The Home of Maltese Għana

 

Front Page | Intro Page | What is Maltese Għana? | History of Għana | Għana in Theatre | Photo Album
 Folksingers Listing | Guitarists Listing | Hall of Fame | Fatti u Poeżiji | Artikli bil-Malti | Articles in English | Scrapbook

Pawlu Degabriele "Il-Bies"
1908 - 1980

kitba ta' Joe Julian Farrugia
TORĊA - Il-Ħadd, 20 ta' Ottubru, 2002

 

Għannej magħruf ħafna. Minkejja li tilef id-dawl kmieni fil-hajja, xorta rnexxielu jsir wieħed mill-aqwa għannejja ta' żmienu. Kien mitlub anke jmur jgħanni l-Awstralja iżda kellu jirrifjuta minħabba li kellu jiddependi fuq in-nies. Joe Julian Farrugia tkellem ma' Fredu Abela l-Bamboċċu u ma' Salvina u Karmenu, tnejn minn ulied il-personalità ta' llum.

 

L-għana huwa espressjoni folkloristika. Hija mod kif il-poplu jgħid dak li jħoss fuq kulma jkun għaddej madwaru. Ħafna għannejja, aktar milli jkunu magħrufin b'isimhom ikunu magħrufin ukoll bil-laqam.
 
Pawlu Degabriele miż-Żejtun kien magħruf bħala Il-Bies. Kien magħruf ukoll bħala Pawlu l-Għama minħabba li kien nieqes mid-dawl.
 
Minkejja dan it-tfixkil, Pawlu xorta stabbilixxa lilu nnifsu bħala wieħed mil-aqwa għannejja li qatt ra pajjiżna. Ta' min jammiraħ għall-fatt li din iċ-ċirkostanza ma waqqfitu xejn milli jkompli fit-talent tiegħu u jibni karriera.
 
Pawlu Degabriele, magħruf bħala il-Bies twieled fiż-Żejtun nhar il-11 ta' April 1908. Huwa kien it-tielet wild fost sitt aħwa, ilkoll ulied Ġużeppi u Angela mwielda Farrugia. Iż-Żejtun ta lil pajjiżna ħafna għannejja magħrufa u mhux ta' b'xejn ħafna jsejħulu l-benniena ta' l-għannejja.
 
Meta tkun imdawwar b'ħafna għannejja u daqqaqa, ħwienet dejjem bil-għana jidwi fihom u fi żmien meta ħafna tfal kienu dejjem jiġru barra, ma tridx wisq biex titħajjar taqbad dak il-mistier folkloristiku. Pawlu, bħalma ġralhom xi wħud minn sħabu, tħabbeb ma' l-għana u beda jgħanni. Fost il-ħafna għana li għanna Pawlu kellu għanja tal-fatt bl-isem Id-Destin li fiha jirrakkonta l-ġrajja tiegħu. Is-siltiet li qed inġib f'dan l-artiklu huma kollha meħudin minnu.
 
Huwa kien jaħdem ix-xatt fuq ix-xogħol tal-faħam u kellu anke s-sengħa ta' landier. Fil-31 ta' Ottubru 1926, Pawlu żżewweġ lil Grace imwielda Schembri miż-Żejtun ukoll. Huma kellhom sitt ulied, tlett ibniet u tlett subien.
 

                       Ersqu 'l hawn ħalli tisimgħu.
                       Fatt bħal dan ma smajtu qatt.
                       Dak li jkun miktub mis-sema.
                       Me jista' jħassru ħadd.
 
                       Dwar tmintax-il sena kelli,
                       Biex niżżewweġ jien tħajjart.
                       Bgħat noħtob tifla mir-raħal,
                       għax li ġej wara qatt ma bsart.
 
                       Aċċettaw din l-għerusija,
                       Ar' kemm għaqadli id-destin,
                       għalkemm konna bin il-foqra,
                       Xtaqna w ġejna miżżewġin.

 
Meta kellu 21 sena, htieġlu jidħol l-isptar għal xi haġa f'wiċċu. Fl-isptar kienu għadhom kif iġibu magna ġdida li, iżda, ma tantx jidher li rnexxiet. Ħafna minn dawk li wzawha fuqhom kellhom effetti negattivi, u Pawlu kien wieħed minnhom. Infatti b'xorti ħażina, din il-magna ħadet d-dawl lil Pawlu minn għajnejh it-tnejn.
 
                       F'ħajti jien kemm kont imqareb,
                       Issa kelli noqgħod kwiet.
                       Kull fejn jiena ndawwar wiċċi.
                       Ma narax hlief-dlamijiet.

 
Meta Pawlu kien tilef id-dawl, kien għad kellu biss lil ibnu l-kbir ta' sena. Kien l-uniku iben li rnexxielu jara.
  
                       Anke tal-kbir kont insejt.
                       Kemm hu ikrah bniedem għama.
                       Min hu bħali jaf xi jgħid.

 
                       Kulma kelli kont infaqtu.
                       Art u saqaf id-dar ġejt.
                       Ħadd ma jista' ifissrilkom
                       It-tbatija li batejt.
 
                       Kif rabbejtha il-familja
                       Jiena lilkom xtaqt li nuri.
                       L-ewwel ittamajt fis-sema
                       Imbagħad fil-benefatturi.

 
Pawlu kellu vuċi sabiħa u kien jgħanni kemm la Bormliża, kemm spirtu pront kif ukoll għana tal-fatt. Minbarra li kien jgħanni huwa kien ukoll jakkumpanja fuq il-kitarra.
 
Kien beda jgħanni f'diversi ħwienet fiż-Żejtun bħalma huma ta' Anġelona ta' Kostanza, Indri tal-Fuħħari u għand ta' Mena.
 
Minn hemm, Pawlu beda jgħanni wkoll fi ħwienet madwar Malta u Għawdex. Ħafna kienu jitolbuh imur jgħannilhom u kienu jgħaddu  għalih biex joħduħ ħdejn l-għannejja sħabu
 
Fost l-għannejja li kienu jgħannu ma' Pawlu nsibu lil Mikiel Abela L- Bambinu, Salvu r-Ruġel, Żeppi l-Fenka, Pawlu Seychell l-Għannej, Indri Cilia, Ġużeppi x-Xhudi, il-Bugazz, il-Kalora u s-Surġent.
 
Fost id-daqqaqa, kien ikun hemm ukoll Indri Brincat il-Pupa bħala prim.
 
Fi żmien meta l-Qajjenza kienet għadha mhix mibnija, Pawlu kellu ħanut hemmhekk li fih kienu jħobbu jiltaqgħu l-għannejja biex jgħannu.
 
Hemm kien jinżel bil-familja għat-tlett xhur tas-sajf u jieħu ħsieb il- ħanut bil-għajnuna ta' martu u wliedu. ll-Qajjenza kienet saret magħrufa bħala post ta' l-għannejja.
 
Iżda huwa. flimkien ma' l-aqwa għannejja, kien imur ukoll f'okkażjonijiet fejn ikun hemm l-għana bħalma huma l-Imnarja fil- Buskett, il-Vitorja fil-Mellieħa, San Girgor f'Marsaxlokk u fil-Karnival madwar  it-toroq  u  msieraħ fiż-Żejtun.  Anke l-Marsa, n-naħa taż-

Pawlu meta kien iżgħar b'xi tazzi li kien rebaħ

Fejn kien joqgħod Pawlu

Il-mafkar ta' Pawlu li twaqqaf fiż-Żejtun

żwiemel kien hemm ħwienet li fihom kienu jiltaqgħu l-għannejja fosthom ta' Karmni ta' Wistin.
 
Il-Belt il-Ġdida kien hemm ukoll ħanut ta' ċerta Lucy. Pawlu kien jieħu sehem regolari fil-programmi ta' għana fuq ir-Rediffusion nhar ta' Ħadd filgħodu. Kien ikun mistieden ukoll għal programmi fuq it-televixin.
 
Bħala passatemp, Pawlu kien iħobb idoqq il-kitarra, jgħum u jdoqq u jirrekordja l-għana. Kien iħobb jisma' l-qari tar-rumanzi u novelli fuq ir-radju, u jisma' l-kanzunetti Naplitani.
 
Huwa qatt ma siefer u għal-kemm kienu talbuh imur l-Awstralja biex jgħanni għall-Maltin ta' hemmhekk, huwa ma aċċettax għax, minħabba ċ-ċirkostanza tiegħu, kien jistħi joqgħod jiddependi min-nies. Iżda minkejja kollox, Pawlu qatt ma garr.
 
Qatt ma kien jgħid li għandu xi dwejjaq, anzi jekk xi ħadd madwaru jibda jgerger dwar xi ħaġa, jitlobhom biex jibdlu d-diskors.
 
               Jiena ħbieb m'inix nilminta
               għax 'il Pawlu naf li tħobbuh.
               U fadallu għajnejh go wiccu
               Biex minnhom joħroġ id-dmugħ.
 
               Min igerger mis-salib tiegħu
               Ikun jagħmel l-akbar dannu.
               Iżżewwiġt, rabbejt familja,
               W anke lili għamlu nannu.
 
               Qatt ma gergirt mis-salib tiegħi.
               Ubbidjenti dejjem kont.
               Jekk jibgħatli salib ieħor,
               Lest li nilggħu spirtu u pront.

 
Anke għalih innifsu, Pawlu kien kemm jista' jkun ma jiddependix minn ħaddieħor. Kien joħroġ ta' kuljum idur fit-triq fejn kien joqgħod mingħajr għajnuna.
 
Kien anke jqaxxar il-leħja waħdu u kemm jista' jkun ried li jibqa' indipendenti bħal qabel.
 
L-aħħar darba li għanna kien ġewwa s-Social Club f'Ħaz-Żabbar, għanja spirtu pront ma' tlett Fredijiet, il-Bamboċċu, it-Tiġieġu u ż-Żejtuni.
 
Pawlu Degabriele il-Bies miet nhar il-21 ta' Awissu 1980 fl-età ta' 72 sena.
 
Dakinhar kellu jmur jgħanni fil-Merħba Bar il-Fgura u filgħaxija sħabu għaddew għalih bla ma kienu jafu li ma kienx għadu magħna. Is-Serata kienet, kif jixraq, tħassret.
 
F'Misraħ il-Madonna tal-Ħniena ġewwa pajjiżu ż-Żejtun kien twaqqaf bust f'ġieħu. Bħalissa dan il-bust m'huwiex f'postu minħabba xi xogħlijiet u kellu bżonn ma jdumx ma jerġa' jitpoġġa biex jitgawda mill-pubbliku.
 
Il-Pubbliku, min-naħa tiegħu japprezza s-sehem ta' bniedem, li għalkemm kien nieqes mid-dawl, ta sehmu wkoll bit-talent li kellu b'risq il-kultura għanja ta' pajjiżna.
 

Top - Fuq        Back - Lura