It-Tnejn, 11 ta' Ġunju 2007     
      

 

Aħbarijiet
mill-Awstralja

ma' Lawrence Dimech OAM J.P.
Dawn l-aħbarijiet jidhru wkoll fil-gazzetta f'Malta "l-orizzont" (kull nhar ta' Tnejn) u
f'The Maltese Herald, il-gazzetta nazzjonali tal-Maltin fl-Awstralja
.

 Il-Budaj, fl-ewwel anniversarju

 

 Għalkemm lil Manwel Casha minn Melbourne ma nafux mill-qrib iżda naf b’xogħolu u l-imħabba li għandu għal dak kollu Malti. L-għana u t-tradizzjonijiet Maltin huma ta’ għożża speċjali għalih għalhekk ma kienet xejn ta’ sorpriża li joħroġ b’CD oħra biex ikompli juri t-talenti tal-ġenu għannej Malti, Frans Baldacchino l-Budaj. Kif sirt naf li ħareġ b’xogħol ġdid, staqsejt lil Manwel Casha dawn il-mistoqsijiet.

Kont tafu sewwa lil Budaj.
“Għal numru ta' snin, ħdimt mill-qrib mal-ħabib tiegħi Frans Baldacchino 'il-Budaj' fi proġetti ta' mużika bil-forma ta' "daqq lest". Dawn l-arranġamenti kompluti, li kont nibgħatlu mill- Awstralja, kien jużahom biex jgħanni fuqhom f'xi okażjoni speċjali jew waqt id-dehriet tiegħu fuq il-mezzi tax-xandir”

Niftakar li kont għamilt xi CD ieħor mal-Budaj. “Fl-2005 konna għamilna ġabra ta' għanjiet fuq CD bl-isem 'Tila' fejn, bħas- soltu, Frans għanna l-versi li kiteb bl-istil inimitabbli tiegħu, waqt li jien ħadt ħsieb il-mużika. Għalkemm l-għanjiet kienu imfasslin fuq temi tal-Għana Tradizzjonali Malti, il-mużika kienet b'ħoss elettroniku u fi stil aktar modern. "Tila" kienet suċċess għalina u għadha tiċċirkola sallum madwar id-dinja fejn jgħixu l-Maltin partikularment fl-Awstralja, l-Kanada, r- Renju Unit u l-Amerika.

X’kienet għalhekk ir-reazzjoni tal-Budaj għas-CD “Tila”.
“Frans kien tant kuntent b'dan is-CD li wara ftit talabni biex nibdew inħejju għal CD ieħor, imma din id-darba xtaq li l-ħoss ikun aktar akustiku u anki li jinkludi melodiji oriġinali bħal ma għamilna fis-CD  "Tila"  permezz tal-kanzunetta "Maltija" . Ftit

Manwel Casha

 

wara  bdejt  inħejji  numru ta' bċejjeċ skond ix-xewqa tiegħu. F'temp  ta'  tliet  xhur  ħdimt numru ta'  arranġamenti, għalkemm wieħed biss minnhom kont lestejt minn kollox. Dan kont bgħattulu biex  nagħtih  ħjiel tax-xogħol li kont qed inħejji. Ir- reazzjoni ta' Frans kienet tant entużjażmata li irrekordja żewġ verżjonijiet fuq l-istess mużika, waħda semmieha "Kif Sirna" u l-oħra "Manuel Casha u l-Budaj".

 

Il-faċċata tas-CD 'Tifkira'

 

Kont diġą bdejt taħdem fuq it-tieni C.D. Għaliex waqaft?
“Komplejt naħdem fuq il-mużika biex flimkien inlestu it-tieni CD,  imma dan ix-xogħol ma  kellux  jilħaq jiġi fi tmiemu, għax Frans miet għal għarrieda f'Ġunju ta' s-sena 2006, meta jien kont Malta għal żjara qasira. Wara l-mewt ta' Frans 'il-Budaj', li kienet telfa kiefra għall-familja tiegħu, għall-mużika Maltija, għalija personali, u partikularment għall-Għana Malti, abbandunajt dawn l-arranġamenti u warrabthom għal kollox, għax anki l-ħoss tagħhom kien joħloq ċertu dieqa fija.
 
Kif tħares lejn it-talenti tal-Budaj?
Issa li qed joqrob l-ewwel anniversarju mill-mewt ta' Frans 'il-Budaj', iddeċidejt li nsemma’ dawn il-melodiji li ma laħaqx għanna fuqhom Frans, bħala tifkira waqt li ngħaqqad il-ħsibijiet u s-sentimenti tiegħu permezz ta' stqarrijiet minn intervisti li kont għamiltlu fis-snin mgħodijja. Dan qed nagħmlu b'tifkira ta' wieħed mill-akbar artisti li welldet Malta, l-għannej, kantant u poeta, Frans Baldacchino 'il-Budaj'.

 

 

 Mill-Awstralja għal St James Cavalier

 

 Il-ġenituri u n-nanniet ta’ Mark Gerada siefru lejn l-Awstralja biex ifittxu futur aħjar għalihom u għall-uliedhom. It-tpinġija tiegħu tirrifletti l-ħolqa bejn iż-żewġ gżejjer li ġerrew magħhom il-familja tiegħu. Fix-xogħol tiegħu Generations, Mark Gerada li twieled f’Wentworthville (NSW) sawwar ritratti antiki li kiseb mingħand missieru Victor u nannuh Paul Bonello u dawwarhom fuq il-kanvas b’kuluri ħajjin u xogħol intriku.

Ix-xogħolijiet ta’ Mark Gerada, artist Awstraljan/Malti ta 39 sena se jkunu għal wirja f’St James Cavalier, il-Belt Valetta mit-22 ta’ Lulju sal-5 ta’ Awissu 07. Mark Gerada hu pittur, illustrator u għalliem. Għandu sfond fl-arkitettura, ċeramika u disinn. Huwa ħadem bħala architectural designer mal-magażin Interior Architecture qabel ma ggradwa fl-arkitettura b’unuri prima klassi mill-Universitą tat-Teknoloġija ta’ Sydney f1-1993. Huwa mexxa negozju taċ-ċeramika b’suċċess u ħadem bħala illustrator ma’ diversi magazines u ġurnali fl-Awstralja. Huwa rċieva diversi kummissjonijiet biex ipinġi għal djar privati, uffiċini u hotels. Huwa għalliema ukoll fl-arkitettura u kommunikazzjoni viżwali fl-Universitą tat-Teknoloġija f’Sydney u fil-preżent qiegħed jikteb screenplay bl-isem ta’ X’inti tagħmel? (What are you doing?).

 

Mark Gerada

 

Huwa diġą kellu esibizzjonijiet f’Sydney, Melbourne, Londra u Brussell. L-esibizzjoni f’St James Cavalier se tkun it-tnax il- wirja tiegħu waħdu u l-ewwel waħda f’Malta.

 
 

 Inċident serju

 

 Kien iħobb il-pony tiegħu daqs kieku kien ibnu iżda Oliver Galea mis-subborg ta’ St Albans (ħdejn Melbourne) sofra traġedja kbira meta sewwieq li kien ġej b’veloċita’ kbira baqa’ dieħel fuq quddiem tad-dar tiegħu. Il-pony bl-isem ta’ Mystic li kien il-ġojja ta’ dan l-eks ġerrej taż-żwiemel ġie xkanat għal mewt quddiem daru. Mystic rebaħ ħafna premjijiet f’wirjiet li ha sehem fihom u sidu kburi ħafna biż-żigarelli li rebaħ.
 
Oliver Galea kemm-il darba ilmenta għax ħafna karozzi jispidjaw fit-triq tiegħu u fil-fatt il-pulizija qed jinvestigaw jekk l-inċident kienx każ ta’ drag racing. Is-sewwieq ta’ 21 sena kellu jiġi maqluh mill-karozza iżda ħelisha minn ġrieħi gravi. Oliver Galea qal li sfortunatament il-pony tiegħu kien fuq quddiem imma normalment il-pony li hu bi tqala jinżamm fuq naħa oħra tal-propjetą. It- triq fejn joqgħod Galea għandha limitu ta’ 60km/h iżda mhux l-ewwel darba li kien hemm karozzi jsuqu b’ħafna iktar veloċitą. Żewġ vetturi ta’ Galea li kienu pparkjati fl-istess propjetą sofrew ħafna ħsara ukoll

 
 

Oliver Galea bir-ritratt taż-żiemel tiegħu.

 

Id-Dar ta' Oliver Galea

 
 

 Se nieħu pawża qasira

 

 Reġa’ se jkolli l-ħtieġa li nasal sa pajjiż twelidi għal xi ġimgħat. Għalhekk din il-paġna se tieqaf. Il-website master ukoll se jieħu ftit tal-mistrieħ għalhekk niltaqgħu mill-ġdid fl-ewwel ġimgħa ta' Settembru.

 
 
 
 

Ibagħtu l-kummenti tagħkom fuq email għand
lawdimech@optusnet.com.au

 

 

Jekk trid taqra l-artikli ta' dawn il-paġni li dehru qabel
Agħfas Hawn

 

 

Home  |  Maltese Għana  |  Maltese Folklore  |  General Section

 

Copyright © 2007 l-orizzont & allmalta.com. All rights reserved.
Design, implementation and hosting by allmalta.com