The Home of Maltese Għana

 

Front Page | Intro Page | What is Maltese Għana? | History of Għana | Għana in Theatre | Photo Album
 Folksingers Listing | Guitarists Listing | Hall of Fame | Fatti u Poeżiji | Artikli bil-Malti | Articles in English | Scrapbook

L-għanjiet ta' Lapsi

minn Joseph Camilleri
"Il-Ħadd magazin", 17 ta' Mejju, 1998

 

Għalkemm l-Għid hija l-aqwa festa tal-knisja, il-festa ta' Lapsi hija wkoll waħda mill-aqwa festi li tiċċelebra l-istess knisja. Għalhekk insibu li Lapsi għandu xi drawwiet tipiċi tiegħu bhalma għandu l-Milied u l-Gimgħa l-Kbira, kif ukoll l-Għid. Fost dan il-wirt popolari hemm xi taqbiliet li kienu jgħiduh xi nies ta' dari.
 
L-għana ta' Lapsi jurik kif kienet il-ħajja Maltija meta l-mezzi tal-komunikazzjoni kienu għadhom 'il bogħod. Meta l-karrettun kien l-uniku mezz li kien juża l-Maltin biex imur minn raħal għal raħal. Dawn l-għanjiet jurik ukoll il-filosofija li kellu l-Malti u kif kien jara l-ħajja. Fuq kollox juruk ukoll xi drawwiet li llum fid-dinja tal-kompjuter il-Malti nesa' darba għal dejjem.
 
L-għana ġenerali
 
Hemm għana li kull Malti kien jgħanni, sew il-fqir u sew is-sinjur. Din it-tip ta' għana jkun ġeneralment għana li jurik xi twemmin jew xi drawwa li soċjali. Waħda minn dawn kienet tgħid:
 

Il-lejla lejliet Lapsi,
Għada jisbaħ tal-Quddies,
Imbagjisbaħad wara kulħadd jiekol,
Għax din hi festa tan-nies.

 
Kulħadd jiekol għaliex hija festa, festa reliġjuza li wieħed kien mistenni li jiċċelebra għaliex hu membru tal-knisja Rumana Kattolika. Għalhekk hemm id-drawwa li wiehed jisma' quddies. Din id-drawwa hija xejn ħlief l-obbligu mpost fuq in-nisrani mill-awtoritajiet tal-knisja.
 
L-għana tal-bidwi
 
Il-bidwi kien l-aktar xogħol popolari fost il-poplu Malti. Kien hemm ħafna li kienu jaħdmu mas-servizzi Ingliżi iżda dawk kienu aktarx joqgħodu madwar il-Port il-Kbir, ġewwa l-Isla, il-Birgu, Bormla, il-Kalkara u l-Belt Valletta u l-Furjana, kif ukoll il-Marsa.
 
Waħda minn dawn l-għanjiet kienet fuq waħda bidwija, mis-Siġġiewi, post qrib ħafna ta' Għar Lapsi, post ir-raba. Din l-għana turi l-importanza li kienu jagħtu lejn iż-żwieg u l-hajja bidwija. Tgħid għaliex iż-żwieg fiħ it-tama li din is-sengħa ma tmutx billi tgħaddi mill-missier għall-ulied. Mis-Siġġiewi l-għana tgħid:
 

Ħanini bidwi u bin bidwi,
X'jaf iżommu l-moħriet,
Nixtieqni sħaba ta' l-ajru,
Flok ix-xemx nagħmillu r-riħ.
 
Ħanini wild il-biedja,
Jien ukoll tifla bidwija,
Naf inħaddem wisq l-imgħazqa,
u ħwejgi kollha hamrija.
 
Ommi qalet lil Missieri:
"lt-tifla trid inżewġuha
M'għandix bini, lanqas raba',
Għidli x'dota ser nagħtuha.
 
Missieri raġel bil-għaqal,
għal bintu ħaseb għaz-żwieġ,
u għad-dota lesta kollox,
Mitt skud flus u żewġ nagħġiet."

 
Għana ta' fuq id-dgħajjes
 
Kien hemm drawwa li f'jum Lapsi n-nies tal-kampanja kienu jmorru sa Għar Lapsi iżda n-nies li kienu joqgħodu qrib il-Port il-Kbir kienu joħorġu fuq id-dgħajjes. Wahda minn dawn l-għanjiet ta' żmien Lapsi kienet titkanta fuq id-dgħajsa. Din tgħid hekk:
 

Fittex aqdef, barklor tiegħi,
Għall-Kalkara fittex dawwar,
Hemmhekk għandi lil ħanini,
Żewgġ għanjiet lilu insawwar.
 
Jum Lapsi għamlilna bnazzi,
Żmien li tajjeb għan-namur,
fittex aqdef ja tad-dgħajsa,
Ħdejn hanini rrid immur.
 
Ġejja dgħajsa bis-suldati,
Ġejja ohra tal-baħrin,
Fosthom hemm il-maħbub tiegħi,
Kemmhu sbejjaħ, x'waħda din!
 
Rajtek rajtek fuq id-dgħajsa
ixxejjirli bil-maktur,
Ma ssibx min iħobbok daqsi,
Jekk inti d-dinja ddur.

 
Għand nies tan-naħa l-oħra tal-Belt Valletta kien hemm drawwa oħra. Folla nies kienu jinżlu minn b'Kara f'San Giljan u jgħaddu l-jum hemm. Din id-drawwa fost il-Xarkariżi twieldet għana fejn l-isem tal-mara kien ħlief Lieni, għaliex Santa Liena hija l-patruna ta' dan il-post u wieħed kien jistenna li xi tifla fil-familja numeruża kienet msemmija għal din il-qaddisa. L-għana tgħid hekk
 

Għal Lapsi Sinjura Lieni,
Ikla tajba bid-dundjan,
Il-kales qieg
ħed jistenna,
Ħalli jieħdok San Giljan.

Bandli
 
Il-bandli għandhom rabta mill-qrib mal-festa ta' Lapsi. Hemm għana li kienu jgħannu li tidħol sewwa l-bandla. Din tgħid hekk:
 

Ommi għamlitli bandla,
Għamlithieli fuq il-bejt,
Ma kellix min ibandalni,
Tela' l-moċċu għarkobbtejh.
 
Ommi għamlitli bandla,
Ħdejn is-siġra tal-lumija,
Malli ħadt l-ewwel tixjira,
Il-ħabel inqata' bija.
 
Bandalni, ommi bandalni,
Biex la nikber kemm niswieled,
Nidħol naħdem ma' l-imgħallem,
U l-paga kollha nġibhielek.

 
Dawn huma ftit mill-għana li kienu jgħannu fil-jum ta' Lapsi. Dan hu wirt li nittama ma jmutx bħalma ġara b'ħafna għana matul iż-żminijiet.

Referenzi


Rafel Bonnici Cali, Kitbiet imżewqa twemmin, storja, arti u folklor Malta 1987.

Jospeh Cassar Pullicino, Studies in Maltese Folklore Malta 1992.

Top - Fuq        Back - Lura