|
Bejn il-31/10/1997
u it-8/11/1997 kellna f'Melbourne lil Kevin Bradley
u lil Dr. Edgar Waters mill-Librerija Nazzjonali
Awstraljana ta' Canberra, li taħt l-awspiċi ta' Dr.
Barry York irrekordjaw numru ta' serati ta' l-għana
biex jinżammu għall-futur.
Il-proġett
huwa parti mill-"Maltese-Australian Folklife and
Soċial History" taħt il-koordinazzjoni ta` Dr. York
li huwa Research Fellow fil-Fakulta ta` l-Arti,
Victoria University of Technology, St Albans campus.
Nhar il-31/10/1997 it-tim tela fis-sala ta`
Errington, f'St. Albans, fejn jiltaqgħu il-Klabb
Għannejja Maltin u jippreżentaw l-għana kull nhar
ta` ġimgħa. Il-Klabb ipprepara programm sabiħ fejn
l-għannejja u l-kitarristi urew il-ħila tagħhom u
fl-istess ħin taw eżempju sabiħ ta' l-għana Malti
għal dawn in-nies - Awstraljani - li kienu qed
jirrekordjawhom. Smajna l-għana "spirtu pront" u
anki għall-ewwel darba rajna żewġ irġiel u żewġ nisa
jgħannu flimkien. Is-suġġetti li żviluppaw mat-triq
kienu relevanti għal dan il-proġett. Wieħed minnhom
kien jittratta fuq jekk l-għana Malti huwiex ser
jibqa` sejjer fis-seklu wieħed u għoxrin.
Bħassoltu l-attendenza kienet eċċellenti u l-udjenza
żiedet fl-ispirtu u l-ambjent li jġiegħel l-għannej
igħanni bil-qalb. Kienet lejla tassew Maltija
komplita bl-ikel Malti u atmosfera tal-każin kif
konna nafuħ f'Malta.
It-tim tal-Librerija daqu it-timpana, ħobż biż-żejt
u gawdu l-ospitalita li magħrufin għaliha aħna
l-Maltin.
Kevin Bradley, li t-titolu tiegħu huwa "Head of
Sound Preservation and Technical Services Unit",
stqarr kemm sab il-ħoss ta' l-għana u l-prejjem
uniku partikolarment il-ħoss tal-kitarri Maltin, li
il-biċċa l-kbira jiġu maħduma minn nies Maltin biex
jindaqqu għall-akkumpanjament ta' l-għana. Infatti
tant kien impressjonat li anki mar iżur lill-ħaddiema
tal-kitarri Salvu Farrugia u Pinu Baldacchino u
intervistahom fit-tul.
Dr. Edgar Waters ma kellux x’jaqsam man-naħa tar-rekording
imma billi huwa espert fuq is-suġġett tal-folklor,
deher interessat tassew u ma waqafx jieħu n-noti u
jħażżeż fuq dak li kien qed jara.
Fl-1/11/1997, it-tim reġa' iltaqa` f`Victoria
University f'St Albans fejn grupp ta` għannejja u
kitarristi miġbur minn Fredu Cachia, irrekordja
għażl’oħra ta` għana b’temi differenti bħal għana
tal-fatt, tal-banju, makjetti eċċ. Għal darb’oħra
inġabar xogħol siewi.
Fit-3/11/1997, Kevin u Edgar telgħu fl-Eastern
Suburbs ta` Melbourne fejn ġabru daqq ta` kitarri u
mandolini. Il-mandolinist Laurie Armato u sħabu
daqqu eżempji sbieħ ta` melodiji Maltin bħal "Onġi
Onġella" li kienet għanja li kienu jkantaw it-tfal
fl-imgħoddi waqt li kienu jilagħbu, il-"Fa Tan-Nofs
Ton", "Ir-Re Minore", "Lanċa ġejja w’oħra sejra", u
xi kanzunetti famużi Maltin bħal "L-Aħħar Bidwi
f’Wied Il-Għasel", "Lil Malta Art Twelidi" u "Marija
l-Maltija" li għandhom jagħtu ħjiel tajjeb
tal-mużika popolari Maltija wkoll.
Nhar l-Erbgħa il-5/11/1997 telgħu fi Braybrook fejn
ġabru għażla ta` marċi imdaqqa mill-Maltese Own
Philharmonic Band li din is-sena għalqet għoxrin
sena mill-bidu tagħha.
Il-Fundatur, Joe Muscat, li kien ifforma din
il-banda fl-1997 ġie intervistat u kemm leħnu, u
l-istorja ta' din il-banda, flimkien mal-ħoss
brijjuż tal-banda, jibqgħu miżmuma għal dejjem
fil-Librerija Nazzjonali.
Nhar il-Ħamis is-6/11/1997 Kevin Bradley tela`
fil-Maltese Cultural Centre ta` Albion, li huwa
ċentru għall-Maltin immexxi mill-Maltese Cultural
Association of Victoria. L-għannejja ta` dan
iċ-ċentru, li jiltaqgħu kull nhar ta` Ħamis u
jgħannu f'atmosfera Maltija, komplew juru kif isir
l-għana fost il-Maltin. Barra eżempji ta' għana
spirtu pront kien hemm ukoll ftit "għana fil-għoli"
li kompliet tiġbed l-attenzjoni ta' Kevin Bradley li
kien qed jirrikordja.
Għal darb'oħra erġajna smajna n-nisa jgħannu li hija
ħaġa sabiħa, li wara tant żmien neqsin mix-xena ta'
l-għana, l-vuċijiet femminili qed jerġgħu jsibu
posthom f'dan il-qasam.
Għal darb'oħra l-atmosfera kienet tassew Maltija
komplita bl-ikel u xorb Malti.
Matul il-ġimgħa saru wkoll intervisti mal-mużiċist
Vince Pulo, il-kitarrist Fredu Cachia, Salvu
Farrugia u Pinu Baldacchino daqqaqa u ħaddiema tal-kitarri
Maltin. Dawn ġew mistoqsija fuq is-sengħa tagħhom
fil-ħidma tal-kitarri Maltin.
Il-programm għalaq is-Sibt it-8/11/1997 b'intervista
ma' Manuel Casha.
Dr. Barry York ġabar l-ewwel eżempji ta' l-għana
fl-1995 meta ħa l-istess tim biex jirrekordjaw l-għannejja
ta` Sydney f'La Vallette Centre ġo Blacktown. Kmieni
din is-sena ġabar fatt kantat minn Georgina
Kamenzuli, li jgħid l-istorja tagħha u tal-familja
meta il-vapur Skaubryn, li kienu ġejjin l-Awstralja
fuqu, ħa n-nar u għereq fl-Ocejan Indjan fil-vjaġġ
tiegħu lejn l-Awstralja bl-emigranti Maltin fl-1958.
F'Melbourne inġabar xogħol estensiv li nisperaw li
flimkien ma' dak ta' Sydney għandu jagħti ideja
tajba tal-mużika tagħna.
Skond ir-reazzjoni ta' dawn in-nies minn Canberra,
li l-missjoni tagħhom kienet li jiġbru eżempji
tal-mużika folkloristika Maltija, biex
jippreżervawha perpetwalment fil-Librerija
Nazzjonali, jidher li baqgħu mpressjonati, b'dak li
għandna x'noffru aħna l-Maltin, minkejja iċ-ċokon
tal-gżejjer ta' art twelidna.
|