It-Tnejn, 25 ta' Frar 2008     
      

 

Aħbarijiet
mill-Awstralja

ma' Lawrence Dimech OAM J.P.
Għal aktar aħbarijiet mill-Awstralja aqraw The Maltese Herald
li toħroġ fl-Awstralja kollha kull nhar ta' Tlieta.

 Laqgħa ta’ interess
 dwar id-depressjoni u l-ansjetą

 

 Mhix xi ħaġa faċli li kull meta torganizza lejla ta’ informazzjoni għall- Maltin ikollok sala mimlija nies iżda hekk jiġri meta l-Maltese Welfare (NSW) Inc jorganizzaw dawn il- lejliet ta’ interess għall-komunitą tagħna fiċ-Ċentru tal-Knisja ta’ Greystanes NSW.

L-aħħar laqgħa smajna lill-Professur Godfrey Pirotta jitkellem dwar l-ħajja f’Malta “illum u dari” iżda din id-darba l-għażla kienet xi ftit iktar viċin il-ħajja ta’ l-emigranti.
 
Kif qal fl-introduzzjoni tiegħu l-President tal-Maltese Welfare (NSW), Lawrence Dimech kienu ilhom jaħsbu kif se jippreżentaw din il-lejla għax is-suġġett kien wieħed diffiċli biex jiġi ppreżentat b’mod li ma joffendix u b’metodu li jista’ jiftiehem minn kulħadd.

Fl-aħħar irnexxilhom isibu kelliema li huma qrib sewwa tal- komunitą li jifhmu sewwa l-bżonnijiet tagħna l-Maltin fejn tidħol l-ansjetą u d-depressjoni. Mhumiex suġġetti faċli iżda ma hemmx dubju li huma suġġetti ta’ ħtieġa u jolqot lil ħafna.
 
Saru għalhekk arranġamenti mal-Maltija Nancy Serg li taħdem bħala Multicultural Worker f’Merrylands Community Health Centre u flimkien ingħażlu kelliema addattati li dehruli għamlu impatt sewwa fuq iktar minn 70 persuna li attendew fil- jum storiku meta fil-Parlament Federali saret id-dikjarazzjoni mistennija ta’ apoloġija dwar li stolen generation lill- poplu indiġenu ta’ l-Awstralja.

Anthony P. Sciberras BSc (Psych) UNSW, M Soc Sci UWS, MBA, SGSM, JP iben ġenituri Maltin li għandu esperjenza ta’ 26 sena bħala psikologu f’ħafna sferi differenti kemm fis-settur pubbliku u anke fis-settur privat tkellem b’mod dirett li laqgħat sewwa s-suġġett tant sensittiv. Huwa spjega b’lingwa li tifthem il-fażijiet differenti tan-natura ta’ l-ansjetą u kif  din tista’ mbagħad twassalgħad-depressjoni. Fisser sewwa x’inhuma s-sintomi assoċjati u kif dawn is-sintomi jistgħu jiġu iffaċjati mill- maġġoranza tagħna li f’xi partijiet ta’ ħajjitna jkollna nikkumbattu ma’ perjodi ta’ ansjetą. L-ansjetą fil-fatt hija reazzjoni naturali u bżonnjuża għas- saħħa għax tfisser il- mod kif naffrontaw il-perikli tal-ħajja.

Dwar id-depressjoni il-psikologu Sciberras  qal  li din mhix fażi ta’ dwejjaq jew bidla biss fil-mod kif naffrontaw il-ħajja normali iżda jekk inħalluha tirkibna tista’ twassal f’ħafna problemi serji. Ħafna drabi d-depressjoni taħkimna ftit ftit u ndumu ħafna ma nfittxu  għajnuna. Huwa ħeġġeġ lil dawk li jintlaqtu minn  din  il-marda  biex jitolbu  għajnuna għax illum il-metodi biex tinsab soluzzjoni huma effettivi u mhux ta’ periklu. Semma li tista’ tinkiseb informazzjoni minn fuq l-internet www.beyondblue.org.au.

Preżenti ukoll kien hemm Pauline Fenech-Calleja magħrufa sewwa  fil-komunitą li bħala  psikoloġista man- Nepean Health

 

Il-kelliema waqt il-laqgħa ta' informazzjoni,
Anthony Sciberras u Pauline Fenech-Calleja.

Xi uħud milli attendew il-laqgħa fi Greystanes NSW.

 

Services għamlet diversi interventi siewja meta kien hemm bżonn u appellat biex jekk ikollna bżonn ta’ għajnuna għandna nċemplu lil Transcultural Mental Health Centre 02 9840 3800 jew free call 1800 648 911.
 
Dawk preżenti dehru attenti sewwa u saru diversi mistoqsijiet li komplew kabbru l-valur u l-informazzjoni utli li ħarġet minn din lejla oħra ta’ informazzjoni li tant saru popolari mal- komunitą Maltija.

Fl-aħħar wkoll sar survey fost dawk preżenti biex ikun hemm analisi sewwa ta’ kif ġie milqugħ id-diskors li sar u x’effett kellu fuq dawk preżenti. Il- kumitat tal-Maltese Welfare jirringrazzja lil dawk kollha li għamlu din il-lejla suċċess.

 
 

 Persuna ta’ interess

 

 Ma hemmx dubju li Paul Lapira hu persuna mhux biss ta’ interess qawwi fin-naħat tal-Gold Coast, Stat ta’ Queensland iżda Malti kburi li f’kull okażjoni li jsib imur iperper il-bandiera Maltija. Ħafna drabi nikteb dwar dan il-Belti anzjan għax inħobb inkun naf xi pjanijiet għandu f’moħħu biex ikompli jgħolli l-profil ta’ Malta fl-inħawi li jgħix hu, il-kosta turistika tal- Gold  Coast. Forsi mhux kulħadd jaqbel ma’ dak li jidħol għalih  u l-mod  kif jagħżel biex jiġbed l-attenzjoni lejh u lejn iż-żewġ pajjiżi li tant iħobb – Malta u l-Awstralja - iżda ftit hemm dubju  li  r-riżultat  dejjem  ikun  ikkulurit  u  li  jiġbed l- attenzjoni ta’ ħafna.

Is-Sindku tal-Gold Coast City, l-eks atleta Awstraljan Ron Clarke MBE bgħatlu ittra fejn qallu li jrid jagħti għarfien lix- xogħol  tiegħu biex jippromovi kemm lill-Malta u kemm lill- Gold Coast għax kif kiteb is-Sindku, li meta jinżammu rabtiet ta’ ħbiberija bejn setturi differenti tal-komunitą tkun qed tikber l-armonija  bejn  il-kulturi  differenti  li  tant  hija  evidenti fost ir-residenti tal-Gold Coast.

 

F’dan ir-ritratt Paul Lapira jidher mas-Sindku  tal-Gold  Coast, Ron Clarke MBE bejn il-bandieri ta’ Malta u l-Awstralja meta dan in-nazzjon iċċelebra
l-Australia Day.

 
 

 Freddie Portelli f’Sydney

 

 Wara żjara ta’ suċċess fil-belt ta’ Melbourne, il-kantant popolari Freddie Portelli damdam is-sala tal-klabb ta’ Wentworthville Leagues (NSW) f’kunċert li ħafna qalu li kien l-aqwa li qatt raw minn kantanti Maltin f’din il-belt. Mhux faċli li tipparaguna iżda għalija li smajtu jkanta fil-persuna għall-ewwel darba, immarkajtu mhux biss bħala kantant tal-popolin li jaf jilħaq lil kull persuna li tmur tisimgħu iżda spikkat l-imħabba kbira li għandu għal dak kollu Malti speċjalment il-lingwa tagħna l-Maltin. Bejn kanzunetta u oħra kemmi-il darba għamel appelli mill-qalb biex inżommu ħajja l-lingwa Maltija u biex naqraw The Maltese Herald.

F’nofs ta’ nhar mimli, rajna wkoll kummiedja miċ-Ċittadini li ħadu sehem fiha Sam Farrugia, Monica Ledger, Joe Borg, Tessie Sciberras u Joe Mifsud. Il- produzzjoni kienet ta’ Joe Borg. Smajna ukoll     il-vuċi     qawwija     tal-kantanta

 

żagħżugħa Amanda Chetcuti. Doris Caruana, il-Viċi President taċ-Ċittadini għamlet l-almu tagħha biex kollox jimxi ħarir.

Iżda hekk kif ħareġ ikanta Freddie Portelli rajna xeni tal-ġenn b’partiċipazzjoni assoluta mill-udjenza u b’dan il-kantant idur il-ħin kollu fil-platea flok imwaħħal fuq il-palk.

Reno Grima, il-promotur taż-żjara li ġie Sydney minn Melbourne għal okażjoni qalli li din kienet it-tielet żjara fl- Awstralja ta’ dan il-kantant b’repertoire vast iżda li tant isibha ta’ sodisfazzjoni u kburi meta jkanta bil-Malti.

Prosit ukoll lil-Għaqda Ċittadini li mhux biss għadhom jattiraw “full houses” kull darba li jippreżentaw xi kunċert iżda li għażlu li jagħtu elf dollaru bħala donazzjoni lill-Millennium Fund ta’ Westmead Hospital li jispeċjalizza fir- riċerka    tal-mard   kontra   l-kanċer.   Il-

 

Freddie Portelli

 

President tal-klabb, Trevor Oldfield AM irringrazzja liċ-Ċittadini u qal li l-Wentworthville Leagues Club sar id-dar tal-Maltin.

 

Atturi Sam Farrugia, Tessie Sciberras, Monica Ledger u Joe Borg.

 

Freddie Portelli ppreżentat bħala "The King"

 
 

 Aħbarijiet minn Malta fuq l-SBSTV

 

 Infakkru li il-programm televiżiv ta’ l-aħbarijiet minn Malta fuq l-SBSTV qiegħed jidher il-Ħadd fit-8.30 am (almenu f’Sydney u Melbourne) u mhux fid-9 am.

 
 
 

Ftakar li din il-paġna tinbidel kull ġimgħa. Jekk trid iktar tagħrif ikkuntattja
lawdimech@optusnet.com.au

 

 

Jekk trid taqra l-artikli ta' dawn il-paġni li dehru qabel
Agħfas Hawn

 

 

Home  |  Maltese Għana  |  Maltese Folklore  |  General Section

 

Copyright © 2007 l-orizzont & allmalta.com. All rights reserved.
Design, implementation and hosting by allmalta.com