|
Il-folla li
nġabret fil-parroċċa tal-Madonna tal-Grazzji f’Ħaż-Żabbar,
biex tagħti l-aħħar tislima lill-għannej Żabbari
Fredu Abela “Il-Bamboċċu” kienet xhieda tal-qima
kbira li kien miżmum biha dan l-għannej, iben Ħaz-Żabbar
u personalità kbira Maltija. Jekk tistaqsi
lill-għannejja jew id-dilettanti ta’ l-għana madwar
id-dinja, jgħidulek kif Fredu kien minn tal-quċċatta
nett fl-għana Spirtu Pront. Barra minn hekk
“il-Bamboċċu” kien magħruf u mfittex għall-makjetti
u l-kanzunetti umoristiċi li kiteb, fosthom “Taxi
Mary” li anki kienet dahlet fil-klassifika ta’
partijiet mill-Italja għal xi żmien.
Il-lista ta’ diski u CD’s li ħareġ fil-karriera
tiegħu huma numerużi ħafna u kienu mfittxa mhux biss
għall-umoriżmu tagħhom imma għall-kummenti soċjali
li bihom Fredu kellu l-ħila jġiegħelna nħarsu lejn
in-nuqqasijiet tagħna bħala Maltin b’mod ġentili u
intelliġenti. Waħda minn dawn kienet għanja li kien
għamel fuq l-użu tal-lingwa Maltija u kif ħafna
jtebbagħha bl-Ingliżati jew nuqqasijiet li bħala
Maltin għandna mhux biss nevitawhom imma għandna
nkunu kburin bil-lingwa, għax hija parti
mill-identità tagħna bħala poplu.
Kien
jinstema’ fuq il-mezzi tax-xandir ta’ spiss u jidher
fuq it-television, jew ma’ sħabu l-għannejja, jew
waħdu jkanta xi makjetta. Il-kappell stil “western“
dan l-aħħar kien sar karatteristiku tal-personalità
tiegħu.
Fredu ma kienx maħbub biss bħala għannej imma kien
imfittex bħala bniedem ferrieħi u popolari ma’ dawk
li kienu jafuh mill-qrib. Kellu ħbieb f’kull parti
tad-dinja fejn jgħixu l-Maltin. Infatti “l-Bamboċċ“
tela’ jgħanni bosta drabi fil-Kanada, fl-Awstralja,
fl-Amerika u fl-Ingilterra. Id-dieqa li qegħdin
inħossu hawn Malta tinqasam ma’ ħbiebu u
d-dilettanti ta’ l-Awstralja fejn kien tant maħbub u
popolari ma’ l-għannejja u semmiegħa u fejn kien
jimla s-swali ta’ l-għana kull fejn kien jgħanni.
Id-diski tiegħu fl-Awstralja għadhom jindaqqu ta’
spiss fuq il-programmi Maltin u jibqgħu mill-aktar
popolari minħabba n-natura ferrieħa tagħhom u l-mod
kif Fredu kien juża l-pinna fil-kitba ta’ dawn il-makjetti.
Kellu wkoll mod kif jimxi tajjeb ma’ kulħadd u din
żiedet mal-poplarità tiegħu u n-numru kbir ta’
ammiraturi li qatt ma kienu jiddejqu jisimugħ
jgħanni.
Barra li Fredu Abela kien għannej kbir kien ukoll
kburi bl-għana Malti u l-istorja tagħha matul iż-żmien.
Kellu rispett kbir lejn l-għannejja anzjani u
l-għannejja kbar li kienu leġendarji fl-imgħoddi.
F’moħħu kienet teżisti librerija sħiħa ta’ għanjiet
li għannejja kienu għannew jew irrispondew lil
xulxin sa minn tfulitu. Kien jgħammira lil zijuh
Salvu Darmanin, magħruf bħala “Ir-Ruġel” u kien
dejjem jirrakkonta kif “Ir-Ruġel” inspiraħ u forsi
anke ntroduċih għall-għana Malti, għalhekk kellu
bidu tajjeb, għax kull minn hu dilettant ta’ l-għana
jikkonferma li Darmanin kien mill-aktar għannejja
ta’ abbiltà li qatt dehru fil-gżejjer Maltin.
Imma Fredu kien jgħammira lil dawk l-għannejja li
trawwem magħhom fis-snin 50, 60 u 70 li għalkemm ma
kinux litterati bħalu imma kellhom kmand sabiħ tal-lingwa
Maltija u kienu jużaw paraguni, proverbji u
espressjonijiet fl-għana li dejjem kienu jsaħħruħ u
għax kif kien jgħid, fi kliemhom kien jara s-sbuħija
u l-purizza tal-lingwa Maltija kif kienet tintuża
fl-imgħoddi.
Fredu kien ukoll organizzatur u kellu bosta clubs u
ħwienet fejn kien jorganizza serati. Imma nemmen li
l-ħanut li kellu f’Wied il-Għajn li kien semmieh
“Bamboċċu Station“ jibqa’ wieħed mill-aħjar li kien
hawn f’Malta u fih saru sigħat ta’ għana li jibqgħu
kkonsidrati bħala speċjali billi l-post kien jiġbed
l-aħjar għannejja li kien hawn f’Malta dak iż-żmien.
Naf b’nies akkademiċi li llum huma professuri li
kitbu t-teżi tagħhom fuq mejda f’“Bamboċċu Station“,
bl-għajnuna ta’ Fredu “l-Bambocċċ“ u darba għaddew u
ħadu l-lawrija, tawh kopja tat-teżi tagħhom
iffirmata b’nota ta’ ringrazzjament.
“Il-Bamboċċ” kellu waħda mill-akbar kollezzjonijiet
tar-ritratti ta’ għannejja u kitarristi li qatt rajt
u kienet l-hena tiegħu jpartat xi wħud minn dawn ma’
dawk ta’ l-Awstralja jew tal-Kanada u postijiet
barranin fejn isir l-għana. Il-ġabra tiegħu kellha
importanza daqskemm kellhom l-għanjiet li kien
immemorizza, għax permezz tagħhom – bosta minnhom
kienu antiki ferm – kien qed jgħin iżomm hajja
l-memorji ta’ uċuh u postijiet li kienu parti
integrali mill-istorja ta’ l-għana Malti u li llum
qegħdin jintnesew mal-mixja mgħaġġla tal-ħajja
moderna.
Fuq iz-zuntier tal-knisja tal-Madonna tal-Grazzji,
f’Ħaz-Żabbar fil-funeral, iltqajt ma’ nies li
kellhom assoċjazzjoni miegħu minn bosta oqsma tal-ħajja.
Wieħed mill-ħbieb tiegħu, li kien miegħu għal xi
snin fin-Navy, irrakkontali kif Fredu kien
iferrahhom biċ-ċajt u bl-għana tiegħu fi żmien meta
l-ispirtu tagħhom kien xi ftit ’l isfel. Bosta
għannejja u kitarristi kienu jafuh bħala wieħed
mill-għannejja kbar, waqt li numru ta’ semmiegħa
kienu jistennewħ jagħmel siegħa għana jiċċajta biex
iferraħhom. Iltaqjt ma’ oħrajn li kienu jafuh minn
oqsma oħra tax-xogħol u negozju. Għax waqt li Fredu
kien magħruf mal-popolin, kien ukoll magħruf sewwa
minn ministri u ex-ministri, inklużi ex-prim
ministri, li kienu jgħodduh bħala ħabib.
Fil-knisja, Charles Coleiro għamel erba’ kelmiet li
rriflettaw id-dieqa tal-kongregazzjoni għat-telfa
ta’ Fredu “l-Bamboċċ“ u tkellem għall-għannejja u
l-kitarristi kollha bil-ħsibijiet u riflessjonijiet
tiegħu. Charles ħadem mill-qrib għal bosta snin ma’
Fredu fuq il-programmi tat-television u bir-raġun
deher emozzjonat, għalkemm ikkontrollat bħala
bniedem professjonali. Imma meta l-għannejja għannew
l-aħħar kadenzi bħala l-aħħar tislima, kemm uħud
mill-għannejja u bosta fl-udjenza xerrdu d-dmugħ
mingħajr mistħija.
It-telfa ta’ Fredu Abela “l-Bamboċċ” għall-fraternità
ta’ l-għana hija kbira, imma wieħed ma jridx jinsa
l-għali u dieqa li mewtu ġabet fuq il-familja
tiegħu. Mhix haġa possibbli biex wieħed jifhem
il-kobor tat-telfa tiegħu għal martu u wliedu imma
l-folla li ġiet biex issellimlu għall-aħħar darba,
żgur li kkonfermat l-apprezzament u l-għożża li
Fredu Abela “l-Bamboċċu” kien miżmum biha fost
il-Maltin dilettanti ta’ l-għana... għax
“il-Bamboċċ” kien stilla ta’ l-għana Malti f’ħajtu...
u leġġenda kbira f’mewtu.
|