|
WAĦDA
mill-ħafna għemejjel missirijietna, li baqgħet
titwettaq matul iż-żmien u saret drawwa, hija l-għana.
In-nies ta’ Malta l-imgħoddija kienu jfissru
għommthom bl-għana. Nibtet fost il-kotra ħaddiema.
Irġiel u nisa fissru l-ferħ u n-niket tagħhom
bl-għana. Bil-kant imqabbel. Maż-żmien, l-għana sar
mezz mill-aktar magħruf u mfittex, biex niesna
jfissru u jitfissru minn kulħadd.
Artna għandha ħafna għannejja tajbin. Mhux għax
magħrufa. Magħrufa għax jgħannu tajjeb, iqanqlu
l-qlub, iferrħu u jafu jisiltu xi demgħa. Hemm
diversi skali ta’ għana. Biex insemmu ftit minnhom
biss hemm l-għana tal-fatt, l-għana spirtu pront,
il-la Bormliża u oħrajn. Ilkoll differenti, imma
wkoll jaqdu l-istess għanijiet. L-għana fil-gżejjer
tagħna baqgħet mfittxija u maħbuba.
Wieħed mill-għannejja l-iktar popolari fil-gżejjer
tagħna huwa bla dubju Ġanni Laus.
Illum se nlaqqagħkom ma’ Ġanni, biex issiru tafuħ
aħjar. Taraw kif beda u x’wasslu li jibqa’ għaddej.
Ġanni mhux l-għanja biss għandu li tferraħ.
Il-karattru tiegħu, kollu kemm hu, huwa mlewwen
ġmielu. Mhux biss il-ħin miegħu ma taraħx għaddej,
imma wkoll inessilek kull nitfa dwejjaq li jista’
jkollok.
It-tfulija
Ġanni twieled fis-26 ta’ Novembru 1945. Missieru
Franġisku Saverju u ommu Dolores, xebba Portelli.
Kienu tmien aħwa. L-iskola ma tantx kienet ħabiba
tiegħu. Madanakollu, ilsienu kien ħafif biex iwieġeb
lil kulħadd. Mal-ħaġra t-tajn kien iwieġeb mingħajr
ma jweġġa’ lil ħadd. Ħaġa li ta’ min jammira f’Ġanni
hija illi għalkemm bla skola, għandu tlettax il-CD,
kollha bil-mużika u kantati minnu stess... mingħajr
kitba ta’ xejn.
F’dawn is-CDs għandu 129 kanzunetta, minbarra 37
oħra li għadhom m’humiex irrekordjati.
Ġanni beda l-karriera tiegħu fl-età żgħira ta’ 11-il
sena billi kien jinżel il-misraħ ta’ ħdejn l-iskola
ta’ Ħal Qormi. għaliex tajjeb illi wieħed iżomm
quddiem għajnejħ, illi Ġanni huwa Qormi, u dana kien
ikun bil-kitarra, li kienet tkun mislufa lilu, u
kien idoqqha fuq tliet kordi biss.
Hemmhekk, flimkien ma’ sħabu, kienu jqattgħu is-sigħat
jagħtu pjaċir u jieħdu pjaċir huma lkoll. Kien għadu
ta’ ħdax il-sena, meta Ġanni kien jinżel taħt
il-Forka (kważi fejn l-Excelsior). Dawn kienu
l-ewwel passi ta’ Ġanni fil-qasam ta’ l-għana u fi
żmien fejn l-għana kien għadu ħafna popolari biss,
mal-klassi tan-nies tax-xogħol ta’ l-id, mal-ħaddiema,
nies hekk imsejħa “komuni”.
Dik il-klassi li kienet imsejħa “għolja” jew
bit-Taljan ta’ “l alto cielo”, kienet tħares
bl-ikraħ lejn l-għannejja u kienet tqis l-għana
bħala mezz ta’ mogħdija taż-żmien tal-ħamalli,
psatas, għażżenin, dawk li m’għandhomx x’jagħmlu,
tal-famużi “mascalzone”, ta’ dawk li ġlieda jiekluha
bħal ħobż, tan-nies bla skola, dawk li ma
jixirqilhomx aħjar u li kienu jkunu skartati minn
din l-istess klassi privileġġjata.
Kien żmien il-qasma soċjali. Dan l-aspett storiku,
jinkwadra l-għana u l-għannejja, mal-klassi tan-nies
komuni, bla tiżjin xejn u xinxilli, imma l-iktar li
kienet taf tifraħ u tferraħ, nies li mill-ftit li
kellhom, kienu jagħtuk u ma jitilqukx qabel jarawk
tifraħ u b’saħħtek. Nies li ħadmu, batew, li mardu
wkoll, imma li taw ħajjithom għal ħaddieħor. Ħasra
li kienu injurati.
Maż-żmien, dan il-kunċett inbidel. L-aħħar Gwerra
Dinjija (1940-1945), ressqet bosta nies lejn xulxin.
Id-differenza tal-klassi kważi ġiet fix-xejn. L-għana
beda jiġi mressaq lejn kull klassi. Sar suġġett ta’
studju u ta’ analiżi serja. L-għannejja bdew isiefru
u jparrtu l-kulturi. Studjużi bdew jinkuraġġixxu l-għana
u jħeġġu li jinbtu għannejja ġodda. L-għanja reġgħet
ingħatat importanza kbira.
Kull fejn kien ikun hemm l-għannejja u l-kitarristi,
Ġanni kien imur igħanni mill-bogħod. Darba minnhom,
xi ħadd intebaħ biħ u għajjatlu sabiex imur igħanni
magħhom, u meta saru jafu min kien u x’potenzjal
għandu fil-vuċi, lanqas kien jilħaq jinżel li ma
jagħtuhx biex jgħanni. Minn hawn huwa kompla
l-karriera, billi kien jiġri wara l-aqwa għannejja
ta’ dawk iż-żminijiet u jgħanni magħhom.
Imbagħad, wara dawn il-ġrajjiet interessanti fil-ħajja
tiegħu, Ġanni igħaddi biex jiftakar li meta kellu
14-il sena, kien għadu kif ħareġ il-film ta’ Billy
Haley tar-Rock n’ Roll, taha għaż-żfin. Madanakollu,
huwa xorta waħda baqa’ jiġri ma’ l-għannejja u
jgħanni. Ta’ 22 sena, kien iltaqa’ mal-mibki Manwel
Mifsud (is-Surġent) u kien ħajjru biex jagħmel diska
ma’ tar-Record Centre, u l-ewwel diska li Ġanni kien
għamel kienet fil-“Karnival”.
L-aktar diska li għamlitlu suċċess, kienet saret
bejn tlieta li kienu Ġanni Laus innifsu flimkien ma’
Manwel Mifsud u Ninu Galea (il-Kalora). Issa beda
jinbet is-suċċess u ismu beda jsir magħruf ma’ kull
min għandu għal qalbu mhux biss l-għana Malti imma
wkoll il-kanżunetta Maltija u dak kollu li hu Malti.
L-aktar diska li għamlitlu suċċess
L-aktar diska li lil Ġanni Laus għamlitlu suċċess,
kienet dik li huwa kanta flimkien ma’ Manwel Mifsud
(is-Surġent), u Ninu Galea (il-Kalora) u li kienet
iġġib l-isem ta’ “Fejn Tarawni Tkellmunix” li kienet
ħarġet fis-sena 1974, u li kienet damet madwar sena
u nofs ma’ l-aqwa għoxrin ta’ Malta. Tajjeb illi
ngħidu, li għalkemm damet dak iż-żmien kollu fl-aqwa
għoxrin, qatt ma telgħet fl-ewwel post.
Madanakollu, Ġanni Laus kien ġie vvutat bħala l-aqwa
kantant tas-sena 1974.
Fost l-akbar sodisfazzjon li Ġanni għandu, huwa, li
huwa t-tip ta’ bniedem li jekk ikollok id-dwejjaq,
żgur ineħħihomlok. Tant huwa minnu dan, li n-nies li
jkunu mdejqin b’xi ħaġa, jgħidulu f’wiċċu “Alla
bagħtek Ġann”. Sodisfazzjon ieħor għaliħ hu ta’
nies, li forsi m’humiex daqstant dilettanti ta’ l-għana,
jgħidulu kemm ikunu ħadu pjaċir jisimgħuh, għax il-vuċi
tant hi ċara, li tieħu żgur pjaċir tisimgħu, b’dak
il-kliem li jferraħ.
Sodisfazzjon kbir ieħor għal Ġanni hu, meta jkun qed
igħanni x’imkien, u jinzerta jkun hemm it-turisti, u
l-gost tagħhom jiġbdu r-ritratti. Lanqas tobsor,
kemm għannejja bħalu, u huwa naturalment magħhom,
anzi, minn ta’ quddiem fosthom, jafu jkunu
ambaxxaturi denji ta’ pajjiżna u reklam turistiku li
jgħin ħafna l-industrija tat-turiżmu Maltija.
Inkunu boloħ jekk naħsbu illi t-turisti ma
japprezzawx dak kollu li hu tagħna, dak kollu li hu
Malti (u Għawdxi, dak kollu li ħaddieħor m’għandux,
u għalhekk l-għannejja tagħna, mhux biss ma
jwaqqgħulniex ġieħna, mhux biss ma jġiegħluniex
nistħu minnhom, mhux biss m’humiex għajb għalina,
imma huma reklam mill-isbaħ tal-kultura Maltija
qadima.
L-istil tal-Laus
L-istil tal-Laus m’huwiex ikkumplikat. Ma jħabbel
moħħ ħadd. Jolqot il-gosti popolari mill-ewwel. Ma
fiħx dak it-toqol li jqabbad l-uġigħ ta’ ras.
Iġiegħlek tistrieħ u tifraħ. Iġiegħlek tkanta miegħu.
Tgħanni miegħu. Għal ftit waqtiet issir għannej jew
għannejja inti wkoll. Iġiegħelek tammira l-ispirtu
qalbieni tal-għannejja tagħna, li bosta drabi
jeħduha kontra l-kurrent.
Ġanni ma jippretendihiex ta’ xi intellettwali minn
dawk li qishom jifhmu fuq kollox, minn dawk illi
ssibhom jitkellmu dwar kollox, minn dawk li trid
toqgħod magħhom bil-punt u l-virgola. Dawn huma
kollha ħmerijiet għal min baqa’ dħuli u parti
min-nies li twieled fosthom. Dawn il-pulċinellati
tajbin biss għal min iffissa li hu aqwa minn
ħaddieħor.
Saqajħ ma’ l-art, ħabib ta’ kulħadd, dejjem ferħan u
lest juri rieda tajba ma’ kull min javviċinaħ,
sinċier u ħanin, b’leħen ċar li jinstema’ tajjeb,
popolari għal tant snin, għannej prim u mfittex,
raġel li jfisser ġenwinità u kultura, rapprezentant
denju ieħor tal-folklor Malti, riklam grandjuż ta’
Malta mat-turisti, dan hu ħabibna kantant u għannej,
il-Laus.
Ġanni Laus, huwa tagħlima ħajja lil dawk, li għax
m’għandhomx skola jaħsbu li m’huma tajbin għalxejn,
jaqtgħu qalbhom u jinħbew, jitgerrxu mis-soċjetà,
jisħtu s-siegħa u l-mument ta’ twelidhom, jgħiru
għal min għandu l-iskola u jobgħoduħ, jgħajjru lill-istudjużi
għax huma qatt ma kellhom il-privileġġ ta’ l-istudju
u jaqbdu ma’ kull tibna. Dawn m’għandhomx għalfejn
jibqgħu sejrin hekk.
Meta t-turisti jarawħ, jisimgħuħ, jiggustawħ u
jeħdulu r-ritratti, jew inkella jiġbdulu xi filmat
bil-video camera, dan huwa l-akbar investiment li
Ġanni jagħmel, fl-industrija tat-turiżmu għal
pajjiżna. F’ħafna pajjiżi, l-għana bilkemm jafu
x’inhi. Imbagħad f’dinja ta’ mużika
hip-hop-techno-acid-house u pop modern, ħafna lanqas
biss jafu x’togħma għandu l-għana Malti.
Żgur li meta dawn, imorru lura f’pajjiżhom, se
jkollhom lil Ġanni u l-għana Malti ġewwa darhom.
Fil-kumdità residenzjali tagħhom, jistgħu jiggustaw
dak li huma m’għandhomx. Jistgħu ukoll jittrasmettu
din l-ammirazzjoni f’uliedhom u hekk ġenerazzjoni
wara l-oħra jsiru jħobbu l-għana tagħna l-Maltin.
Diżappuntat
Aktarx li Ġanni jħossu xi ftit diżappuntat meta
stazzjonijiet tar-radju Maltin, meta jiġu mitluba xi
diska mis-semmiegħa, li tkun waħda ta’ Ġanni Laus,
dawn jgħidulhom li m’għandhomx. U aktarx ukoll, li
hawnhekk, Ġanni jħoss ukoll l-ikbar dwejjaq tiegħu.
Bniedem li ta kontribut inkalkulabbli lill-għana, ma
jixraqx li d-diski tiegħu ma jinstabux.
Forsi l-akbar xewqa li Ġanni għandu qabel ma jmut
hi, li jintgħażel kantant, showman, entertainer,
minn madwar id-dinja, u jagħmlu show flimkien, u
ssir votazzjoni popolari (basta ma jkunx hemm Malti
fil-votazzjoni) u b’hekk jaraw min jiġi ivvutat
bħala l-aqwa. Min ikun l-aqwa merħba biħ. Hemm min
jidħlilha din l-isfida? Ġanni qed jistenna bil-ħerqa.
Lil seħibna Ġanni , nawguralu ħafna u ħafna snin
oħra ta’ għana Malti mill-isbaħ.
|