General Section

 

Front Page | Maltese Ghana | Maltese Folklore

 Malti fil-Canada

jikteb Vince Bugeja mir-Rabat ta' Malta

 

Jiena tlaqt minn Malta fl-1952 fl-età ta’ wieħed u għoxrin sena. Dak iż-żmien Malta kien għada fir-rovini li ħallietilna t-tieni gwerra tad-dinja; l-opportunità biex wieħed irabbi familja ma kienetx sabiħa. Meta l-bniedem jasal f`dik l-età aktar iva milli le jibda jaħseb biex jiżżewweġ, u hekk kienet l-istorja tiegħi. Kont għarus, qliegħ ta flus ma kienx hemm ġo Malta, allura ddeċidejt li nsiefer biex infaddal ftit flus imbagħad nerġa’ lura lejn Malta u niżżewġu; fil-fatt hekk ġara; dan sar billi jien u l-għarusa qbilna f`dan il-pjan.
 
Dak iż-żmien dawk li kienu qed isiefru kienu jagħmlu kuntratt mall-gvern ta Malta li ma jmorrux lura lejn Malta qabel sentejn u jħallsu xi ħaġa żgħira mill-passaġġ u l-kumplament iħallsu l-gvern u hekk kien fil-kas tiegħi ukoll. Kien fix-xahar ta Ġunju meta tlaqt minn Malta, il-vjaġġ fuq il-vapur kien sabiħ ħafna, domna tnax il-ġurnata fuq il-baħar; wasalna New York u minn hemm ħadt it-train għal-Toronto, kien fil-għaxija, l-għada fil-għodu wasalt Toronto. Jien ma kellix min jiġi minni l-Canada, imma kelli ħabib u ġie jilqani hu.
 
Waqt li kont New York ma ndannajtx bil-kobor tat-toroq għax ħsiebi kien f`Toronto, kif ser insib lil-ħabib biex jilqani, imma meta dak kollu rnexxa u bdejt ħajti f`pajjiż hekk kbir rajt id-differenza mill-pajjiż li ħallejt warajja," Malta". M`għandniex xi ngħidu l-ewwel ħaġa li nnotajt kienu t-toroq, x`wisa ta’ toroq, il-bankini wesgħin tgħaddi karozza mini minor, imbagħad fuq kollox l-ikel. Aħna Malta konna nieklu aktar ħobż mill-ġwies li jmur miegħu, hawn għal-kuntrarju, ħobż mill-anqas u ħafna ġwies. Jien issa ili ngħix fil-Kanada aktar minn erba’ w ħamsin sena, u nizzi ħajr l`Alla ma nistax inmaqdarha, u r-relattivi tiegħi li ġibt hawn, jew biex ngħid is-sewwa għax jien ma tellajthomx kollha, imma jien ftaħt il-bieb, ħadd minnhom ma jgerger għax ġew hawn.
 
Malta kienu jgħidu li fil-Kanada tagħmel ħafna kesħa fix-Xitwa, u kollox jiffriża, u hekk hu veru, imma fis-Sajf tagħmel ħafna sħana wkoll. Il-Kanada hija l-akbar art tad-dinja, u minn naħa għall-oħra ssib li fl-istess żmien t-temperatura hija differenti, avolja l-istaġuni huma l-istess.
 
Jiena kif qed taraw, anke wara dawn is-snin kollha hawn, il-Malti qatt ma nsejtu, u għalkemm ma nżurx Malta ta sikwit imma lill-Malta xorta bqajt inħobbha u qatt ma sejjer ngħid kontriha għax dik hija art twelidi.

 

Top - Fuq        Back - Lura