|
L-inawgurazzjoni
tal-Klabb ta' l-Għannejja Kadenzi saret nhar il-Ħadd
14 ta' Marzu 2004. Għal din l-okkażjoni attendew
għexieren ta' għannejja u dilettanti ta' l-għana
biex jipparteċipaw f'dan il-ftuħ.
Il-Klabb kien inawgurat mis-Sindku ta' Ħal Qormi
Roderick Galdes fejn fid-diskors tiegħu faħħar il-parteċipazzjoni
ta' l-għannejna waqt din l-attività u s-sehem tal-kumitat
ta' l-Għaqda Kadenzi biex setgħa jintlaħaq dan
il-ftehim kuntrattwali.
Sar diskors ukoll mill-President ta' l-Għaqda
Qadenzi is-Sur Gorg Mifsud Chircop billi ta' ħarsa
lejn l-iżvillup ta' din l-għaqda matul dawn is-snin
b'risq l-għana Malti.
Tkellem ukoll il-Professur Rev. Peter Serracino
Inglott li filwaqt li bierek din is-sala wiegħed l-għajnuna
tiegħu permezz tal-Kunsill Malti għall-Kultura u
l-Arti.
Waqt din l-attività diversi għannejja u kitarristi
taw is-sehem tagħhom b'dan it-talent Malti.
Fid-9
ta’ Frar, 2004 Il-Kunsill Lokali ta’ Ħal Qormi kien
laħaq ftehim mal-membri ta’ Kadenzi, l-għaqda ta’ l-għannejja
u d-daqqaqa Maltin, biex joffrilhom post bħala klabb
għalihom ħalli jkollhom fejn jiltaqgħu u jrawmu l-għana
Malti fost is-soċjetà Maltija. Il-ftehim mal-Kunsill
Lokali ta’ Ħal Qormi kien iffirmat mis-Sindku
Roderick Galdes u s-Sur John Farrugia bħala
s-Segretarju Eżekuttiv, u mill-membri ewlenin tal-kumitat
ta’ l-għaqda Kadenzi, Gorg Mifsud-Chircop bħala
l-President, is-segretarju s-Sur Ċikku Degiorgio tal-Fjuri,
u l-kaxxier is-Sur Jason Seguna.
Il-post huwa parti mill-kumpless tat-Teatru Grieg li
hemm viċin il-Knisja ta’ San Bastjan u dan jawgura
tajjeb biex juri li l-għana Malti huwa ħaga waħda
mill-kultura tagħna. L-eqdem dokumenti fuq l-għana
jmorru lura sal-bidu tas-seklu ħmistax għax l-għana
minn dejjem kellu sehem mill-kultura lokali f’Malta
tal-lum u ta’ l-imgħoddi. Ma jfissirx li ma kienx
hemm għana qabel iż-żmien li jsemmu d-dokumenti.
Dan huwa l-ewwel klabb tax-xorta tiegħu f’pajjiżna
biex fiħ l-imseħbin ikunu jistgħu jfasslu l-politika
kulturali tagħhom.
|