General Section

 

Front Page | Maltese Ghana | Maltese Folklore

 INQAJJMU KUXJENZA NAZZJONALI
GĦALL-IMHABBA U L-ĦARSIEN TA’ L-ILSIEN MALTI

jikteb Nazzarenu Zerafa
12 ta’ MEJJU 2007 - BRISBANE

 

‘Meta ilsien imut, ikun miet poplu’. Hekk qal darba, wieħed għaref. Wasal għalhekk forsi ż-żmien li kull wieħed u waħda minna jistaqsi lilu innifsu, “X’hinu dak li jagħmilna Maltin?” Il-festi u l-baned? Ir-reliġjon? Il-politika partiġġjana? Il-fissazzjoni fuq il-futbol? Jew il-piki? Fuq hiex nitkellmu bejnietna, meta ma nkunux nitkellmu fuq dawn? Aktar minn hekk, jekk ninżlu ftit aktar fil-fond, irridu nistaqsu, ‘Kif qegħdin nesprimu ruħna? Kif qegħdin nikkomunikaw ħsibijietna? Kif qed ngħidu dak li tħoss qalbna u li jaħseb moħħna?'
 

 

Li kellu wieħed joqgħod jaħseb ftit fuq il-popli tad-dinja, ma jdumx ma jinduna li bażikament, il-bniedem kullimkien hu l-istess. Għalkemm mhux kulħadd jgħix fl-istess kundizzjonijiet u fl-istess ambjent, il-bniedem minn ġuf ommu għandu l-istess bżonnijiet, fosthom dawk li jħobb u jinħabb, li jmantni lilu innifsu, u li jirripproduċi lilu innifsu. Dawn huma xeħtiet komuni ta’ kull razza, iżda li jiddistingwi razza minn oħra, poplu minn ieħor, huwa l-mod kif wieħed jikkomunika ma' l-ieħor, f’kelma waħda, hu d-diskors, il-kliem, jew aħjar, l-ilsien.
 
Saru fl-imgħoddi, u qegħdin isiru anke l-lum, ħafna sforzi biex aħna l-Maltin inħarsu u nippriservaw l-istorja qadima u rikka tagħna, bħal bini storiku, knejjes, katidrali u kappelli qodma, siti ta’ wirt dinji, drawwiet antiki, irziezet u l-kampanja u ħafna affarijiet oħra li jifformaw parti mil-kultura tagħna l-Maltin, iżda x’qegħdin nagħmlu aħna, kull wieħed u waħda minna, biex inħarsu l-unika ħaġa li veru tagħmilna Maltin? Kif qed inħarsuh ilsienna? Qatt ħsibt fuq hekk, ħija, oħti? Jekk ma nindukrawhx u ma nħarsuhx aħna, l-ilsien Malti, min ser joħdilna ħsiebu?
 

Matul iż-żminijiet, l-istudjużi, il-ħassieba, u l-kittieba ta' l-ilsien Malti, għax ħabbewh, ħadmu sfieq għat-tisħieh, it-tkattir, u t-tixrid tiegħu u xejn inqas m’hu qegħdin jagħmlu dawk tal-lum, li jaħdmu bla heda, kemm f’Malta kif ukoll f’artijiet barranin biex iżommu ħaj dan l-ilsien uniku. Iżda d-dover, mhux ta’ dawn biss hu. Ir-responsabbiltŕ taqa’ fuq kull wieħed u waħda minna. Kulħadd għandu parti x’jaqdi. Kulħadd jista’ jikkontribwixxi, jew aħjar, jagħti sehmu, minn kif jista’, u fejn jista’. L-ilsien Malti hu l-ilma tal-ħajja għall- poplu Malti. Bla ilma, ħadd u xejn ma jgħix.
 
Dun Karm jgħidilna f’waħda mill-aqwa poeżiji tiegħu, “ Maltija kienet l-ewwel kelma f’fommok” u jwiddibna, “Għaliex tarmih il-lsien li tagħtek ommok…..?” Forsi wasal iż-żmien, aktar minn qatt qabel li nidħlu ftit fina nfusna u nfittxu fi ħsus qalbna, it-tweġiba għal din il-mistoqsija. Hemm bżonn aktar minn qatt qabel li nqajmu kuxjenza nazzjonali għall-imħabba u l-ħarsien ta’ dan l-ilsien ħelu tagħna li jiddistingwina minn kull poplu ieħor fid-dinja.
 
Il-problema tafu x’inhi? Li l-haġa, hi x’inhi, ma tapprezzahiex qabel ma titlifha, u tkun traġedja kbira jekk dan l-ilsien għad jintilef u jmut. Meta tkun fiha, il-ħaġa, jew tgħixha kuljum, issir haġa komuni u dak li jkun ma jagħtix kasha, jaħseb li se tibqa’ hemm għal dejjem u ma japprezzahiex, la lilha u l-anqas il-valur tagħha. Bħan-nifs. Ipprova oqgħod żewġ minuti bla nifs. Hemm tara l-valur tiegħu. Ilsienna hu n-nifs li jagħti l-hajja lill-poplu Malti u mingħajru, il-poplu Malti jmut. Dal-ħsieb imissna nżommuh f’moħħna ma' kull nifs li nieħdu.
 
‘Fejn hemm il-ħajja, hemm it-tama’, jgħid il-qawl Malti u hekk nemmen jien. Il-lum il-poplu Malti għandu sfidi kbar quddiemu, u liema poplu m’għandux, għiduli? Fid-dinja tal-lum, fejn l-unika ħaġa fissa hi l-bidla, bidla kontinwa b’pass ħafif mgħaġġel, speċjalment fit-teknoloġija, il-popli tad-dinja, kollha qegħdin iħabbtu wiċċhom ma' sfidi kbar u sfidi ġodda. Barra minn hekk, l-irwiefen qawwija tal-ġuħ, tal-gwerer, tal-oppressjoni, tal-mibegħda, tan-nuqqas ta’ tagħlim, tal-faqar u l-għaks, tal-mard, ta’ migrazzjoni imposta, tal-għoli fil-prezz taż-żejt, tal-għoli tal-ħajja u tal-bini, qed jagħmlu stqarrijiet kbar madwar id-dinja kollha, u jvenvnu, isaffru u jpespsu f’widnejn il-popli, li jridu jagħmlu l-għażliet tagħhom. U x’jagħmel il-bniedem? Jew jaħrab, jew iqum fuq tiegħu jiddefendi lilu nnifsu.
 
Il-Malti qatt ma ħarab minn dmiru u dejjem kif seta’, u meta seta’ ddefenda lilu nnifsu mill-aħjar li kien jaf, anke kontra sfidi u għedewwa bil-wisq akbar minnu. U hekk hemm bżonn li jagħmel issa wkoll. Hemm bżonn li jieqaf ftit, u jaħseb ftit fuq din ‘l-issa’, dal-mument fiż-żmien. Jeħtieġ li jidħol daħla fih innifsu u jistaqsi lil kuxjenza fis-skiet ta’ qalbu, “X’qed nagħmel jien, biex nħares u nippreserva dil-kelma, l-kelma Maltija, l-ilsien li jagħmilni dak li jien?” Kultant kull m’hu meħtieġ hija xrara t’interess minn kull individwu biex flimkien, b’reazzjoni katinika nkebbsu l-ħuġġieġa tal- entużjażmu u l-imħabba għall-ilsien wirt artna, l-ilsien Malti.
 
Jien ilni ngħix fi Brisbane, l-Awstralja għal aktar minn ħamsa u għoxrin sena u l-imħabba għall-ilsien art twelidi ma naqsitli qatt. Nistħajjilkom tgħidu, “Dan kif qed jikteb issa?” jew “Dan minn fejn inqala'?” Meta għext f’Malta, bħalkom kont, jien. Il-Malti studjajtu iżda qatt ma tajt kasu serjament, qatt ma apprezzajtu jew tajtu dik l-attenzjoni li tixraqlu għax kont go fih u qatt ma ħassejt in-nuqqas tiegħu. Taf meta tapprezzah il-Malti imbagħad? Meta tiġi biex tesprimi ruħek u ħsibijietek b’lingwa oħra. Hemm tara u tapprezza l-valur veru u s-sbuħija ta’ lsienek. Meta f’moħħok hemm idjomi li m’hemmx l-ekwivalenti tagħhom f’lingwa oħra. Meta ħsieb trid tesprimih spirtu pront u ma tistax issib f’lingwa oħra l-kelma ekwivalenti għal dik Maltija li hemm f’moħħok. Meta dak il-ħsieb, ikkulurit bl-ilwien kollha tal-qawsalla jirriflettu f’ilma ġieri, trid tniżżlu f’abjad u iswed b’lingwa oħra fuq biċċa karta, u teħillek il-pinna.
 
Forsi tistaqsu wkoll, “Dan x’ġiegħlu jikteb, meta ilu mbiegħed minn art twelidu das-snin kollha?” “Aktar ma wieħed jitbiegħed miċ-ċentru, aktar wieħed jersaq lejn iċ-ċentru, għax ilkoll nifformaw parti mill-istess ċirku.” Hekk qal il-Professur O. Friggieri f’intervista li smajt dan l-aħħar minn fuq ir-radju etniku 3ZZZ ta’ Melbourne f’repetizzjoni tal-programm ‘Uniċi’ mtellgħa mir-radju tal-Universitŕ. Kienet din l-intervista flimkien mal-mewt riċenti ta’ Guzč Chetcuti, li kien wieħed mill-ewwel għalliema tiegħi tal-Malti li kelli fis-sittinijiet, u flimkien ma’ l’imħabba li sawwret fija ommi għall-ilsien Malti, li qanqluni biex naqbad il-pinna u nħażżeż dawn l-erba’ kelmiet.
 
Forsi kulltant, x’imkien, għadu jinbet xi ġiżimin li jiftaħ, imqar jekk f’artijiet imbiegħda, u hi dik il-fwieħa u l-aroma unika tiegħu li tispirak u tnibbixlek il-leħma f’armonija ta’ ħsibijiet u ħsus li jixxebilku f’karba melodjuża li wieħed minsi jaspira u jittama li ma taqax f’widnejn torox. “Inkunu, jew ma nkunux: dik hi l-mistoqsija.” Neżistu, jew ma neżistux. “La naħseb, neżisti” jgħid Renč Descartes. Għaliex, mela, ma naħsbuhiex sew?
 
L-għażla f’idejna; f’idejn kull wieħed u waħda minna.

 

Top - Fuq        Back - Lura