It-Tnejn, 24 ta' Diċembru 2007     
      

 

Aħbarijiet
mill-Awstralja

ma' Lawrence Dimech OAM J.P.
Dawn l-aħbarijiet jidhru wkoll fil-gazzetta f'Malta "l-orizzont" (kull nhar ta' Tnejn) u
f'The Maltese Herald, il-gazzetta nazzjonali tal-Maltin fl-Awstralja
.

 Taħdita tassew ta’ nteress u bla kantunieri
 mill-Professur Godfrey Pirotta f’Sydney

 

 Għal darba oħra, is-sala tal-knisja ta’ OLQP fi Greystanes NSW kienet mimlija, din id-darba biex tisma’ taħdita ferm interessanti dwar Malta, dari u llum fil-oqsma reliġjużi, politiċi u soċjali mill-Prof Godfrey A. Pirotta, il-kap tad-Dipartiment tal-Public Policy ta’ l- Universitą ta’ Malta li jinsab f’Sydney, l- Awstralja għal żjara qasira. Il-laqgħa kienet organizzata mill-Maltese Welfare (NSW) Inc.
 
Kienu ħafna li ddiskrivew din it-taħdita bħal waħda mill-aqwa b’diskrizzjonijiet bla kantunieri ta’ kif svolġiet il-ħajja f’Malta f’dawn l-aħħar sekli. Il-Profs Pirotta wera li jaf sewwa kif jikkomunika mal-Maltin ta’ NSW u għal iktar minn sagħtejn spjega b’ħafna dettalji msaħħa minn riċerka li tant hu magħrufa għalih it-tilwim li kien hemm bejn il-Knisja, l- Ingliżi u l-kapijiet Maltin. Huwa ħareġ b’ħafna dikjarazzjonijiet li qatt ma konna smajnihom qabel.
 
Il-Professur Pirotta qal li l-istorja politika ta’ Malta hija kkarateriżżata minn erba’ elementi ewlenin jiġifieri l-qagħda ġeografika u l-portijiet, il-kolonjaliżmu, in-nuqqas ta’ riżorsi naturali u r-reliġjon. Huwa fiehem sewwa li għalkemm it-tlett aspetti li fuqhom tkellem, jiġifieri r- reliġjon, il-politika u l-ħajja soċjali jidhru bħala tlett aspetti separati, dejjem kellhom rabta’ mill-qrib ma’ xulxin.
 
Il-Prof Pirotta żvolġa t-taħdita tiegħu b’mod l-iktar mexxej u li jiftiehem. Ħadna lura minn żmien il-kavallieri, il- qawwa li kellha il-knisja, ir-relazzjonijiet tal-knisja ma’ l-Ingliżi, l-edukazzjoni tal- poplu u l-lingwa Maltija, id-dnub il-mejjet fil-politika u kif finalment instabu soluzzjonijiet meta beda jindaħal il- Vatikan fil-kwistjonijiet dwar ir-reliġjon.
 
Dwar il-knisja Maltija llum, il-Prof Pirotta qal li l-knisja tilfet ħafna mill-influwenza tagħha speċjalment fost iż-żgħażagħ, inqas minn 60 fil-mija jmorru l-knisja nhar ta’ Ħadd, in-numru tal-vokazzjonijiet jinstab fi kriżi, speċjalment fost it-tfajliet u ħafna kunventi jinsabu kważi vojta waqt li xi kunventi tas-sorijiet kellhom jagħlqu.

Il-Profs Pirotta żvolġa b’argumenti sodi u statistika għaliex dan seħħ u qiegħed iseħħ. Semma’ wkoll in-numru allarmanti ta’ trabi minn missirijiet mhux magħrufa u qal li llum “it-tfal qegħdin ikollhom it- tfal”.

Huwa tkellem b’konvinzjoni dwar l-era kolonjali ta’ Malta, kif inħolqu l-qawwiet politiċi f’Malta u l-politika Ingliża “li tifred biex tirrenja”. Tkellem ukoll dwar il-polarizażżjoni politika u kif l-partiti politiċi addattawha bħala l-arma prinċipali tagħhom u kif l-vjolenza saret parti minn din il-polariżazzjoni. Hu qal “il- klijentaliżmu saħħaħ ukoll il- polariżazzjoni; pjaċiri għal min hu magħna, xejn għal min hu kontrina, ħalla sens qawwi ta’ fewdaliżmu”.
 
Il-Prof Pirotta kellu tifħir għall-mexxejja Maltin li dejjem skond il-politika tagħhom ħadmu għal dak li ħassew li kien ta’ ġid għal Malta u dejjem ħadmu biex sabu mod kif pajjiżna jkun jista’ jkun imexxi mill-Maltin.

Fl-aħħar   semma’   kif  is-sħubija   fl-EU

 

Il-Profs Pirotta jidher waqt it-taħdita nteressanti lill-Maltin ta' Sydney

Il-kumitat tal-Maltese Welfare li organizaw it-taħdita; Jidhru fuq mix-xellug; Greg Caruana, Doris Grima, Nathalie u Lawrence Gatt, Lawrence Dimech, Charles Schembri
Fuq quddiem mix-xellug: Maria DeCarlo, Prof Pirotta u martu Mary Rose u Marlene Dimech

Parti minn dawk li attendew it-taħdita tal-Profs G.A. Pirotta

 

ġabet pressjoni fuq il-Gvern Malti biex jagħmel l-affarijiet sew speċjalment fil- qasam ta’ saħħa, l-ambjent, kaċċa u l- provizzjon ta’ l-enerġija.
 
Dwar l-aspett soċjali l-Prof Pirotta qal li fil-passat il-ħajja soċjali Maltija kienet mibnija madwar il-familja u l-knisja iżda llum jidher li morna lejn l-estrem l-ieħor, l-ewwel tqarbina saret daqs tieġ u t- tiġijiet saru daqs l-aqwa festa waqt li ż- żgħażagħ inħakmu bix-xorb u d-drogi.
 
Fost il-konklużjonijiet intqal li l-poplu Malti m’għadux reliġjuż bħal qabel, il- knisja m’għadhiex il-forza li kienet qabel u l-faqar m’għadux ta’ twerwir, għalkemm dan għandu jeżisti. Intqal ukoll,    li    għalkemm    twaqqfu   ħafna

 

istutużżjonijiet moderni fil-politika ftit sar tibdil u hemm nuqqas ta’ trasparenza f’ħafna oqsma u “lil min taf u mhux kemm taf għadu l-kriterju”.
 
Dan iwassal biex il-ħajja Maltija kulltant tidher li hija waħda kumplessa u b’ħafna kontradizzjonijiet, donna sirna ħajja mingħajr valuri nsara.
 
Din it-taħdita ferm miftuħa u bla kantunieri qanqlet interess qawwi fost dawk preżenti, interess li ilna ma naraw bħalu tant li għal madwar sagħtejn mank kont tisma’ nifs. Ringrazzjament sinċier lil dan il-Professur li għoġbu jagħtina ftit mill-ħin tiegħu biex jaqsam magħna ħsibijiet li bla dubju stimulaw moħħna u kif naħsbuha dwar Malta ta’ dari u llum.

 

 

 Attivitą nteressanti f’Wollongong

 

 Fil-George Cross Falcons Club ta’ Wollongong saret preżentazzjoni ta’ ċertifikati lill- istudenti li jattendu l-Iskola Maltija li topera mill-istess klabb soċjali li jinsab fis-subborg ta’ Cringila biswit il- belt ta’ Wollongong. Ġew imqassma wkoll ċertifikati lil dawk li b’xi mod jew jew ieħor kienu ta’ għajnuna lil din l- iskola. Din iċ-ċerimonja kienet imżewqa b’ħafna attivitajiet kienet immexxija minn Fr Leonard Testa OFM Conv. Ħa sehem ukoll il-President ta’ l-imgħoddi tal- George Cross Falcons Club, George Bartolo li tkellem u ta ħarsa lura lejn il- komunitą’ Maltija fin-naħat ta’ Wollongong.

Tkellem il-President preżenti Louis Parnis fuq dak li qiegħed isir fil-preżent u Fr Testa tkellem dwar l-għaqda bejnietna. It-tema ta’ din l-attivitą kienet “Il-Mixja ta’ l-Identitą Tagħna Tkompli “Fr Leonard Testa beda b’talba u tberik ta’ xema’ mixgħula, li l-fjamma tagħha hi s- simbolu ta’ din l-iskola.

Emmanuel Fenech li jmexxi l-iskola semma’ kemm qiegħed isir xogħol minn dawk li huma inkarigati u kemm hu kuntent li din hi t-tieni sena li qed issir preżentazzjoni ta’ ċertifikati lill-istudenti. Hu faħħar l-entużjażmu ta’ l-għalliema li għandu miegħu, lil Anna Barnett, Frank Zammit u Fr Leonard Testa. Semma wkoll lil Chris Micallef li għalkemm ma hux għalliem imma jieħu ħsieb il-finanzi u jgħin fejn ikun hemm bżonn.

George Bartolo, il-President ta’ l- imgħoddi tal-George Cross Falcons Club tkellem fuq kemm ilhom jiġu emigranti Maltin fl-inħawi ta’ Wollongong, sa anki min qabel l-ewwel gwerra dinjija.

Semma’ kif beda il-klabb inbidel għall- isem tal-George Cross League of NSW li kien intiret mill-Maltese Guild of Australia wara li dawn kienu bidlu isimhom minn George Cross League of NSW billi l-għaqda kienet tagħmel parti min din is-soċjetą. Ftit snin wara l-isem kien imbidel għal George Cross Club.

Semma’ wkoll il-parti ferm attiva li ħadu l-emigranti Maltin tal-ħamsinijiet fit- twaqqif u l-bini tal-parroċċa ta’ San Franġisk ta’ Assisi li tinsab Warrawong. Kien totalment bis-saħħa tal-Maltin li din il-parroċċa ġiet imwaqqfa.

George Bartolo tkellem wkoll fuq l- inizjattiva li ħa l-kumitat ta’ l-Għaqda biex flimkien mal-Emigration Attache’ ta’ dak iż-żmien, il-Maġġur Edgar Mercieca irnexxielhom jagħmlu ftehim mal- manager ta’ l-Steel Works li dak iż- żmien kienet iġġib l-isem ta’ Australian Iron & Steel (il-lum Blues Scope Steel) biex wara l-Awstraljani u l-Ingliżi il-Maltin jieħdu preferenza għall-impiegi ma’ din il- kumpanija. Semmha wkoll kif inbena il- klabb u kif iddaħħal l-isem tal-Falcons biex illum dan il-klabb soċjali hu magħrufa bħala George Cross Falcons Club.

 

Emmanuel Fenech flimkien ma' l-istudenti

Jidhru s-sorijiet Franġiskani tal-Qalb ta' Ġesł ikantaw l-innijiet tal-Milied.

 

Fid-diskors il-President preżenti, is-sur Louis Parnis, semma’ li għalkemm il- klabb għadda minn kriżi ftit snin ilu llum il-klabb sejjer tajjeb ħafna u bl-inizjattivi ġodda qed iħallu riżultat tajjeb. Il-membri żdiedu hu anki qegħdin jattendu għal funzjonijiet li jiġu organiżati b’numri sodisfaċenti ħafna.

Louis Parnis semma’ kif irnexxielu jġib żewġ computers b’xejn għall-klabb, u sa daħħal l-internet mingħajr ebda spejjez. Huwa irnexxielu jġib għotja ta’ $2500 mingħand Telstra għal dan il-proġett. Il-ħsieb hu li jibda jinkoraġġixxi lil dawk il- membri li iridu jitgħallmu kif jagħmlu użu mill-komputer.

Fid-diskors tiegħu Fr Leonard Testa semma’ l-importanza ta’ l-għaqda bejnietna u l-għajnuna għal xulxin. Hu tkellem dwar l-isforzi li għamlu dawk li ġew qabilna, kemm hu importanti li inżommu l-fidi u li nħarsu ‘l quddiem u mhux nibqgħu nħarsu lejn il-passat.

 

Aħna għandna nkunu bħal katina soda biex il-komunitą tibqa’ magħquda u tissaħħaħ, għax jekk ħolqa mil-katina tinqata’ l-firda bejnietna tkompli tikber.
 
Bil-pjaċir kollhu ngħidu li dawn id- diskorsi saru kollha bil-Malti.
 
Is-sorijiet Franġiskani mill-kunvent tal- Qalb Imqaddsa ta’ Ġesł minn Warrawong u tal-kunvent ta’ San Ġużepp minn Port Kembla ħadu sehem wkoll. Dawn flimkien kantaw sitt innijiet tal-Milied bil-Malti li qajmu nostalġija speċjalment fost dawk preżenti li ilhom hawn ħafna snin.

Fuq il-palk kien hemm presepju bil- pasturi kbar li kien organizzat mill-aħwa Lucy Bonanno u Mary Mamo u organizaw  parata  tat-tfal  żgħar libsin ta’ angli u  ragħajja  b’waħda  minnhom iġorr statwa tal-bambin tarbija li tpoġġiet fil-presepju. Kienet dehra ta’ presepju ħaj.

 
 
 
 


Lill-qarrejja kollha ta’ din il-paġna nixtiqilhom Milied qaddis u sena ġdida mimlija paċi u saħħa.

lawdimech@optusnet.com.au

 

 

Jekk trid taqra l-artikli ta' dawn il-paġni li dehru qabel
Agħfas Hawn

 

 

Home  |  Maltese Għana  |  Maltese Folklore  |  General Section

 

Copyright © 2007 l-orizzont & allmalta.com. All rights reserved.
Design, implementation and hosting by allmalta.com