The Home of Maltese Għana

 

Front Page | Intro Page | What is Maltese Għana? | History of Għana | Għana in Theatre | Photo Album
 Folksingers Listing | Guitarists Listing | Hall of Fame | Fatti u Poeżiji | Artikli bil-Malti | Articles in English | Scrapbook

L-għana fuq il-Fosos
Intervista ma’ Charles Mangion

minn Jean Pierre DEBONO (it-tieni parti)
In-Nazzjon - Is-Sibt, 25 ta’ Awissu, 2001

 

Waqt il-Festi ta' l-Indipendenza fuq il-Fosos tal-Floriana se jkun hemm stand apposta li fih se jkun hemm l-għana.
 
Għalkemm għal xi wħud hemm tip wieħed ta' għana dak imsejjaħ Spirtu Pront, fil-fatt se jkun hemm diversi tipi ta’ għana li fuqhom se nitkellmu u nagħtu ftit dettalji mill-intervista li In-Nazzjon għamel ma' Charles Mangion, Iz-Żubina.
 
L-għana - spirtu pront
L-Għana spirtu pront hu għana fejn għannej ikompli wieħed fuq l-ieħor mingħajr qalba ta' kitarra.
 
Hawnhekk ikollok għannej li jagħmel għanja ta' l-erba' versi u warajh ikompli għannej ieħor b'erba' versi oħra fuq l-istess suġġett li jkun tkellem fuqu I-għannej ta' qablu.
 
L-għana - tat-taqbila bil-qalba tal-kitarra
Għalkemm uħud iħawdu dan it-tip ta' għana –ma’ dak spirtu pront dawn huma differenti peress li l-għana tat-taqbila ikun differenti għax ikun fih il-qalba tal-kitarra bejn l-għanja ta' għannej u ieħor.
 
Bejn l-għanja bil-qalba u dik spirtu pront hemm definizzjoni ċara.
 
L-għana - tal-fatt
Dan mhux għana b'xi storja li ikun ivvintata mill-għannej, iżda jkollok fatt jew storja li tkun seħħet u li dwarha l-għannej jikteb għanja, jistudjaha u jgħanniha.
 
Dan it-tip ta' għana ġeneralment ikun għana li jnissel dieqa, peress li jkun marbut u mibni fuq xi diżgrazzja, inċident ikrah, xi mewt ta' persuni u affarijiet oħra li huma negattivi.
 
Charles Mangion qal li jkun hemm għana tal-fatt li jkun riċerkat fuq fatti li tassew ġraw.
 
Mangion qalilna li dwar l-istorja tal-forka f’Malta bena madwar 160 għanja tal-fatt li ilu jaħdem fuqhom dawn l-aħħar 12-il sena.
 
Għannej magħruf ħafna dwar dan it-tip ta' għana huwa Żeppi Spagnol magħruf bħala "II-Kelba".
 
L-għana - tal-banju
Hemm dak li jissejjaħ għana tal-banju li kien isir bejn in-nisa li kienu jagħtu botti minn bitħa għal oħra u jirrispondu ‘l xulxin waqt il-ħasil tal-ħwejjeġ fil-btieħi u fuq il-bjut tagħhom.
 
Flimkien ma’ dan hemm ukoll dak li jissejjaħ għana tan-naxra li hu l-istess tip, iżda jsir waqt li n-nisa jitilgħu jonxru fuq il-bejt u jibqgħu għaddejjin bl-għana tagħhom.
 
Il-makkjetta
Il-makkjetta hi tip ta' għanja umoristika fejn l-għannej juża l-għana biex jgħid iċ-ċajt.
 
Il-persuna li ħoloq din it-tip ta' għanja hu Fredu Spited, imlaqqam L-Għawdxi. Fuq dan it-tip ta' għana kompla jaħdem il-Bamboċċu.
 
Ma' dawn il-makkjetti qed jintużaw ukoll strumenti moderni li minn naħa qed jaqilgħu ‘l barra l-kitarra. Skond Iz-Żubina dan it-tip ta' daqq qed imur kontra t-tradizzjoni.
 
Iżda min-naħa l-oħra dawn il-tip ta' strumenti qed jintużaw biex tinħoloq varjeta fl-għana.
 
L-għana la Bormliża
Dan it-tip ta' għana mhux suppost li tifhmu waqt li jkun qed jitkanta.
 
Dan it-tip ta' għana hu għanja li l-melodija tagħha hi mkaxkra ħafna u min ikantaha irid ikollu kapaċità u kontroll tajjeb ħafna fuq in-nifs.
 
L-għana Bormliża hi fost l-eqdem tipi ta' għana li jeżistu u jkollok ftit kliem li jitqabblu mal-kadenza tal-kitarra.
 
L-għana bil-kelma
Din it-tip ta' għana hi għana riċenti fejn tintgħażal kelma jew frażi u fuqha tinbena għanja.
 
Dan it-tip la' għana ddaħħal biex ikun hemm aktar varjetà u biex jintuża waqt kompetizzjonijiet bejn l-għannejja.
 
Mangion qalilna li l-kompetizzjoni bejn l-għannejja ma ġġibx 'il quddiem l-għana u fejn kien hemm kompetizzjoni kellha tieqaf u ssir fuq bażi ta' parteċipazzjoni.
 
L-għana tal-ħbieb bla botta
Dan it-tip ta' għana hu għanja li turi li minkejja li l-għannejja bejniethom joqgħodu jikkritikaw lil xulxin, jaċċettaw il-kritika ta’ xulxin u huma ħbieb.
 
L-għana tal-botta u r-risposta
Dan l-għana isir fejn persuna tirrispondi lil oħra fuq l-istess suġġett li l-għannej l-ieħor ikun għanna fuqu.
 
Dan it-tip ta' għana għandu minn dak tat-tip Spirtu Pront.
 
Daqq permezz tal-għodda tal-kċina
Flimkien mal-għana se jkun hemm ukoll fuq il-Fosos tal-Floriana sezzjoni ta' daqq permezz ta' mgħaref li bihom persuna partikolari jirnexxielha toħloq ħsejjes melodjużi li jfakkru f’daqq li kien isir fl-antik u għalhekk għal darb' oħra tkun qed tingħata importanza lill-folklor Malti.
 
F'dan it-każ id-aqq bl-imgħaref qed ikun akkumpanjati mill-kitarri.
 
Il-Prim u l-Pastardin
Flimkien ma' Charles Mangion tkellimna wkoll dwar il-Prim u l-Pastardin li huma żewġ tipi ta' kitarri li jintużaw bħala l-prim.
 
Il-Prim hi dik il-kitarra li tmexxi l-mużika mal-għana u l-akkumpanjament u f’ċerti każi tkun ta’ forma differenti, per eżempju b'qarn ħiereġ min-naħa ta’ fuq tal-kitarra.
 
Dan it-tip ta' disinn ivvintah Indri Brincat magħruf bħala Il-Pupa.
 
Barra minn hekk bħalissa qed tintuża wkoll kitarra oħra magħrufa bħala l-Pastardin li wkoll tintuża bħala Prim u għandha tip ta' melodija differenti li tinstema' aħjar bħala kitarra tal-Prim.

Top - Fuq        Back - Lura