|
“Ħamsin
sena għomor ta' bniedem. Mhux xi
anniversarju komuni. Fl- Awstralja bnejna
ikona li għadha, anke llum influwenza
tremenda fuq il-ħajja tal-Maltin
fl-Awstralja."
Hekk qalilna Lawrence Dimech, l-ewwel editur
u wieħed mill- fundaturi ta' The Maltese
Herald, il-gazzetta nazzjonali tal-Maltin
fl- Awstralja, waqt li kien jinsab f'Malta.
Fit-28 ta' Lulju, din il-gazzetta għalqet
l-anniversarju tagħha, fejn ta' kull ġimgħa
ilha toħroġ regolari għal ħamsin
sena. Eqdem mill- indipendenza
tan-nazzjon Malti.
Ħolqa bejn iż-żewġ gżejjer |
|
 |
|
|
Wara l-ħamsinijiet, meta l-emigranti bdew jaslu
l-Awstralja minn Malta bl-eluf, inħasset
in-neċessità li mhux biss tinżamm ħolqa bejn il-żewġ
gżejjer, iżda li l-Maltin fl-Awstralja jkollhom
tarka li tiddefendi d-drittijiet tagħhom. The
Maltese Herald għamlet dan bi sħiħ tul dawn l-aħħar
ħamsin sena.
Kemm jekk kienet l-iskema ta' djar għall-Maltin, iċ-ċittadinanza
doppja, il-ftehim reċiproku fis-servizzi soċjali u
ħtiġijiet ta' inqas importanza, din il-gazzetta
dejjem kienet fuq quddiem u bl-ebda kantunieri
dejjem fendiet biex Malta qatt ma tinsa lil dawk
l-eluf kbar li ssagrifikaw ħajjithom biex fittxew
postijiet oħra tax-xogħol meta Malta ma kinitx tistà
tipproprovdilhom għajxien diċenti.
L-ewwel għaxar snin
Lawrence Dimech jiftakar sewwa kemm kienu diffiċli
l-ewwel għaxar snin ta' din il-gazzetta.
"Rari kont nitħallas, konna għadna naħdmu biċ-ċomb u
ħadd mill-kompożituri ma kienu jafu bil-Malti. Kien
żmien ta' tbatija kbira, iżda konna tim determinati.
Il-Maltin kienu għatxana dwar pajjiżhom u ridna fuq
kollox inżommu ħajja fl-Awstralja l-lingwa tagħna
l-Maltin."
Jirrakkonta li fil-bidu, nies bħal Nicholas Bonello
u Vincent Pisani kienu ta' għajnuna kbira. Wara
daħlu oħrajn bħal Manwel Pisani u Lino Vella. Ħadmu
fuq li ħadmu sakemm stabilixxew din il-gazzetta fuq
bażi soda. Minn Malta kellhom kolonna f'Joseph A.
Xerri li ngħaqad magħhom fis-sena 1963. Dejjem sabu
kull għajnuna speċjalment mill-Union Press u anke
minn gazzetti oħra li joħorġu f Malta.
Lura Malta
Lawrence Dimech jiftakar li biex jieħu iktar
esperjenza biex ikun jista' jtejjeb il-gazzetta tal-Maltin
fl-Awstralja, ġie lura f'Malta fl-1962 u mpjega ruħu
bħala ġurnalist mal-Allied Newspapers h dak iż-żmien
kienu joħorġu barra t-Times of Malta, il-gazzetta
bil-Malti ta' kuljum 'Il-Berqa'. Iż-żmien li għamel
mal-Berqa kien utli ħafna mhux biss fil-karriera
tiegħu bħala ġurnalist iżda biex idawwar The Maltese
Herald mid-dilettantiżmu għal iktar gazzetta
professjonali.
Fis-sena 1971, Lawrence Dimech jispjega kif il-Gvern
Malti talbu biex imur jaħdem fl-uffiċċju tal-Gvern
Malti f'NSW u għalhekk kellu jħalli l-kariga ta'
editur. Qalbet għal kull ġimgħa fis-6 ta' Settembru
1967 u għadha toħroġ ta' kull ġimgħa sal-lum.
"Saret popolari u mfittxija mhux biss mill-Maltin
fl-Awstralja iżda mill-gvernijiet kemm Maltin u anke
Awstraljani. Kellha ċirkolazzjoni qawwija għax kien
żmien meta l-komunità Maltija kienet fl-eqqel tagħha
u verament attiva."
The Maltese Herald kibret spalla ma' spalla mat-tim
Malti Mehta Eagels FC għax dawk li kienu jmexxuha
kienu wkoll involuti ma' dan it-tim famuż Malti.
Wara Lawrence Dimech bħala editur daħal Ġorġ
Chetcuti, iżda dan, dam biss ftit xhur u kellu
jirriżenja minħabba xogħol ieħor.
Iktar moħħ għan-negozju
L-era ta' Lino Vella bħala editur bdiet
immedjatament. "Konna u għadna ħbieb intimi, Lino
kellu ferm iktar moħħ għan-negozju minni u kompla
jibni l-gazzetta, għalkemm dejjem bqajt ngħinu
f'kull mod possibli sal-ġurnata tal-lum.”
Lino Vella llum iżomm rekord inkredibbli bħala
editur ta' gazzetta għal erbgħin sena sħaħ. B'dawn
l-aħħar għaxar snin ra gazzetta tħabbatha mal-modi
ta' komunikazzjonijiet moderni u nuqqas ta' appoġġ
min-negozjanti, iżda dejjem, għalkemm kemm-il darba
b'diffikultajiet kbar finanzjarji, irnexxilu jwessa'
din l-ikona tal-Maltin fl-Awstralja fis-seklu 21,
ħamsin sena bla waqfien.
"Ma nistax nimmaġina l-komunita Maltija bla gazzetta
bil-Malti nazzjonali. Hija l-ħolqa bejn Malta u
l-Maltin fl-Awstralja. Ilium hemm diversi programmi
tar-radju u anke tv bil-Malti, iżda l-midja stampata
tibqa' dejjem l-iktar mod effettiv u intimu għal
dawk li jkunu jridu verament jixtarru u jeżaminaw l-ahbarijiet
u kummenti," spiċċa biex qalilna Lawrence Dimech.
|