The Home of Maltese Għana

 

Front Page | Intro Page | What is Maltese Għana? | History of Għana | Għana in Theatre | Photo Album
 Folksingers Listing | Guitarists Listing | Hall of Fame | Fatti u Poeżiji | Artikli bil-Malti | Articles in English | Scrapbook

Emigrant Malti

Poeżija miktuba minn
Vincent Bugeja

 
 
 

Meta f’Malta s-safar infetaħ
Il-Belt kont jien immur
Sabiex nara l-emigranti
Telgħin jirkbu l-vapur.
 
Malli mill-port il-vapur kien joħroġ
Il-ħsieb tiegħi kien imur
Li xi darba anki jiena
N’emigra fuq dal-vapur.
 
Darba waħda daħħalt f'rasi
Li għas-safar jien deċiż
Bdejt naqra t-Times of Malta
Biex nipprattika ftit bl-Ingliż.
 
Lill-ħbieb għidt b'dan il-ħsieb tiegħi
u bdejt naqla’ l-pariri
Qaluli li l-Awstralja art sabiħa
Imma l-Kanada taqla’ aktar liri.
 
La darba lil-Malta jien se nħalli
U ser ngħamel sagrifiċċju
Mela għal-Kanada ser ngħatija
Hemm teżor sejjer infittxu.
 
Meta jien għidt lill-missieri
Li l-Kanada rrid immur
Qalli ibni għamel inti
Għax jien ma nafx x'fih il-futur.
 
Għidtlu jien immur nipprova
Hawnhekk flus naqla’ minix
Dejjem nista’ niġi lura
Jekk ix-xorti ma ttinix.
 
Allura mort għand Cooke`s Travel
U għidt dan kollu lill-agent
Qalli qed tagħżel ħin tajjeb
Għax xogħol hemm ħafna dal-mument
 
L-ewwel ħaġa li saqsieni
Kienet waħda importanti
Hemm xi ħadd li jiġi minnek
Biex jagħmillek il-garanti
 
Mill-ewwel ħsibt li s'hawn wasalna
Il-ħsieb li kelli ser jisfrattali
Hu nduna x`risposta għandi
Imma qali li jirranġali
 
Hemm xi ħabib jgħoqod Toronto?
Iva għidtlu, u ħbieb sewwa
Għatini l-indirizz tiegħu qali
U nagħmluh wieħed minn ta ġewwa
 
Żmien ħafna ma kienx hemm x'nitlef
Biex nilħaq l-ewwel vapur
Bdejt inħaffef u nirsisti
Kull fejn sejjer qisni għasfur
 
Dak l-agent kien bravu ħafna
Kollox qali x'għandi ngħamel
Jien imxejt kif qali huwa
Għaliex veru sibtu raġel
 
F`idejħ ir-riedni u jien iż-żiemel
Imma kollox irranġajna
Jien fih sibt ħabib ieħor
U għal-żmien twil dejjem hekk bqajna
 
Il-ħabib ta Toronto bgħatli ittra
Li ndirizza "għażiż kuġin"
Meta qrah ta l-aġenzija qali
Qiegħda tajjeb ħafna din
 
Fl-ittra dal-ħabib qali
Kuġin ejja titlifx żmien
Xogħol fejn taħdem issib ħafna
U fejn toqgħod għandi jien
 
L-agent bgħatni nimla l-formli
Fl-offiċju ta l-emigrazzjoni
L-indirizz fuq karta kitibli
Kif insibu tani l-informazzjoni.
 
Dan l-offiċju malajr sibtu
Mingħajr l-ebda tfixkil
Mort fuq id-desk li qali huwa
Kien hemm raġel naqra twil.
 
X`għandek bżonn? dana saqsieni
Għidtlu l-Kanada rrid immur
Qali għal meta bi ħsiebek titlaq
Għax xahrejn oħra jiġi l-vapur.
 
Jekk jiena nista’ mmur miegħu
Allura miegħu bbukkjani
Minn god-desk formla ħareġ
U f`idejja lila tani.
 
Din il-formla jiena mlejta
U lilu erġajt tajtha f`idejħ
Il-kuġin għandu seba’ mitt sena
Sakemm jiena nkun ħdejh.
 
Minn hemm għand it-tabib bgħatni
Biex jara inhix marid
Jiena dejjem ħassejtni tajjeb
Ħallih ifittex kemm irid.

Kif kont hemm anki laqqamni
Dina kienet ta bilfors
Bħalissa nsejt x`kien jisimha
Imma hi parti minn dal-kors
 
S`issa kollox mar bis-sewwa
Il-karti kollha kienu lesti
Imma qalbi sikwit kien itaqtaq
Li l-quddiem ma jkollniex festi
 
Kont għarus saċ-ċrieket tajna
Imma li nsiefer kont deċiż
Kulma jonqosni firma waħda
Dik tal-Konslu Kanadiż.
 
Malli dana wasal Malta
Malajr lilu nara mort
Proceed to Kanada ttimbrali
Ġo folja fil-passaport.
 
Issa l-karti kollha lesti
Il-bagalja ppakkjata
Bil-paċenzja qagħadt nistenna
Sakemm tasal il-ġurnata.
 
L-aħħar ġranet kienu iebsa
Mhux għalija imma għal-ommi
Mill-ewwel tibda tibki
Kull x`ħin "ma" ħarget minn fommi

Waslet fl-aħħar il-ġurnata
Biex l-għażiża Malta nħalli
Missieri biesni u għanaqni
Kun imbierek ibni qali
 
Ommi l-istess għamlet
Għanqitni u bewsa tgħatni
Imma ikkonslat ruħha
X`ħin imbissem lili ratni
 
Anki l-Belt ommi niżlet
Biex tarani nirkeb il-vapur
Qabel mill-port ħareġ
Lejn id-dar ma rieditx tmur.
 
L-aħħar barka tagħha tatni
Għax issa wasal dak il-ħin
Jien tajtha bewsa oħra
U nfridna minn xulxin
 
Tnax il-jum għaddew minn mindu
ħriġna mill-port il-kbir
Tnax il-jum fuq il-baħar
Ħadna gost, ħadna pjaċir
 
Aħna w`dehlin l-Amerika
Qrib l-Istatwa tal-Liberta ġejna
Ħafna minna l-emigranti
Inċapċpu lilha aħna bdejna
 
Il-vapur wasal fi New Jersey
Il-vjaġġ tagħna fuqu ntemm
Imma d-sestinazzjoni tiegħi
Ma kienetx tispiċċa hemm
 
Minn hemm mort go New York City
Qbadt it-train li Toronto sejjer
Kif wasalna go Toronto
Il-ħabib rani u beda jxejjer
 
Ħadni d-dar u tgħani niekol
Wara qagħadna nitkellmu ftit
Waqt din id-diskursata
Qalli xogħol għażel li trid
 
B`hekk jiena t-teżor sibtu
Għaliex veru sibt xortija
U tgħallimt lezzjoni oħra
Kemm hi sabiħa l-ħbiberija
 
Għalkemm ili fuq ħamsin sena
Li l-Kanada jiena gejt
Lill-għażiża Malta
Minn qalbi qatt ma neħħejt.
 

Top - Fuq        Back - Lura