħbar tajba għat-tim Olimpiku ta’ Malta għax skond dan l-atleta x-xewqa tiegħu kienet li jirrappreżenta lil Malta. Mick Cutajar ikkuntattja lill-kumitat Olimpiku ta’ Malta u sa anke offra li jinżel Malta biex jikkontesta għall-għażla li kellha ssir f’Marzu iżda t-talba tiegħu ma ġietx milqugħa.
 
Fl-Oceana Judo Championship fis-sessjoni ta’ taħt l-mitt kg illotjaw tmien kontestanti. L-ewwel lotta ta’ Cutajar kienet kontra Eric Jose minn Guam fejn irreġistra l-ewwel rebħa. Imbagħad b’sorpriża kbira rebaħ liċ-ċampjin ta’ New Zealand u ċ-ċamjin kurrenti tad-dinja Eugene Pragnell. B’din ir-rebħa, il- Malti għadda għall-Midalja tad-deheb u l-għażla finali fit-tim Olimpiku Awstraljan.
 
Issa quddiemu sab għadma qawwija f’Matt Celotti. Kien hemm   lotta   tremenda  ta’  saħħa  miż-żewġ  atleti.  Ir-rebħa

 

Mick Cutajar

kienet ta’ Celotti u għalhekk Mike Cutajar spiċċa t-tieni u ġie magħżul bħala riserva fit-tim Olimpiku Awstraljan.

Kienu ħafna li tkellmu b’tifħir għall-wirja tal-Malti wara li għeleb kompetituri magħrufa tal-judo kemm fl-Ewropa u l-kumplament tad-dinja. George Bartolo li akkwistalna din l-istorja qalilna li tkellem ma’ Cutajar u dan qallu li jinsab ferħan ħafna b’dawn ir-rebħiet għax issa rebaħ ukoll ir-rispett tad-dinja tal-judo bl- għażla tiegħu fit-tim Awstraljan.

  
 

 Dieħla x-xitwa

 

 Fit-8 ta’ April f’dawn in-naħat tad-dinja nidħlu fil-ħin tax-xitwa u għalhekk indawwru l-arloġġ siegħa lura. Spiċċa għalhekk il- ħin tas-sajf fil-partijiet ta’ l-Awstralja li josservawh bħal ACT, NSW, Tasmania u Victoria. Queensland u NT ma josservawx il-ħin tas-sajf. F’Malta diġa dawwartu għal ħin as-sajf. Fl-Awstralja dħalna fil-ħin tax-xitwa. Bejn Malta u l-Awstralja issa hemm differenza ta’ tmien (8) siegħat u mhux għaxra jekk sintendi il-ħin qabel it-8 ta’ April 2008 kien għaxar siegħat.

 
 
 

Ftakar li din il-paġna tinbidel kull ġimgħa. Jekk trid iktar tagħrif ikkuntattja
lawdimech@optusnet.com.au

 

 

Jekk trid taqra l-artikli ta' dawn il-paġni li dehru qabel
Agħfas Hawn

 

 

Home  |  Maltese Għana  |  Maltese Folklore  |  General Section

 

Copyright © 2007 l-orizzont & allmalta.com. All rights reserved.
Design, implementation and hosting by allmalta.com