The Home of Maltese Għana

 

Front Page | Intro Page | What is Maltese Għana? | History of Għana | Għana in Theatre | Photo Album
 Folksingers Listing | Guitarists Listing | Hall of Fame | Fatti u Poeżiji | Artikli bil-Malti | Articles in English | Scrapbook

Karmnu Xuereb "In-Namru"
1911 - 1997

kitba ta' Joe Julian Farrugia
TORĊA - Il-Ħadd, 18 ta' Mejju 2003

 

Il-gżejjer tagħna huma biss ftit blatiet f'nofs baħar kbir. Minkejja dan, għandna t-tradizzjonijiet li jagħmluna differenti minn kull ġens ieħor. X'uħud minn dawk li jemigraw minn pajjiżna ġieli jaqgħu fit-tentazzjoni li jinsew dak li hu Malti u jaddottaw id-destinazzjoni ġdida tagħhom bħala pajjiżhom. Iżda x'uħud oħrajn mhux biss jibqgħu jipprattikaw dak li hu Malti, iżda anke jxerrdu l-kultura tagħna fil-post fejn imorru. Karmnu n-Namru għex għal 57 sena fl-Amerika u hemmhekk baqa' jipprattika l-għana u għen biex din il-kultura baqgħet tkun gawduta wkoll mill-Maltin tal-post.
 
Karmnu Xuereb twieled fil-Qala Għawdex nhar il-21 ta' Jannar 1911. Huwa kien il-ħames wild minn fost tmienja; wlied Mikiel mill-Qala u Ġużeppa min-Nadur. Hutu l-oħrajn huma Marija, Toni, Frenċ, Karmena, Rinu, Pawlu u Leli. Sakemm dam jgħix f'Għawdex, xogħol Karmnu kien li jinżel Malta jbiegħ it-tiġieġ u l-fniek.
 
Ta' 22 sena ħarab fuq vapur lejn Tuneż u wara xi snin hemmhekk, fl-1939, kien reġa' ħarab fuq vapur ieħor lejn l-Istati Uniti ta' l-Amerka. Matul dan il-vjaġġ, il-vapur kien waqaf Spanja fejn Karmnu ra ħruxijiet li bħalhom qatt ma ra tul ħajtu kollha.
 
F'Detroit, l-Amerka, Karmnu u huh Leli kienu fetħu ristorant. Barra minn hekk kienu wkoll jixtru d-djar qodma u jirranġawhom biex jerġgħu ibigħuhom. Id-dar tiegħu kien semmiha Namru Station. Din dejjem kellha l-bibien miftuħin lejl u nhar biex dawk kollha li jridu, bojod jew suwed, kien jidħlu hemm u anke jagħtihom jieklu u jixorbu. Għax Karmnu kien jemmen li jekk jagħlaq id-dar kienu jisirquh. U fil-fatt, fejn ħafna djar fl-inħawi kienu nsterqu, id-dar tiegħu baqgħet qatt ma kienet mimsusa!
 
Fl-Amerka kien jgħanni regolarment ma' huh Leli, ma' Wiġi x-Xidja minn Għawdex u ma' Indri l-Merimew tal-Mosta fost oħrajn. Kienu jdoqqu l-kitarri Salvu l-Puta u sħabu. Huma kienu jibgħatu t-tapes lejn Malta u sħabhom l-għannejja f'Malta u Għawdex kienu jirrikonċiljaw billi jibgħatulhom tagħhom lura.
 
Karmnu kien ġie lura lejn pajjiżna bejn is-snin 1948 u 1950. Huwa kien reġa' mar lura u ġie f'Lulju ta' l-1981 fejn dam fuq tliet xhur. Tul din l-aħħar btala li semmejt, kien għanna fil-Vitorja l-Mellieħa u anke f'dik li ħafna jqisu bħala l-aqwa serata ta' għana li qatt jiftakruh fiha. Din kienet saret għand Anglu Abela fil-każin tal-futbol tal-Fgura. Kienu għannew miegħu Fredu Abela l-Bamboċċu, Salvu l-Kalora u Żaru l-Għaxqi. Dakinhar kien beda l-għanja tiegħu hekk:
 

Bil-laqam jgħiduli n-Namru.
Fl-għana għandi l-kunfidenza.
Ma' xi nies li qatt ma ltqajna
pjaċir għandi bil-konoxxenza.

 
Minkejja li kien f'Malta u f'Għawdex, Karmnu dejjem kien iħobb isemmi l-Amerka fil-għana tiegħu:
 

Il-Bamboċċ mhux se jisqina
w anqas beħsiebu jitmana.
Mela nerġa' nitlaq lura
taħt il-bandiera Amerikana.
 
L-Amerka għandi hafna artisti
u ma tafx kemm iħobbuni.
Kif jerġgħu jarawni quddiemhom
kollha jaqbdu ibusuni.

 
Lura fl-Amerka, Karmnu baqa' jgħanni u ġieli kienu anke jistednuh imur jgħanni fil-Kanada. Hemmhekk kien jgħanni ma' Żaru l-Għaxqi, Toni Skalambja u Karmnu Ħandrulla fost oħrajn. Wieħed mill-akbar ħbieb li kellu fil-Kanada kien Johnnie Catania. Karmnu u Johnnie kemm-il darba kienu jivvjaġġaw mili twal biex jiltaqgħu.
 
Mill-Amerka, Karmnu kien anke mar jgħanni fl-Awstralja. F'dak il-kontinent, Karmnu kien għanna ma' Leli l-Moni, Jimmy tal-Fjur, il-Bukaċċ, Salvu l-Kalora, Ġorġ iz-Zgħir u Ras il-Bagħal fost oħrajn.
 
In-Namru kien baqa' ġuvni, iżda kien iħobb jgħanni dwar in-nisa wkoll:
 

Ħanina kemm int sabiħa.
Qatt ma nixba' nħares lejk.
Ħallini nersaq maġenbek
ħalli nbusek fuq xufftejk.
 
Ħanina qed tittawwalli.
Ittendi li ma taqax.
Jekk taqa' u tiġi isfel;
tkun trid titla' w ma tistax.
 
Qalb ta' qalbi kemm inħobbok.
Int l-isbaħ fost it-tfajliet.
Issa nieħdok Għawdex miegħi,
naghmillek torta tal-ġbejniet.

 
Karmnu kien bniedem kalm u ma kienx iħobb min joqgħod jgħid fuq in-nies. Kien iħobb jgħin lil ħaddieħor u hemm ħafna Maltin u Għawdxin fl-Amerka li kien għenhom f'diversi modi. Fost oħrajn, Karmnu kien jagħtihom fejn joqgħodu u jgħinhom anke finanzjarjament sakemm jibdew hajja ġdida f'dak il-pajjiż. Fuq kollox kien bniedem ferrieħi u ċajtier.
 
Darba fost oħrajn kien hemm raġel iswed fis-sakra li beda jisfidah għall-ġlied. Beda jgħidlu: "Irrid niġġilidlek!" U Karmnu jwieġeb: "Ma rridx niġġilidlek." L-ieħor isostni: "Għax jien niekol erbgħa bħalek!" U Karmnu jwieġeb: "U jien ma niekol xejn. Mela billi trid int? Ma rridx niġġieled!" Naturalment kulħadd beda jidħak bil-mod kif din is-sitwazzjoni ta' ġlied, Karmnu rnexxielu jdawwarha f'ċajta.
 
In-Namru kien iħobb irabbi l-annimali fid-dar tiegħu. Kien dilettant kbir ta' l-għasafar speċjalment tal-kanali. Fil-fatt l-intrata tiegħu kienet ġuva sħiħa. Kien iħobb il-mużika country u l-kanzunetta favorita tiegħu kienet Jambolaya. Bħala sport kien jippreferi z-żwiemel u l-boxing.
 
Fl-1995, Karmnu ma tantx ħassu f'siktu u huh Leli kien tela' l-Amerka għalih. U b'hekk Karmnu qatta' l-aħħar snin ta' ħajtu f'Għawdex.
 
Karmnu n-Namru miet fl-Isptar Centrali ta' Għawdex nhar is-17 ta' Marzu 1997. Ħuh Leli kien ċempel lil sħabu l-għannejja f'Malta biex tahom l-aħbar. Dawn kienu telgħu Għawdex biex għamlulu l-quddiesa funebri tiegħu fil-knisja tal-Qala bil-għana. Kienu għannewlu l-Bamboċċu, il-Bużu u r-Ringu u daqqew Johnny tan-Nadur, Salvu Tanti u Indri x-Xewwiex. Il-qassis inzerta wkoll li kien għamel xi żmien Kappillan fil-knisja ta' San Pawl f'Toronto. Fredu l-Bamboċċu kien għannielu din il-kadenza għall-memorja tiegħu:
 

Spirtu pront kont fl-għana tiegħek,
fl-imħabba u fin-neċessità.
Spirtu pront kont fl-irġulija,
u spirtu pront fil-karità.
 
‘Il kulħadd kont tilqa’ f’darek.
Kont l-akbar benefattur.
Jekk ma tmurx il-ġenna inti,
jien ma nafx min ser imur.
 

Top - Fuq        Back - Lura