It-Tnejn, 3 ta' Marzu 2008     
      

 

Aħbarijiet
mill-Awstralja

ma' Lawrence Dimech OAM J.P.
Għal aktar aħbarijiet mill-Awstralja aqraw The Maltese Herald
li toħroġ fl-Awstralja kollha kull nhar ta' Tlieta.

 Ktieb ieħor ta’ valur kbir

 

 Il-Professur Maurice N. Cauchi AM, MRQ, huwa “ġawhra” u għandu post ewlieni fl-istorja ta’ l-immigrazzjoni għax barra li kien attiv immensament fost il- komunità ta’ Melbourne, Stat ta’ Victoria fejn serva bħala President tal-Maltese Community Council ta Victoria u anke Chairman tal-Ethnic Communities Council ta’ Victoria, ix-xogħlijiet miktuba tiegħu dwar il-Maltin fl-Awstralja huma teżori u jiswew mitqlu deheb. Fl-2006 ħareġ il-ktieb tant popolari u bżonnjuż The Maltese Achievers in Australia. Ftit ilu ġie f’ideja l-aħħar ktieb tiegħu, A Who’s Who of Maltese-Background persons in Australia and New Zealand. Xogħol riċerkat għall-aħħar li jinkludi xejn anqas minn 700 isem.

Profs Maurice N. Cauchi AM, MRQ

 

Il-ktieb huwa ppublikat mill-Maltese Historical Association (Aust) Inc.

Nieħu pjaċir nara għaqdiet Maltin li jidħlu għal proġetti hekk bżonnjużi biex tiġi rrekordjata l-istorja tal-Maltin fl- Awstralja. Dan l-aħħar xogħol tal-Prof Cauchi huwa bżonnjuż għax ipoġġi fil-beraħ dawk il-Maltin fl-Awstralja u New Zealand li għamlu isem għalihom f’ħafna oqsma iżda wisq iktar juri l- kontribuzzjoni enormi tal-Maltin u dawk b’dixxendenza Maltija lejn il-pajjiż li addattajna bħala t-tieni art tagħna.

Il-madwar 700 isem li jidher f’dan il-ktieb huma bħal ġebla fuq l-oħra li bnew il-ħajt Malti fl-Awstralja. Hemm msemmija wkoll xi nies li ma għandhomx magħna iżda li kien hemm bżonn li jiġu mfakkra.

Jien żgur u bħali se jkun hawn mijiet li jixtru dan il-ktieb għax fih insibu mera ta’ komunità li bejn wieħed u ieħor, bejn dawk li emigraw u dawk li huma wild ta’ dawn l-emigranti, jilħqu l-figura fenomenali ta’ 200,000. L-awtur stess jgħid li mhux faċli li tiddikjara kemm hawn persuni ta’ dixxendenza Maltija fl-Awstralja u NZ iżda din il-figura mhux eseġerata bħal figura li konna nbandlu fl- antik.

Il-Who’s Who juri fid-dettall mhux dak biss li nkiseb iżda kif inkiseb tul-il-ħajja ħafna drabi diffiċli f’pajjiż stranġier u kif it-tfal  tagħna  rrnexxilhom  ukoll jilħqu fl-

 

Il-qoxra tal-ktieb Who's Who

 

aqwa postijiet xhieda ta’ l-integrazzjoni sħiħ mill-Maltin fl-Awstralja.

Jekk wieħed kellu jsib xi kritika f’dan il- ktieb hi xi ftaħir żejjed fil-ħajja ta’ ċertu persuni iżda l-awtur ma kellux tort għax kulħadd jaħseb li dak li wettaq f’ħajtu huwa importanti. Mill-ġdid nagħti tifħir mill-qalb lil dan l-awtur li bil-kitba u x- xogħol tiegħu fil-qasam ta’ l-emigranti elevana fi klassi għalina fejn tidħol l- istorja tal-Maltin fl-Awstralja. Jekk trid tirriserva kopja iktibli.

 
 

 Spettaklu fil-belt kapital

 

 Canberra, il-belt kapital ta’ l-Awstralja hija veru xempju ta’ soċjetà tassew multikulturali f’kull aspett. Din il-belt tispikka minn żmien għal żmien meta torganizza avvenimenti ħafna drabi spettakulari fejn jisponta sewwa l-kunċett multikulturali. Fi Frar (fl-Awstralja żmien is-sajf) f’din il-belt tiġi organizzata l- Cultural Food & Dance Spectacular li fiha ma hemmx dubju jieħdu parti attiva ħafna il-komunità Maltija li għandna issetiljata fl-Australian Capital Territory (ACT) u fl-inħawi.

Ta’ min jgħid ukoll li l-belt ta’ Queanbeyan għalkemm hija fl- iStat ta’ NSW iżda hija fuq il-bordura bejn NSW u l-ACT u għandha affinità qawwija mal-belt kapitali iktar minn NSW.

F’Queanbeyan fil-fatt hemm Maltin kważi daqs kemm hemm Maltin f’ACT kollu.

Wieħed mill-iktar nies ħabrieka li għanda f’dawn in-naħat huwa Alfred Flask (martu Anna), il-President tal-Maltese Australian Association of Canberra & Queanbeyan li minn għandu issillift dan ir-rapport.

Dan l-ispettaklu huwa sponserjat mill-Gvern ta’ NSW u t- Tradesmen Club bl-għajnuna ta’ Canberra Multicultural Forum. Din is-sena kien hemm 190 stalls 40 aktar milli kien hemm is-sena l-oħra. F’dawn it-tined issib kull xorta ta’ ikel u xorb ippreżentat mill-komunitajiet etniċi differenti ta’ dawn in-naħat, minn membri ta’ l-Unjoni Ewropea sa l-Lvant Nofsani. Kienet dehra sabiħa ta’ għaqda u armonija bejn kulħadd. Xi ambaxxati kienu wkoll irrapreżentati fosthom Malta.

Barra l-ikel kien hemm ukoll tlett palkijiet differenti skjerati f’postijiet prominenti fejn kien hemm wirjiet ta’ żfin, kant u mużika internazzjonali.

It-tinda ta’ l-ikel tradizzjonali Malti kienet f’idejn il-membri ħabrieka tal-MAA of C & Q u dawk li żaru t-tinda setgħu jduqu minn varjetà ta’ ikel bħal imqarrun il-forn,, ross il-form, minestra,  torta  ta’  l-irkotta,  pulpetti qassattat u pastizzi. Sa

Il-food Festival f'Canberra

 

Skorba jdoqqu fil-Festival

 

anke ħelu kien hemm bħal qagħaq ħelwin, pudina tal-ħobs, torta tal-lewż u kannoli.

Il-Kummissarju Għoli għal Malta f’Canberra Francis Tabone kien prominenti f’din il-wirja u miegħu kien hemm ukoll Giaconda Scicluna mill-Konsulat Ġenerali ta’ Victoria. Il- Kummissjoni Għolja ta’ Malta ippreparat tinda wkoll biex tirreklama lill-Malta b’posters u films dokumentarji. Tqassmu wkoll xi tifkiriet dwar Malta.

L-ispettaklu mużikali ġie ppreżentat mill-grupp folkloristiku Skorba mmexxi minn Andy Busuttil. Barra li jinterpretaw Għana Malti bi stil mexxej, Skorba jagħmlu użu effettiv mill- skrin kbir fejn juru xeni tal-Malta waqt li jkunu qed idoqqu. Din il-wirja viżwali tinżel tajjeb ferm ma’ l-eluf ta’ l-ispettaturi li jattendu għal dan l-ispettaklu u tħalli reklam dejjiemi għal Malta.

Andy Busuttil qalli li Skorba ġew mistiedna biex idoqqu kemm f’Ġerusalemm, Israel u anke f’Malta u jinsabu aċċettati ferm li ftit ftit qegħdin jingħataw għarfien internazzjonali.

Dan l-ispettaklu fil-belt kapitali, bis-saħħa ta’ ħidma minn dawk ikkonċernati kienet ta’ pubbliċità kbira għall-pajjiżna. Ma nafx kemm f’Malta japprezzaw dawn l-isforzi li jsiru fl- Awstralja biex pajjiżna Malta jieħu postu mal-pajjiż l-oħra tad- dinja u biex issaħħaħ l-industrija tat-turiżmu.

 
 

 Ħarsa lejn l-ACT u Queanbeyan

 

 Iktar il-fuq semmejt fuq fuq il-Maltin li għandna jgħixu kemm fit-Territorju tal-kapitali u anke fl-inħawi tad-distrett imsejjaħ Queanbeyan. Il-ħabib tiegħi, l-istoriku Mark Caruana qiegħed jippubblika serje ta’ artikli f’The Maltese Herald, il-gazzetta nazzjonali bil-lingwa Maltija li toħroġ fl-Awstralja kull ġimgħa u li ilha tiġi ppubblikata kontinwament għal dawn l-aħħar 47 sena fejn iħares lejn iċ-ċensiment Awstraljan 2006 u janalizza u jagħti tifsira ta’ fejn jgħixu l-Maltin.
 
Canberra, il-belt kapitali Awstraljana tinsab f’dak l-hekk imsejjaħ Territorju Kapitali. Hija bogħod 281 km minn Sydney u 660 minn Melbourne. Il-popolazzjoni hija madwar 325,000, fost dawn għandna 298 li twieldu Malta.
 
Queanbeyan li ġiet iddikjarata village fl-1838 għandha affinità qawwija ma’ Canberra (hemm bogħod biss 10 minuti) iżda ġeografikament tinsab fl-iStat ta’ NSW. F’dawn in-naħat hemm popolazzjoni ta’ 37,000 persuna f’wesgħa ta’ art ta’ 172.88 sq km. Fiha hemm jgħixu 293 persuna mwielda Malta. Persuni li twieldu Malta li joqgħodu fi Queanbeyan u l-ACT flimkien jgħoddu 592 iżda mbagħad insibu li hemm 1,615 li ddikjaraw li għandhom dixxendenza Maltija., kważi tlett darbiet iktar minn dawk li twieldu Malta. Il-Maltin li twieldu Malta kważi kollha (barra 100) waslu f’dawn in-naħat qabel l-2001.

 
 
 

Ftakar li din il-paġna tinbidel kull ġimgħa. Jekk trid iktar tagħrif ikkuntattja
lawdimech@optusnet.com.au

 

 

Jekk trid taqra l-artikli ta' dawn il-paġni li dehru qabel
Agħfas Hawn

 

 

Home  |  Maltese Għana  |  Maltese Folklore  |  General Section

 

Copyright © 2007 l-orizzont & allmalta.com. All rights reserved.
Design, implementation and hosting by allmalta.com