|
Zaru Mifsud
"l-Għaxqi"
1933 - 2001 |
|
kitba ta' Joe
Julian Farrugia
TORĊA - Il-Ħadd, 14 ta' Settembru 2003 |
| |
|
Għalkemm
l-għana huwa parti mill-kultura purament tagħna,
ħareġ ukoll barra minn xtutna kull fejn emigraw
il-Maltin. Bħalma l-emigranti żammew
it-tradizzjonijiet ta’ pajjiżna anke fil-pajjiżi
fejn marru jgħixu, żammew ukoll l-għana b’għozza
bħala parti minnhom u minn dak li jagħmilhom Maltin.
Żaru Mifsud, anzi, qabad jgħanni waqt li kien jgħix
barra, imħajjar minn għannejja oħrajn li kienu
emigranti bħalu.
Rosario Mifsud twieled f’Hal Għaxaq nhar l-10 ta’
Ottubru 1933. Huwa kien it-tieni wild fost sebgħa
ta’ Giovanni u Giovanna Mifsud. Kellu hutu Lorenza,
Salvina, Rita, Rose, Joe u Katie.
Huwa kien jattendi l-Iskola Primarja tal-Gvern u
kien magħruf bħala Żaru l-Għaxqi minħabba li kien
minn Hal Għaxaq.
Meta niġi għal biex ngħanni,
Bija kulħadd sodisfatt.
Jien jgħiduli Żaru l-Għaxqi,
għaliex mgħaxxaq lil kulħadd.
Missieru Ġanni kien landier u Żaru kien ha s-sengħa
tiegħu. Kien jaħdem fuq il-landa u fil-ħadid, iżda
aktar minn hekk, tant kien bniedem tas-sengħa li
anke l-għodda biex jaħdem kien jagħmilha hu stess.
Kien għamel il-forġa, torn, giljottini u kulma kien
jeħtieġ biex jagħmel dan it-tip ta’ xogħol.
Is-sengħa fih kienet tidher sa minn meta kien żgħir.
Fi ċkunitu minn kanna ta’ l-ilma kien ħadem
xkubetta. Kien jaħdem u jonqox fil-ġebel. Kien ħadem
fost oħrajn id-dħul ta’ l-Università f’Tal-Qroqq.
Kien jiskolpixxi l-ġebel u peress li kien dilettant
ta’ l-għana kien anke skolpixxa kitarra li llum
qegħda għand Fredu l-Bamboċċu. Kien anke joħloq
disinni fil-ħadid u fost ix-xogħlijiet li ħadem
insibu l-ħadid tat-taraġ tal-Każin ta’ San Ġużepp
f’Ħal Għaxaq. Kien jaħdem anke fl-injam u minbarra
għamara, kien saħansitra ħadem dgħajsa għalih.
Fl-1955, kien emigra lejn il-Kanada. Hemmhekk kien
jiltaqa’ ma’ Maltin sħabu u kull meta kien jinżel
l-Amerika, kien imur għand in-Namru, għannej
magħruf, u minn hemm kien beda jgħanni. Hemmhekk
kellhom ħabta jgħannu, jirrekordjaw l-għana u
jibgħatu t-tapes għand għannejja oħrajn f’Malta.
Min-naħa tagħhom, l-għannejja f’Malta kienu jagħmlu
l-istess.
|
|
Il-Kanada u anke l-Amerka
Hemm l-aqwa għannejja ta’ kull żmien,
In-Namru, Indri w Skalambja,
L-aqwa wieħed fosthom jien. |
|
|
Matul iż-żmien li għamel il-Kanada kien iżżewweġ lil
Carmen imwielda Coleiro. Huma kellhom żewġ ulied,
Rita u Joanne.
Fl-1968, Żaru kien ġie lura lejn pajjiżna u kompla
jgħanni hawn. Kien biegħ id-dar li kellu l-Kanada u
bena ġewwa Hal Għaxaq. Ħafna mix-xogħol fid-dar kien
għamlu hu. Kien anke għamel il-forom biex seta’
jaħdem il-madum hu stess.
F’Malta, Żaru malajr sar popolari mad-dilettanti ta’
l-għana. Kien għannej ta’ klassi u l-aqwa tiegħu
insibuh fl-ispirtu pront.
|
|
Marbutin biha l-ambizzjoni,
Kemm indum go Malta nħollkom.
Biex tgħidu tgħannu iktar minni,
L-ewwel il-provi jrid ikollkom. |
|
|
Kellu wkoll xi makkjetti fosthom tas-seftura, tal-landier
u ta’ l-iskarpan. Kellu ħafna tempijiet u anke la
Bormliża ġieli għanna. Waqt l-għana, Żaru kien iħobb
jakkumpanja fuq il-kitarra. Huwa kellu tonalità
tajba u jekk kitarra tkun skurdata, malajr kien
jinduna. Fl-ispirtu pront kien iħabbatha ma’ l-aqwa
għannejja, u dejjem kont issibu lest biex iwieġeb
dak kollu li kien jgħannilu ħaddieħor.
|
|
Jien se nibda ’l ħadd ma nsemmi,
Biex la nifraħ u lanqas ngħali.
U ’l min naqbad taħt idejja,
Bil-mod ghal biex jiskappali. |
|
|
Bħal għannejja oħrajn kien imur ix-xalati ta’
l-għana bħall-Imnarja, il-Vitorja u Lapsi. Kont
issibu jgħanni wkoll fil-Qajjenza, għand Lucy tal-Belt
il-Ġdida, għand Karmni ta’ Wistin, Menu taż-Żejtun,
Ċikku Perrċitu tal-Fgura u għand Nardu ta’ San Anard.
Kien jgħanni regolari fuq ir-Rediffusion u anke fuq
it-televixin lokali.
Btala karattru Żaru kien bniedem kemmxejn nervuż,
ipejjep u jixrob. Kien bniedem ċajtier, jaf jieħu
ċajta, iżda kulltant sensittiv. Forsi d-difett li
kellu kien li kien jagħmel xi appuntament u ma jmur
xejn. U milli jidher, din ġieli grat mhux ħażin.
Passatempi kellu ħafna. L-ewwel u qabel kollox, kien
iħobb l-għana u l-għannej favorit tiegħu kien Salvu
r-Ruġel. Kien ukoll dilettant kbir tal-kaċċa,
l-insib u jrabbi l-kanarini u l-vrieden. Kien anke
jħobb is-sajd u d-dgħajsa li kien ħadem kien iżommha
l-Qajjenza. L-għaxqa tiegħu kienet meta jiltaqa’ ma’
sħabu għand ħabibu l-Bamboċċu f’San Anard u joqgħodu
jsajru.
Meta kien jara lill-Bamboċċu ġej għandu, kien jgħid
“Ara l-Bamboċċu! Għandu bżonn xi haġa!” Dan għaliex
kien iħobb jaħdem f’kollox. Kien isewwi gaġeġ tal-fniek,
xi ganġetta, serraturi, insomma minn kollox. Anke
trakk għat-tifel ta’ bintu kien għamel.
Darba lill-Bamboċċu, xi ħadd minn barra kien bagħtlu
trabuxù jaħdem bl-arja, speċi kif taħdem injection.
Żaru tah titwila u qalilhom li jaf jagħmel bħalu.
Kulħadd kien jaf li kien kapaċi, iżda ftit emmnu li
seta’ jagħmel bħal dik. Imma rnexxielu! Kien ħoloq
waħda mill-apparat ta’ spiritiera ta’ l-istim
Filwaqt li meta kien il-Kanada kien iħobb il-mużika
country, f’Malta kien imut għall-marċi. Kien
partitarju tal-Banda ta’ San Ġużepp ta’ Hal Għaxaq u
anke jħallat u jaħdem in-nar kien. Darba lil xi ħadd
miż-Żejtun kien għannielu hekk:
|
|
Nagħmillek kapsa fuq rasek.
Indawwrek bil-ġelatina.
Inqeghdek f’kanna tad-disgħa.
Nisparak f’Santa Katerina! |
|
|
Iżda l-għana dejjem kien l-isbaħ ħin li jaf iqatta’.
Fis-sajf ħdejn il-baħar u fix-xitwa fil-ħwienet,
dejjem kont issibu minn ta’ quddiem biex jallegra
lid-dilettanti. Darba kienu għamlu kompetizzjoni ta’
l-għana. Kienu hu mal-Bamboċċu kontra Ta’ Sika u Ta’
Vestru. Ir-referee kien Taċ-Ċiċri:
|
|
Għandna ‘l Ta’ Sika w lil Ta’ Vestru,
Fetħulna challenge għall-għana.
Jien u l-Bamboċċu sfidajnihom.
Taċ-Ċiċri se jirreffjana. |
|
|
L-aħħar li kien għanna, kien għand Tal-Ħamiem
fiż-Żejtun. Kienet attività mill-għannejja biex
jinġabru flus għall-monument ta’ Pawlu Seychell,
l-għannej li hemm fiż-Żejtun stess.
Żaru l-Għaxqi miet nhar is-26 ta’ Frar 2001 fl-età
ta’ 67 sena. Idejh kienu jagħmlu kulma jaraw
għajnejh, iżda fuq kollox fommu kien jaf jgħanni
versi sbieħ, b’vuċi tajba u li ftit tista’ tintesa
mid-dilettanti ta’ l-għana.
|
|
|