The Home of Maltese Għana

 

Front Page | Intro Page | What is Maltese Għana? | History of Għana | Għana in Theatre | Photo Album
 Folksingers Listing | Guitarists Listing | Hall of Fame | Fatti u Poeżiji | Artikli bil-Malti | Articles in English | Scrapbook

DAWRA MA' L-GĦANA F'MALTA

kitba ta' Manuel Casha
 "It-Torċa", April 13, 1997

 

Indumu kemm indumu ngħixu f'art oħra, l-egħruq tagħna bħala Maltin jibqgħu jiġbduna lejn il-gżejjer ta' art twelidna u dak kollu li jifforma l-psiku tagħna bħala bnedmin. L-affarijiet materjali għandhom limitu kemm jistgħu jissodisfaw lill-bniedem imsiefer, minkejja li jkun kabbar egħruq soda fil-pajjiż fejn jgħix u laħaq l-għanijiet tiegħu fil-ħajja ta' kuljum.
 
Meta 'mbgħad il-bniedem ikollu interessi oħra kulturali li jiġbduħ aktar lejn pajjiżu biex jiġbor informazzjoni fuq xi riċerka li jkun qed jagħmel fuq suġġett jew ieħor li jgħoddu bħala wirt missirijietu, allura l-forzi tal-ġibda jkunu aktar qawwijin, tant li jsiru htieġa.
 
B'dawn il-ħsibijiet kollha jduru f'moħħi sibt ruħi - tentativament - nagħmel "booking" għal Malta f'nofs is-sena l-oħra, sakemm fid-9.12.96 sibtni fuq l-ajruplan ninqata minn Tullamarine fi triqti lejn Malta.
 
Ftit kont naf kemm iż-żjara tiegħi kellha tkun ta' avventura mimlija sorpriżi. Ċans li nerġa' nara il-familjari tiegħi; tiġdid ta' ħbiberiji antiki tat-tfulija; kuntatti ġodda fl-Universita ta' Malta f'tal-Qroqq; programmi fuq il-PBS, u naturalment ċans li niltaqa' ma' numru ta' għannejja li ltqajt magħhom hawnhekk, meta intervistajthom fuq ir-Radji Maltin, Radio 3ZZZ u il-PBS Radio, u llum huma ħbieb personali tiegħi.

FRANS BALDACCHINO "IL-BUDAJ"
 
L-għana f'Malta illum hemm min daħħlu fis-sfera ġdida waqt li oħrajn għadhom jippreżentawh fl-aktar sura tradizzjonali kif jiftakruh ħafna minna.
 
Frans Baldacchino "Il-Budaj" huwa wieħed minn dawk l-għannejja li jgħanni fuq ir-radju u t-televixin fuq akkompanjament elektroniku ta' synthesiser drums u kitarri ta' l-elettriku. B'dan il-mod "Il-Budaj" qed jilħaq udjenzi ġodda, imma ta' min jiftakar li Frans huwa wieħed mill-aktar għannejja kapaċi fl-għana spirtu pront, u għalkemm illum jinsab fi triqat ġodda, "Il-Budaj" jibqa wieħed mill-aktar għannejja mfittxija għall-għana tas-suġġett u spirtu pront. Għall-format aktar tradizzjonali, Frans jgħanni ta' spiss fuq id-daqq tat-tim ta' kitarristi ta' John Saliba, li hu l-prim kitarrist fuq is-CD li Frans Baldacchino għamel ġo Franza.
 
Is-sensiela ta' għana reliġjuż li għamel għar-radju RTK Radio wriet in-naħa spiritwali tal-Budaj, li wara kollox mhix ħaga ġdida għaliħ, meta tqis li kien l-għannej pijunier tal-quddiesa ta' l-għana Malti, meta għall-ewwel darba l-għana tkanta fil-knejjes.
 
Mort nara lil Budaj id-dar tiegħu f'Birkirkara fejn tkellimna fuq bosta affarijiet u partatna ħafna opinjonijiet u idejat. Meta iżżur lil Frans f'daru - fejn għandu studju fejn ipitter, jittapja l-poeżiji ta' l-għana li jkun ser jippreżenta, jiskultura u ġeneralment jistrieħ wara ġurnata xogħol - ma ddumx ma tintebaħ li dan ir-raġel huwa bniedem studjuż u ta' doni speċjali. Minkejja l-popolarita tiegħu ma' eluf ta' Maltin f'Malta, fl-Awstralja, il-Kanada u l-Amerika, Frans Baldacchino qatt ma tilef dawk il-kwalitajiet u l-imħabba lejn il-pajsaġġ rurali Malti li daħħal fiħ raħal twelidu, iż-Żejtun.
 
Ħafna nies jiftakru lil Frans Baldacchino meta għamel żmien joqgħod Sydney bħala emigrant qabel irritorna lejn Malta.
 
IŻ-ŻEJTUN - RAĦAL IL-GĦANA
 
Meta titkellem fuq l-għana Malti ma jistax li diskorsok ma jaqax fuq iż-Żejtun. Bħalma l-mużika Country Amerikana hi assoċjata ma' Nashville Tennessee, il-Jazz ma' New Orleans, u l-Flamenco ma' Andalusia, iż-Żejtun għadu prova ħajja ta l-għana fl-aktar forma pura tiegħu.
 

Meta wasalt Malta mort dawra maż-Żejtun ma' ħabib Ramon Psaila, Żejtuni li għaddini mit-triqat ta' dan ir-raħal mimli storja, li għadu ma ntmiss mill-moderniżmu. Konna għadna kif dħalna r-raħal meta ltqajna ma' għannejja mara , Ġolina "Iċ-Ċalija". Għal min ma jafx wisq fuqha, Ġolina għandha vuċi mill-isbaħ u tgħanni kemm spirtu pront u anki fil-għoli, barra li tiftakar ruxxmata għana tal-Banju li minnhom qaltilna bosta bil-kliem. Domna nitkellmu magħha ħafna fejn qaltilna stejjer tal-għannejja Żwieten li llum m'għadhomx magħna, li kienu mill-aktar leggendarji, bhal Pawlu Seychell "L-Għannej", Pawlu Degabriele "Il-Bies", Mikiel Abela "Il-Bambinu" u tant u tant kitarristi Żwieten li kienu akkumpanjawha fiż-żmien. Ġolina għandha karriera twila u jżuruwha bosta studjużi minn Malta u pajjiżi oħra biex jintervistawha. Ħafna jiftakru dak il-programm sabiħ fuq it-televixin Malti meta għanniet ma' Mikiel Abela "Il-Bambinu" fir-razzett tiegħu.

Morna fejn il-mafkar tal-"Bambinu" fejn iż-Żwieten bnewlu munument. Bil-kappell tax-xemx, kitarra f'idejħ u tbissima familjari, Mikiel Abela jħares mil-limiti taż-Żejtun minn fuq il-munument fejn tistħajlu jgħanni dawk il-poeżiji sbieħ bħal "Fl-Ave Maria", "L-Avukat Tal-Karrozzin","Il-Holma".

Morna wkoll fejn il-mafkar ta' Pawlu Degabriele "Il-Bies" fejn ħadt ritratt tiegħu u anki għaddejna mit-triq fejn kien joqgħod. "Il-Bies" kellu vuċi li ssaħħar u kien għannej  tal-"Ispirtu pront" u "Tal-fatt" u kien isaħħrek meta

 

jgħanni "fil-għoli".
 
Pawlu kien tilef id-dawl t'għajnejh kmieni f'ħajtu u il-fatt "Meta Għamejt" jibqa' mniżżel bħala wieħed mill-aktar klassiċi fl-istorja ta' l-għana Malti.
 
Imma biex tgħid li gawdejt ir-raħal taż-Żejtun trid iżżur wieħed mill-ħwienet fejn isir l-għana. Flimkien mal-għannej tal-pajjiż, Fredu Abela "Iż-Żejtuni" u ibnu Charlie, mort Ġanna Bar biex nieħu ftit l-atmosfera. Meta dħalna ġewwa, l-għannejja kienu qed igħannu fil-għoli. Dan ix-xorta ta' għana dejjem qed jonqos, imma l-ewwel ma smajt fil-ħanut kien dan l-għana. Hemm iltqajt ma' hafna għannejja, xi wħud kienu jgħixu l-Awstralja w issa reggħu lura f'Malta. Iltqajt ma' bosta nies għall-ewwel darba u sakemm ġejna biex tlaqna ħassejt li kont ili nafhom is-snin. Meta għajtu lil Fredu "Iż-Żejtuni" biex jitla' jgħanni, barra li apprezzajt l-għana, qgħad nosserva l-atmosfera ta' l-għana Malti fil-ħanut, kif kien isir fl-imgħoddi. Għadda minn quddiem għajnejja xogħol għall-palk li kont ħazizt ftit snin ilu "Il-Ħanut ta' Dwinu" li ikkonferma mnejn ġietni l-inspirazzjoni.
 
Il-ħanut kien imballat bin-nies u il-ħoss taż-żwiemel u s-serkini fuq barra tat-triq komplu jikkumplimentaw l-atmosfera. Fuq il-bar kien hemm ritratt ta' Żejtuni famuż ieħor li miet fil-bidu tas-sena l-oħra. Grezzju Ellul "Ta' Ċanċa" jibqa' fil-memorja taż-Żwieten bħala wieħed mil-kitarristi primi li hennew ir-raħal bid-don tagħhom. Barra li kien kitarrist prim Grezzju kien jgħanni fil-għoli, liema għana għad jinsab fuq bosta kasetts u żigarelli.
 
PROGRAMMI TAL-GĦANA FUQ IT-TELEVIXIN
 
Fl-ewwel gimgħa li kont Malta fittixt fil-Gwida biex nara meta jkun hemm l-għana fuq it-televixin, u ma hriġtx iddiżappuntat għax kienet għaddejja sensiela fuq l-istazzjon Super One jisimha ILTQAJNA L-GĦANNEJJA.
 
L-ewwel wieħed li rajt kien hemm Fredu Abela "Iż-Żejtuni", George Degiorgio "Tal-Fjuri", Fredu Abela "Il-Bamboċċu" u Ċikku Degiorgio "Tal-Fjuri" li għannew spirtu pront. Waqt li l-programm kien ippreżentat minn Veronica Farrugia, il-koordinazzjoni kienet f'idejn l-għannej Qormi Ċikku Degiorgio "Tal-Fjuri". Il-kontenut kien interssanti u juri bosta aspetti ta' l-għana.
 
Rajt għana tal-fatt, makkjetti, poeżiji u naturalment għana spirtu pront. Din il-varjeta serviet biex iżżomm it-telespettatur interessat biex jara x'ġej minn gimgħa għall-ohra.
 
Fredu "Il-Bamboċċ" għamel żewġ poeżiji/makkjetti, waħda "Is-Sittinijiet" li kienet tassew interessanti u reminixxenti tas-snin sittin, li billi hija l-generazzjoni ta' żmieni laqtitni sewwa. L-oħra stiednet lis-semmiegħa jużaw il-karrozzi tal-linja.
 
Kienu programmi tassew pjaċevoli għal dawk li jhobbu l-għana u naħseb anki dawk li mhumix. Is-setts u l-kuluri għenu biex iżidu l-effett.
 
Mort nara lill-"Bamboċċ" fil-Klabb tal-Futbol tal-Fgura fejn jieħu ħsieb il-bar. Barra li ħadd pjaċir li erġajna ltqajna - l-aħħar darba kienet fl-Awstralja meta intervistajtu fuq ir-radju Malti - ħadd pjaċir niddiskuti u naqsam opinjonijiet miegħu fuq id-direzzjoni ta' l-għana fil-preżent. Fredu, li zijuh kien il-famuż għannej Salvu Darmanin "Ir-Raġel", qala xi ritratti antiki ta' għannejja leġġendarji. Pero wieħed mill-isbaħ kien meħud xi tlettin sena ilu, fil-gnien tar-"Ragel" go Saint Mary Street, Ħaż-Żabbar li qed nippublikawh hawn. Fredu "Il-Bamboċċ" huwa wiehed mill-għannejja primi ta' Malta, imma barra minnhekk jibqa' imsemmi għal dawk id-diski li kien ħareġ fis-snin sittin u sebgħin. Min ma' jiftakarx it-"Taxi Mary" u "Papa Bamboċċ"?
 
Fl-istess bar iltqajt ma' numru ta' nies li kienu l-Awstralja jew għandhom ħbieb jew familjari jgħixu hemm. Fosthom iltqajt ma' l-għannej Joe Buzuttil "Il-Bużu" li żar l-Awstralja u ta' pjaċir lid-dilettanti lokali bl-għana tiegħu aktar minn darba. Lil Joe konna tkellimna miegħu fuq l-SBS Radio u anki smajniħ jgħanni mal-"Bamboċċu" fuq il-programm ta' l-għana.
 
BEJN IL-PREJJEM U L-KADENZA
 
Gorg Mifsud-Chircop huwa akkademiku li qed jagħmel xogħol siwi fil-ġbir ta' dak kollu li għandu x'jaqsam mal-lingwa Maltija. Kien stedinni biex nagħti xi dettalji fuq l-għana fl-Awstralja, partikolarment f'Melbourne fejn hemm il-qalba tal-għannejja u l-kitarristi tal-Awstralja, fuq is-sensiela ta' programmi li qed jagħmel fuq il-PBS radio, li semmiehom "Bejn Il-Prejjem u l-Kadenza" . Waqt li dawn il-programmi fuq l-istorja ta' l-għana Malti ixxandru qrib April 1997, għandhom jibqgħu bħala dokument ħaj għall-futur, billi l-istorja qed tintqal mill-għannejja u l-kitarristi stess li jistieden fuq dawn il-programmi.
 
Fuq il-programm dak in-nhar kien hemm id-daqqaq Indri Xerri u l-għannej Karmenu Debono "Il-Pikipakk". Debono huwa għannej ta' don sabiħ u meta mort naraħ id-dar tiegħu għamiltlu intervista bl-għana, fejn staqsejtu l-mistoqsijiet waqt li akkumpanjajtu bil-kitarra u hu rrispondini spirtu pront bl-għana. Din hija ħaġa tassew diffiċli speċjalment meta bdejt nistaqsiħ mistoqsijiet eżatt kif jispiċċa l-għanja tiegħu.
 
Fi programmi ohra Gorg Mifsud-Chircop stieden lil Indri Brincat "Il-Pupa", Żaren Debono "Ta' Minka" u Karmnu Bugeja "Ta' Manann" biex barra milli jipprezentaw id-daqq tal-prejjem jitkellmu wkoll fuq l-esperjenzi tagħhom fl-għana.
 
Illum il-gurnata, f'Malta l-programmi ta' l-għana jinstemgħu fuq numru ta' stazzjonijiet tar-Radju bhall-RTK , s-Super One u l-PBS waqt li r-Radju ta' l-Universita kien għamel sensiela speċjali fuq is-suġġett ukoll.
 
L-GĦANA FL-UNIVERSITA
 
Fl-Universita f'tal-Qroqq, fejn mhiex l-ewwel darba li ppreżentaw il-mużika tradizzjonali "live" fil-"common room", issa bdew jinġabru dettalji aktar estensivi fuq l-għannejja u d-daqqaqa għal dawk l-istudenti li jistudjaw dan is-suġġett. Llum fil-librerija tista' ssib numru ta' kasetts, vidjos u artikli li nkitbu fuq is-suġġett. Veru li għadu biss bidu, imma sar aktar xogħol fl-aħħar hames snin milli sar fl-aħħar hamsin sena. Anita Ragonesi qed tagħmel biċċa xogħol sabiħa fil-ġabra ta' dawn l-affarijiet u hija responsabbli biex tqassam kollox f'katalogu fejn jistgħu jiġu offruti lill-istudenti tal-Folklor Malti.
 
HADDIEMA TAL-KITARRI
 
Il-btala kellha bosta mumenti speċjali għalija imma ftit jilħqu dak tal-10 ta' Jannar, meta ma' Ramon Psaila, mort nara lil Indri Brincat "Il-Pupa" id-dar tiegħu. Ktibt fid-dettal fit-"Torċa" tat-2 ta' Frar 1997. Hawn ma nidħolx f'dettalji ħlief li ngħid li Indri "Il-Pupa" kien u għadu wieħed mill-aktar kitarristi sinifikanti li influwenzaw il-prejjem Maltin fis-seklu għoxrin. Barra li għamiltlu intervista, u hadt bosta informazzjoni siewja mingħandu, kelli x-xorti wkoll li nakkumpanjah fuq il-kitarra. Wara bosta snin tammira bniedem ikun mument tassew speċjali meta tirrealizza l-holma tiegħek li xi darba ddoqq miegħu.
 
Għalkemm jien irriferejt għall-ħila ta' Indri bħala kitarrist prim, ma nistax ma nsemmix is-sengħa tiegħu bħala ħaddiem tal-kitarri ta' l-għana. Il-kitarri tiegħu mfittxija mid-dilettanti madwar id-dinja u l-ħoss tagħhom huwa uniku partikolarment meta jindaqqu f'sett.
 
Fil-mixja tiegħi fl-irħula ltaqajt ma' kitarrist ieħor li jagħmel kitarri li huma iktar addattati għad-daqq klassiku. Krispin għandu "workshop" fil-misraħ tal-pjazza tar-raħal fejn jaħdem. Urini l-kitarri li għamel u bil-paċenzja spjegali kif jaħdimhom, urini l-forom li juża biex jagħtihom is-sura u xi metodi li juża biex igħawweġ l-injam. Qalli kif gew xi nies barranin biex jaraw ix-xogħol tiegħu u anki intervistawħ fuq it-televixin. Ilhaqt ġejt lura l-Awstralja qabel ma ndunajt li ma kontx staqsejtu kunjomu, imma x'aktarx li kulħadd isejjaħlu Krispin. Fuq kollox darba qbadna nitkellmu fuq il-kitarri mingħajr ma' ifokkajna fuq ħaġa waħda kull ħsieb ieħor kien sekondarju.
 
KTA PRODUCTIONS
 
Matul iz-zjara f'Malta sirt naf lil Godwin Difesa, ir-direttur tal-KTA Records, li qed jagħmlu xogħol dinamiku fix-xena tal-mużika Maltija permezz tal-ħruġ ta' CDs bil-Malti ta' artisti Maltin. Ħaġa li kien hawn bżonn kbir u li qed taqdi il-mużika Maltija fl-aħjar mezz, dak tar-rekording. Nagħmlu x'nagħmlu fix-xena mużikali jkun nieqes mill-valur jekk ma jistax jinżamm għall-ġejjieni.
 
Fl-aħħar ftit snin il-KTA ħarġu fuq mitt CD bil-Malti u għadhom jiġbru u jirrekordjaw materjal kontinwament għall-futur. Tnejn mis-CDs li rrekordjat din id-ditta kienu ta' John Laus, "FEJN TARAWNI TKELLMUNIX" u "OBROX U IRBAĦ" .
 
Mill-esperjenza tiegħi fuq ix-xandir nista' ngħid li huwa l-aktar artist popolari fil-programmi tar-requests fl-Awstralja. Id-diski tal-Laus għandhom ċertu appell għall-poplu li jagħmluhom l-aktar imfittxija. Wara bosta snin indoqq id-diski tiegħu fuq ir-radju Malti fl-Awstralja kelli l-pjaċir li ltqajt miegħu il-KTA PRODUCTIONS fejn kellu appuntament ma' Godwin Difesa.
 
John spjegali kif joħloq il-kanzunetti u kif il-biċċa l-kbira jimmemoriżżahom. Wara li tkellimna għal ftit ħin tani CD tiegħu "OBROX U IRBAĦ" li iffirmali dak il-ħin. Ta' min ifaħħar lill-KTA Records li bdew din il-ħidma meħtieġa. Milli jidher l-artisti Maltin inġabru warajhom għax meta kont hemm iltqajt ma' bosta artisti Maltin, fosthom wieħed li m'għandux x'jaqsam ma' l-għana Malti imma li dejjem ammirajtu fil-qasam popolari.
 
Dan kien ħadd hlief Freddie Portelli li nafuħ mal-Malta Bums, Freddie and The Black Train u Freddie Portelli, solo artist. F'żewġ kunċerti li għamel meta kont hemm, mela is-sala Dar Il-Mediterran darbtejn wara xulxin.
 
Il-popolarita tiegħu m'għandix eta. Is-CD tiegħu "Għal Dejjem" jibqa' wieħed mill-aktar CDs mixtrija fl-istorja tal-mużika Maltija.
 
MUMENTI SPECJALI
 
Meta nħares lura lejn liema kienu l-mumenti l-aktar memorabbli nsib li mhux possibli biex insemmi kollox għax l-ispazju limitat. Hawn qsamt mal-qarrej xi ftit minnhom flimkien ma' xi ritratti li ħadt matul iż-żjara.
 
Iż-żjara kienet waħda mgħaġġla wisq din id-darba u l-affarijiet ta' riċerka ma ħallewnix ħin biżżejjed biex ingawdi l-għana aktar. Dan minni naqas, għax l-istedini mill-għannejja kienu numerużi. Imma nispera li darb'ohra jkolli aktar żmien biex ingawdi dan id-delizzju tant sabiħ tagħna l-Maltin.
 

Top - Fuq        Back - Lura