The Home of Maltese Għana

 

Front Page | Intro Page | What is Maltese Għana? | History of Għana | Għana in Theatre | Photo Album
 Folksingers Listing | Guitarists Listing | Hall of Fame | Fatti u Poeżiji | Artikli bil-Malti | Articles in English | Scrapbook

Memorji sbieħ

kitba ta' John J. Cassar
Ġunju 2003

 

Waħda mill-pjaċiri tiegħi meta nkun Malta hija li nkun nista’ niltaqa’ ma’ ħafna għannejja u kitarristi ħbieb tiegħi, fejn barra li nismagħhom jgħannu u jdoqqu l-kitarri, ngħaddi ftit sigħat nitkellem u nisma’ fuq l-għana, il-kultura Maltija, u fuq l-imgħoddi f’Malta, speċjalment ma’ għannejja jew kitarristi li huma ta’ maturità fl-età. Dawn mhux biss jafu x’għandhom jgħidu fuq l-għana u l-kultura Maltija, imma ta’ kulljum jgħixuha wkoll.
 
Fredu Abela “il-Bamboċċu” kien wieħed minn dawn li kont nieħu pjaċir nisma’ jirrakkonta xi storja fuq l-għannejja ta’ l-imgħoddi, xi praspura li kienu għamlu, jew fuq xi għanja li kien għamel snin qabel. Fredu Abela “Iż-Żejtuni” huwa ieħor minn dawn l-għannejja, u nista’ ngħid huwa l-iktar wieħed li ngħaddi ħin miegħu, għax jiġi silfi, u għax meta nkun Malta noqgħod għandu, għalhekk ikollna kwantità kbira ta'  ħin flimkien fejn inkunu nistgħu nitkellmu fuq l-għana u suġġetti oħra.

Indri “il-Pupa”
 
Huma ħafna dawk l-għannejja u kitarristi li niltaqa’ magħhom meta nkun Malta u għalhekk, impossibbli li wieħed isemmi lil kullħadd imma xi kulltant tiltaqa’ ma’ xi ħud minn dawk il-personaġġi ta’ l-għana li ma’ tantx tiltaqa’ magħhom, bħal ma’ ġara xi snin ilu meta nqtajt mal-kitarrista Indri Brincat “il-Pupa”.
 
Kont smajt u rajt lil Indri ħafna drabi qabel, però qatt ma’ kelli iċ-ċans inkellmu. Dak iż-żmien, kull nhar ta’ ħadd, kien jiltaqa’ ma’ daqqaqa oħra go l-ħanut “Fgura Bar”, ta’ Ċikku Perrċitu, il-Fgura. Hemmhekk kienu jgħaddu sigħat idoqqu u jiddiskutu l-prejjem u kif dik in-nota jew l-oħra għanda tindaqq jew tinstema’.
 
Wara dik il-laqgħa Indri “l-Pupa” għamilli stedina biex immur id-dar tiegħu ħa nkomplu nitkellmu fuq l-għana u biex ukoll jurina xi kitarri li kien qed jaħdem fuqhom.
 
Ftit jiem wara jiena u n-neputi tiegħi Charlie Abela li jiġi t-tifel ta’ Fredu Abela “iż-Żejtuni” tlaqna għal Ħal-Qormi fejn Indri joqgħod u fejn hemm ukoll għandu l-ħanut fejn jaħdem il-kitarri. Indri laqagħna u daħalna fil-ħanut tiegħu li kien mimli bi tratti ta’ għannejja u kitarristi, kemm tal-preżent kif ukoll tal-passat. Kien hemm ukoll ħafna premjijiet, bħal tazzi u plakek li Indri rebaħ fil-karriera twila tiegħu fil-qasam tad-daqq tal-kitarri. Waħda min dawn plakki kienet riċenti u għal qalb Indri li tgħid "Rikonoxximent għal sehemek fil-prejjem - Indri Brincat "il-Pupa" - Malta Music Awards - 1997".
 
Mal-ħitan u mas-saqaf kien hemm ukoll diversi kitarri ta’ kull disinn. Xi ħud minnhom lesti għal kollox, u oħrajn li kien għadu qed jaħdem fuqhom. Hawnhekk Indri beda jispjegali kif jinħadmu l-kitarri u jsemmali wkoll xi ftit noti biex jorini id-differenza minn kitarra għal oħra. Beda wkoll jirrakkontali ħafna stejjer ta’ l-imodi u jsemmili hafna għannejja u kitarristi tal-passat li kien daqq magħhom jew għalihom. Ħaddna wkoll xi ritratti flimkien, li jien nibqa’ ngħożż għal kumplament ta’ ħajti.
 
Indri Brincat “il-Pupa” kien u għadu wieħed mil-aqwa kitarristi li qatt kien hawn Malta u bid-daqq u bl-eżempji tiegħu mexxa l-għana l-quddiem u ħajjar ukoll kitarristi ta’ warajħ biex jemitawħ fid-daqq tagħhom.

Djalagu mal-Budaj
 
Din is-sena meta kont Malta kelli x-xorti nerġa’ niltaqa ma’ personaġġ ta’ l-għana ieħor li jsaħħar lil dawk kollha li jissimmawħ, Frans Baldacchino “il-Budaj” jew kif jafuħ ħafna “il-Budaj taż-Żejtun”. Bħal Indri Brincat, lil Frans Baldacchino kont ilqtajt miegħu qabel, però qabel din is-sena qatt ma’ kelli ċ-ċans inkellmu sewwa.
 
Ma’ Fredu “ż-Żejtuni”, il-mara tiegħu Maria u l-mara tiegħi Nina konna għadna kif tlajna nqattaw tlett ijiem Għawdex meta Charles Mangion “iż-Żubina” stedinna biex imorru miegħu l-Mġarr ix-Xini għal ikla mal-baħar. Miegħu kien hemm Frans Baldacchino “il-Budaj” u Ġanni “l-Pisklu” tax-Xewkija, Żeppi Spanjol “il-Kelba” u t-tifel tiegħu Kevin, Salvu “l-Kanadiż”, u Fredu “l-Irish flimkien man-nisa u tfal.
 
Tkellimna, kilna, u xrobna u għal ħabta ta’ l-erba' ta’ wara nofs inhar kif jiġri fejn ikun hemm l-għannejja u l-kitarristi, lestew biex jibdew jgħannu nofs siegħa. Il-Kitarristi ikkordaw il-kitarri u bl-inbid qaddimna bdejna nisimgħu l-għana. Fredu “iż-Żejtuni” jgħanni ma’ Charles Mangion “iż-Żubina” u Frans Baldacchino “il-Budaj” u Ġanni “l-Pisklu” bdew jgħannu newtrali, jiġifieri triq għalihom. U hemm ma’ dawk kollha preżenti qattajt ħamsin minuta ta’ veru pjaċir nisma’ l-għana.
 
Frans Baldacchino “il-Budaj” twieled iż-Żejtun fis-16 ta’ Mejju 1943. Minn meta kien żgħir kien iħobb il-Poeżiji. Beda jgħanni l-għana meta bħal ħafna Maltin oħra fis-sittinijiet emigra lejn l-Awstralja u waqt waħda mis-serati ta’ l-għana spirtu pront li kienu qed jirrikordjaw biex jibgħatu Malta, ġie mistieden minn għannejja oħra biex jgħanni xi ftit magħhom. Dak kien il-bidu tal-karriera tiegħu fl-għana Malti.
 
Il-laqam “Budaj” kisbu mbilli darba fis-snin ħamsin żgħar f’Malta it-team magħruf tal-futbol il-Honved mill-Ungerji li miegħu kellu jilgħab lill-kbir Puskas u stilel ohra, fosthom wieħed bil-kunjom “Bodai”. Ħu Frans kien jilgħab il-futbol ukoll u meta telqu l-Honved, ħu Frans ġie mlaqqam “Budaj”, laqam li wara wirtu wkoll Frans innifsu u baqa’ jiġri miegħu sal-lum.
 
F’dawn l-aħħar snin Frans kien waqaf mil-għana spirtu pront u ikkonċentra ruħu fuq il-makjetti, fatti u anki kanzunetti. Waħda minn dawn il-kanzunetti li kanta ma’ Priscilla Psaila, “Tisimgħu Tissaħħar” rebħet il-Festival ta’ l-Għanja tal-Poplu 2001.
 
B’dan ix-xogħol irnexxielu jressaq u jħajjar ħafna minn dawk li kienu jgħidu li ma’ jħabbux l-għana, u barra minn hekk, għanna ħafna drabi fil-knejjes waqt il-quddiesa ta’ l-għana.
 
Waqt din il-ħamsin minuta għana, il-budaj qal bl-għana, li kien biħsiebu jerġa’ jibda jgħanni l-għana spirtu pront, u hekk ġara il-Ħadd ta’ wara, meta għand “iż-Żubina” fil-Klabb tal-Boċċi tal-Pieta, Frans reġa’ beda għal-ewwel darba jgħanni l-għana spirtu pront. Din kienet siegħa li tgħat pjaċir kbir lil dawk kollha preżenti. Frans “il-Budaj” għanna ma’ Fredu “iż-Żejtuni”. Waqt il-matinata, kullħadd qgħad kwiet jisma’ u jifli kull kelma li kienet qed tingħad miż-żewġ għannejja. Kont tisma’ labra taqa’ bil-kwiet li kien hemm. Magħhom kien hemm Frans “il-Budaj tas-Siġġiewi” jgħanni ma’ Toni “ta’ Pinu l-Ġebel”.
 
Frans Baldacchino “il-Budaj” barra li hu għannej tal-prima klassi u poeta li jistħoqqlu rikonoxximent kbir, huwa wkoll pittur u skultur. Dan stajt naraħ meta xi ġranet wara stedini biex immur id-dar tiegħu Birkirkara. Inkwatri bit-tpinġija u pittura ta’ kull qis jimlew il-ħitan kollha tal-garage tiegħu fejn jaħdem dan ix-xogħol. Ħafna minn dawn juru xeni tal-ħajja Maltija w oħrajn tpinġija ta’ personaġġi Maltin. Fuq bank mal-ħajt għandu diversi statwetti żgħar li hu stess ħadem bit-tafal. Waħda minn dawn, li jien ngħid għalija laqtitni hafna, kienet statwa ta’ bidwi b’żewġ mogħżiet ma’ ġenbu.
 
Qattajna ħafna ħin nitkellmu. Kemm fuq l-għana tal-passat, kif ukoll fuq l-għana tal-preżent. Tkellimna wkoll fuq id-dispjaċir li hu, u dawk li jħobbu l-għana għandhom, li din, li tagħmel tant parti kbira mil-kultura Maltija, kienet fiż-żmien passat, u sa ċertu pont għada sal-ġurnata tal-lum, daqshekk imkasbra u injorata minn xi klassi ta’ nies Maltin. Però qbilna wkoll, li fl-aħħar ftit snin, l-għana donnha ħadet spinta l-quddiem, u ħafna huma dawk li qed jieħdu interess u jagħmlu studju fuqha.
 
Dawn huma memorji sbieħ li jibqgħu miegħi u li jkomplu jżidu fl-imħabba li għandi għal Għana Maltija. L-għana sabiħa li tismagħha u tifhimha, imma wkoll li tagħmilha ma’ l-għannejja u l-kitarristi li wara kollox dawn qed ikomplu jmexxu l-quddiem din il-parti tant kbira fil-kultura tagħna l-Maltin u l-Għawdxin.
 

Mġarr ix-Xini Għawdex intaffu ftit mil-għatx bi ftit fliexken birra.

Fuq ix-xellug: It-tifel ta’ George “il-Giza”, Frans “il-Budaj”,
Ġanni “il-Pisklu”, Żeppi “il-Kelba”, u Salvu “l-Kanadiż”.

Fuq il-Lemin: George “il-Giza”, Fredu “iż-Żejtuni”,
Fredu “l-Irish”, Pawlu “tal-Video”, u jien.
 

Għal ken u l-frisk taħt is-siġar tal-Palm waqt li l-kitarristi
kienu qed jikkordaw il-kitarri.

Mix-Xellug: Fredu “l-Irish”, Fredu “iż-Żejtuni”,
Salvu “l-Kanadiż”, Kevin “tal-Kelba” u Żeppi tal-Kelba.
 

Waqt diskussjoni li għamilna fuq l-għana fil-kċina ta’
Frans “il-Budaj” u l-mara tiegħu Pawla.
 

Frans Baldacchino “il-Budaj”
mal-maħbuba l-oħra tiegħu Kikka
 

Frans Baldacchino “il-Budaj” iqabbad wieħed
mis-sigarri li jħobb ipejjep.
 

 

Ritratti ta’ fuq din il-paġna meħuda minn Charles Mangion “iż-Żubina”

Top - Fuq        Back - Lura