It-Tnejn, 11 ta' Frar 2008     
      

 

Aħbarijiet
mill-Awstralja

ma' Lawrence Dimech OAM J.P.
Għal aktar aħbarijiet mill-Awstralja aqraw The Maltese Herald
li toħroġ fl-Awstralja kollha kull nhar ta' Tlieta.

 Jim Borg, Ċittadin tas-Sena

 

 Holroyd City Council hu lokal madwar 25 km ‘l bogħod mill- qalba tal-belt ta’ Sydney. Ħafna jsejħulu l-benniena ta’ l- immigrazzjoni minn Malta għax fiha spuntaw ħafna market gardeners u l-industrija tat-tiġieġ. Illum f’din il-Belt ta’ 39.25 sq km hemm joqgħodu madwar 90,000 persuna fosthom 1,656 li twieldu Malta u 3,833 ta’ dixxendenza Maltija. F’Jum l- Awstralja din il-Belt, kif jagħmlu oħrajn bħalha, tonora wkoll liċ-ċittadini tagħha.

Ir-rebbieħ ta’ l-unur Citizen of the Year 2007 mar għand Jim Borg, Malti ħabrieki u magħruf ħafna li għal dawn l-aħħar 40 sena ħalla l-marka tiegħu fuq din il-belt ta’ Holroyd li ilha inkorporata sa mis-sena 1872.

Min jaf sewwa l-ismijiet li daħlu ma’ l-aħħar sitta tan- nominazzjonijiet għal dis-sena jinduna kemm kien fiha sinifikat l-aħbar finali. Fost l-aħħar sitta kien hemm Fr Chris Riley, Robert Downing, Jeff Hind, Peter Monaghan u Herbie Stevens.

Jim Borg, twieled s-Siġġiewi u emigra lejn l-Awstralja fl-1963. Ġej minn familja ta’ bdiewa magħrufa fis-Siġġiewi u l-inħawi. Jim  ħa  l-edukazzjoni  tiegħu fl-iskola żgħira tal-Fawwara u s-

Jim Borg ma' Chief Supt. Michael Corboy

 

Jim Borg mal-mara tiegħu Carmen

 

Seminarju. Huwa żżewweġ lil Carmen f’Sydney u llum għandhom tlett itfal u disa’ tfal tat-tfal.

Mal-wasla tiegħu f’NSW mill-ewwel kif attiv mal-komunitą Maltija fin-naħat ta’ Leichhardt u l-Maltese Entertainment Organization. Fin-naħat ta’ Holroyd, Jim Borg ħalla l-mark tiegħu fl-organizzazzjoni tal-festa ta’ Maria Bambina fil- parroċċa ta’ Greystanes fejn dam President ta’ din il-festa għal 20 sena sħaħ. Kellu assoċjazzjoni sħiħa u dejjiema mal-Maltese Community Council ta’ NSW fejn serva f’diversi pożizzjonijiet u bħala President għal tlett snin. Fl-1998 ġie onorat ukoll bil-Maltese Cultural Award.

Ħafna jiftakru lil Jim Borg fis-sebgħinijiet bħala wieħed mill- pijunieri tal-Melita Eagles Supporters Club u li ġab lejn dak il-klabb l-ewwel sponsorships. Fl-2002 daħal bħal volunteer fil- programm VIP ta’ Holroyd Police fejn għandu jgħin f’diversi oqsma. Fil-preżent huwa attiv ferm mal-festa ta’ San Nikola u l-Għaqda Kulturali Maltija ta’ NSW. Kien unur mhux biss lil dan il-Malti iżda għotja li tirrifletti tajjeb fuq il-komunitą Maltija ta’ dawn in-naħat li tant hi rrispettata u apprezzata fl-iżvilupp ta’ l-istorja multikulturali tal-Belt ta’ Holroyd.

 
 

 Fin-naħat rurali

 

 F’ħafna naħat ta’ Sydney għandna gruppi ta’ Maltin ħafna minnhom anzjani li jiltaqgħu regularment biex jgħaddu żmien flimkien u biex  ukoll jitgħallmu u jkunu nfurmati fuq dak li jkun ta’ interess dirett għalihom u l-familji tagħhom. Fis-subborg rurali ta’ Llandilo, fil- Belt ta’ Penrith NSW għandna wkoll komunitą żgħira  ta’  Maltin  u  dawn jiltaqgħu regulari fil-Community Hall li tinsab f’Seventh Avenue kull  nhar  ta’ Erbgħa. Dan il-grupp huwa servut minn Rita O’Dyer bħala community worker mal- Maltese Community Council ta’ NSW. Irnexxilna nakkwistaw ritratt ta’ dan il-grupp fl-aħħar laqgħa li kellhom għas-sena 2007.

 

Maltin ta’ Llandilo, fil-Belt ta’ Penrith NSW

 
 

Kylie Gauci

 

 Minn Osaka għal Beijing

 

 L-atleta ta’ dixxendenza Maltija, il-paralympian Kylie Gauci mis-subborg ta’ Rooty Hill NSW reġgħet ġiet imsejjħa mal-Australian Wheelchair Baskettball tim għal-logħbiet li se jsiru f’Osaka l-Ġappun bejn l-14 u s-16 ta’ Frar. Fl-Osaka Cup se jikkompetu timijiet oħra bħal Kanada, Ġappun u l-US li huma l-aqwa f’dan l-isports. Kylie Gauci hija membru prominenti mal-Wenty Leagues Wheelkings fil-kampjunat tan-National Wheelchair Basketball League. Hija qalet li l-Osaka Cup hija importanti biex tippromwovi kompetizzjoni serja fost dawk handikappati fuq bażi internazzjonali u sintendi biex ikun hemm preparamenti ntensivi għal Beijing Paralympics. Kylie Gauci ilha tikkompeti fuq bażi internazzjonali għal ħafna snin b’suċċess.

 
 

 It-tagħlim tal-Malti

 

 Il-librerija tal-Kunsill tal-Belt ta’ Blacktown torganizza kull sena qari multikulturali għat-tfal kollha tal-madwar. Din is-sena kien hemm tfal minn ħafna komunitajiet etniċi fosthom il-Maltin. Jane Borg u Cynthia Villar ippreparaw il-parti tal-qari bil-Malti fejn ħadet sehem ukoll Nancy Borg u n-neputija tagħha Jacinta. Dan kien attentat utli biex tkompli tinxtered il-lingwa Maltija. Il-librerija ta’  Blacktown  fejn  għal  ħafna  snin  kienet iċ-ċentru tal-qari Malti llum ftit wisq

għad hemm kotba ta’ sura bil-Malti u ftit hemm talba għal kotba bil-Malti. Nittamaw li dan il-qari, it-tieni fl-aħħar għaxar snin ikompli  għal ġid ta’ kulħadd. Jiddispjaċini li ma kellix rapport iktar dettaljat u xi ritratti dwar din l-attivitą. Ma abbużajtx nikkopja

minn dak li deher f’gazzetti oħra minħabba t-tensjoni xejn ta’ ġid li qed tirrenja fit-tagħlim tal-Malti f’Sydney fejn inħolqot diviżjoni li setgħet ġiet evitati bi ftit ta’ rieda tajba miż-żewġ naħat.

 
 

 Ħamsin sena anniversarju

 

 Żwieġ li jasal sa 50 sena u iktar għandu jiġi mgħoti għarfien. Mhux kulħadd jaqbel għax ġieli jiktbulna u jgħidulna “so what”. Illum iktar minn qabel dawn l-anniversarji għandhom jiġi mfakkra bħal eżempju ta’ kif għandha tkun permanenza fiż-żwieġ. Charlie u Carmen Schembri jiftakru sewwa f’dak il-Ħadd f’Novembru meta iżżewġu fil-knisja ta’ Santa Katarine fiż-Żurrieq. Jiftakru wkoll kemm il-ġenituri tagħhom kienu stretti ħafna magħhom u ma kienux iħalluhom weħidhom, mank għal moment wieħed.

Oħt Carmen iżżewġet lil hu Charlie u kien f’dak iż-żwieġ li ltaqgħu għax Charlie kien il-bestman. Charlie illum għandu 73 sena qal li mill-ewwel ħa grazzja ma’ Carmen. Huma emigraw lejn Sydney f’1965 u poġġew l-ankri fis-subborgi ta’ Leichhardt u Balmain iżda għal dawn l-aħħar 34 sena f’Rooty Hill NSW. Huma għandhom disgħat itfal, 26 tfal tat-tfal u bużnanni ta’ tnejn. Nawgurawlhom.

 

Charlie u Carmen Schembri

 
 
 

Ftakar li din il-paġna tinbidel kull ġimgħa. Jekk trid iktar tagħrif ikkuntattja
lawdimech@optusnet.com.au

 

 

Jekk trid taqra l-artikli ta' dawn il-paġni li dehru qabel
Agħfas Hawn

 

 

Home  |  Maltese Għana  |  Maltese Folklore  |  General Section

 

Copyright © 2007 l-orizzont & allmalta.com. All rights reserved.
Design, implementation and hosting by allmalta.com