|
Leli Azzopardi "L-Bugazz"
1928 - 2003 |
|
kitba ta' Joe
Julian Farrugia
TORĊA - Il-Hadd, 9 ta' Novembru 2003 |
| |
|
Id-delizzju
ta’ l-għana, mal-mogħdija taż-żmien, ħareġ minn
pajjiżna u mar kull fejn għamru l-Maltin u
l-Għawdxin. Wieħed miż-żewġ għannejja li bdew
l-għana fl-Awstralja kien Leli Azzopardi magħruf
bħala l-Bugazz.
Leli Azzopardi twieled f’Ħal-Tarxien nhar is-27 ta’
Diċembru 1928. Huwa kien iz- żgħir fost żewġt aħwa
wlied Karmnu Azzopardi l-Bugazz miż-Żejtun u Ġanna
mwielda Abela minn Hal-Tarxien. Oħtu kien jisimha
Karmena u mietet meta kellha biss 29 sena.
Wara li attenda l-Iskola tal-Gvern, kien qabad
l-ewwel xogħol tiegħu li kien fil- ġebel. Kien
jerfa’ u jpoġġi, iżda meta ġiet il-gwerra ħtieġlu
jidħol suldat.
Leli kien jgħanni u kien wished mill-għannejja
mfittxa sew. Kellu vuċi sabiħa u fl- għoli ħafna.
Kien jgħanni la Bormliża u spirtu pront, b’dan ta’
l-aħħar ikun il- favorit tiegħu.
Kien jgħanni f’ħafna ħwienet u jakkumpanja fuq
il-kitarra wkoll. Kien jiffrekwenta ħafna x-Xgħajra
ta’ Ħaż-Żabbar u jpoġġi jew għand Leli n-Noċċ, jew
għand Fredu ta’ quddiemu jew ix-xatt għand Leli t-Tott.
F’Ħaż-Żabbar kien jgħanni għand ħu Salvu r-Ruġel jew
għand ta’ Ħaqpina. Kien iħobb jgħanni wkoll għand
Karmni ta’ Wistin, għand iċ-Ċoqq jew il-Geremexx
fil-Marsa, għand Lucy tal-Belt il-Ġdida (Albertown)
jew Rafel tal-Gass fil-Hamrun. Dan kollu minbarra l-Ħdud
ħdejn il-baħar tal-Qajjenza fis-sajf u x-xalati
magħrufin għall-għana bħalma huma Ħadd in-Nies,
Lapsi, il-Vitorja, San Girgor u naturalment
l-Imnarja.
Fl-1962 kien rebaħ il-premju li jingħata fl-Imnarja
għall-aħjar għannejja. Isiru kompetizzjonijiet
għall-aħjar għannej fl-ispirtu pront, fl-għana
fil-għoli, għall-kitarristi u għall-poeżija u
makjetta. Dik is-sena l-Bugazz kien ġie l-ewwel
fl-ispirtu pront.
|
|
Jien sirt iċ-champion ta’ l-għana,
il-Bugazz ta’ Ħal-Tarxien.
Issa lili ħadd ma jegħlibni,
għax it-tazza rbaħtha jien. |
|
|
Fil-għana l-istrofi huma l-biċċa l-kbira b’erba’
linji. Meta għanja tkun waslet lejn l-aħħar,
jitkantaw żewġ strofi oħrajn biex jagħlqu li
jissejħu kadenzi. Leli kien l-ewwel wieħed li beda
jgħanni kadenzi twal li jieħdu ħafna aktar minn żewġ
linji. Ġieli kien jgħanni kadenzi li fihom 24 linja
u sahansitra 30. L-ewwel darba li għamel dawn il-kadenzi
twal kien fil-Mosta, wara reġa' għamilhom għand
Karmni ta’ Wistin fil-Marsa u għand Lucy tal-Belt
il-Ġdida.
Wara xi żmien, Leli kellu jmur lejn Melbourne
fl-Awstralja meta diġà kellu tlett itfal biex isib
jaħdem hemm.
|
|
Ħbieb tiegħi sejjer nitlaqkom,
lejn l-Awstralja ser immur.
Hemmhekk mhux sejjer xi ġita,
biex infittex il-futur. |
|
|
Fl-Awstralja d-delizzju ta’ l-għana ma qata’ xejn.
Anzi kien il-Bugazz li flimkien ma’ Leli l-Moni bdew
l-għana Malti f’dak il-kontinent fejn hemm ħafna
emigranti Maltin. Minbarra li kien jgħanni u
jakkumpanja, fl-Awstralja kien idoqq il-prejjem
ukoll. Il-Bugazz u l-Moni kienu jiltaqgħu fid-djar
ta’ xulxin u jgħaddu s-sigħat jgħannu. Il-Moni kien
ikbar mill-Bugazz fl-età.
|
|
Ghandi tlieta w għoxrin sena.
Taħtek ma naqax ilsir.
Inti erbgħa w erbgħin għandek.
Daqsna ma jgħix l-ebda ħanżir. |
|
|
Meta ġie lura mill-ewwel mawra tiegħu fl-Awstralja,
kien daħal jaħdem mal-Mengu fuq il-madum, iżda ma
damx wisq għaliex kien iddeċieda li jarma bil-haxix
u jibda jdur biż-żiemel u l-karrettun.
Meta kien għadu sejjer jagħmel l-ewwel bejgħ tiegħu,
għadda lejn il-mina ta’ Bormla u waqqfitu mara.
Qaltlu: “M’għandekx xi werqa karfusa għalija?”
Qalilha “Ħu waħda.” Kompliet: “U xi qarabagħlija
nsiblek forsi?” Weġibha: “Ħu qarabagħlija wkoll.”
Il-mara ma qatgħetx qalbha u qaltlu: “U xi biċċtejn
ġidra u qargħa ma ttinix biex nagħmel belgħa brodu?”
Leli kien pront wieġeb: “Ħu wkoll hux! Tridx ir-riedni
b’kollox? Mort tajjeb fl-ewwel bejgħa għax spiċċajt
nagħti b’xejn!” Wara ftit anke ż-żiemel kien mietlu
u waqaf mill-bejgħ tal- haxix.
Fit-22 ta’ Novembru 1947, Leli żżewweġ lil Bernarda
mwielda Farrugia. Huma kellhom tmint itfal li huma
Ġanni, Żeppi, Veronika, Karmnu, Salvina, Manweli,
Rita u Mario. Uliedu kienu kollha jgħannu u anke
martu Bernarda kienet dilettanta kbira ta’ l-għana u
dejjem inkuraġġit lil żewġha u wliedha.
Il-Bugazz kien jieħu sehem fi programmi ta’ l-għana
fuq ir-Rediffusion, Malta Television u aktar tard
fuq Xandir Malta. Kien jieħu sehem fl-għana ta’ nhar
ta’ Ħadd filgħodu fuq ir-radju u fuq it-televixin
fil- programmi ta’ Charles Coleiro. Darba f’għanja
spirtu pront ma’ Salvu r-Ruġel u ma’ Pawlu Seychell
l-Għannej kien għanna hekk:
|
|
Għadni moħħi jerfa’ tajjeb.
Għadni naqdikom it-tnejn.
Naqdi r-risposta tar-Ruġel,
u l-ohra ta’ Pawlu l-għannej. |
|
|
Wara xi żmien kien reġa’ mar lejn l-Awstralja.
Minħabba li din ma kienetx l-ewwel darba li kien se
jitbiegħed għal żmien twil minn pajjiżu, kien jaf
eżatt x’kellha tfisser għalih.
|
|
Jien se nitlaq u nħallikom.
Se nitfaċċa bħala mera.
Ngħidilkom qalbi miksura,
ħbieb, il-firda kemm hi kerha. |
|
|
Fl-Awstralja, b’xorti ħazina kellu incident meta
kien jaħdem f’biċcerija, waqa’ mill-għoli u weġgħa
sew. Kien reġa’ lura f’Malta u b’intervent tal-Prim
Ministru Mintoff kien beda jieħu l-pensjoni
Awstraljana tal-korriment fuq ix-xogħol. L-aħħar
xogħol tiegħu f’Malta kien mal-Gvern.
Leli l-Bugazz kellu karattru ċajtier u ferrieħi.
Il-moda tas-snin sittin kien isegwiha, bil-barbetti
forma ta’ boots, u bin-nokklu kiss me quick fuq
moħħu, u sħabu mhux l-ewwel darba kienu jgħidulu teddy boy. Kien
raġel dejjem bi tbissima fuq fommu u
kien jipprova jieħu kollox biċ-ċajt.
|
|
Mad-daqqa sibt ruħi fl-ilma,
bil-ħwejjeg b’kollox waqajt.
Gejt f’sensija, qomt bil-wieqfa,
għannejja lil ħadd ma rajt. |
|
|
Bħala passatemp kien dilettant kbir tad-deheb.
Id-deheb kien iħobb jilbsu, jixtri, jibdel u dejjem
b’deheb differenti. Kien iħobb ukoll irabbi l-klieb
tal-but. L-isport kien iħobbu speċjalment
it-tiġrijiet taż-żwiemel fil- Marsa. Darba meta kien
suldat kien anke ha sehem f’tellieqa ta’ żewġ mili
ma’ xi suldati sħabu fil-Marsa stess u kien ġie
t-tieni.
Leli Azzopardi l-Bugazz miet nhar id-19 ta’ Jannar
2003 fl-età ta’ 74 sena.
|
|
X’ħin taqraw dawn l-erba’ versi,
u tħarsu lejja fir-ritratt,
ftakru biss li qed naħseb fikom,
ghax imħabbti għalikom ma tintemm qatt. |
|
|
e-mail:
joe_julian_farrugia@hotmail.com |