|
INŻOMMU ĦAJJA
T-TIFKIRA TA’ SEĦIBNA,
FRANS BALDACCHINO, IL-BUDAJ |
|
Kitba ta’ Louis Vassallo, Segretarju
tal-Għaqda Filantropika Talent Mosti
Ġie moqri mill-announcer, is-Sur Charles
Abela Mizzi. |
 |
|
Ritratti Choy Hong (Jasmine) Grech,
Mosta |
| |
|
|
Meta L-għannej prolifiku, Frans
Baldacchino, il-Budaj, inħasad minn
fostna madwar sena ilu, waqfet
ħesrem l-isbaħ għanja Maltija.
Inutli tikteb dwar il-vojt li il-Budaj
ħalla fil-qasam ta’ l-għana Malti u
fil- kalendarju Kulturali ta’
pajjiżna.
L-ebda tislima m’hi se tolqot
l-aspetti kollha ta’ ħajtu, kemm
bħala persuna u kif ukoll bħala
artist-għannej. Fuq kollox ir-rieda
li dejjem wera biex jitgħallem u
biex jiġġedded, għamlet lil dan
l-għannej, raġel li jimpressjonak
kemm bid-dedikazzjoni tiegħu u kif
ukoll bit- talenti li kellu.
Il-mewt bikrija tal-Budaj fl-għomor
ta’ 63 sena ħasdet lil ħafna li
kienu jafuh u jgħożżuh bħala ħabib.
L-aħħar lokalita’ li żar biex fiha
jferraħ lin-nies bl-għana bellusi
tiegħu kien fil-Marsa. Iżda aħna,
ta’ Talent Mosti”, l-aħħar li
rajnieh u smajnieh kien nhar
il-Ġimgħa, 2 ta’ Ġunju 2006 meta
fir-Razzett tal-Markiż fuq ir-riħ ta’ Wied
il-Għasel, għoġbu jtellgħa serata ta’ għana u
poeżija.
F’dik il-lejla xi ftit jew wisq friska ġmielha għal
dak ix-xahar, il-Budaj sensel serata divertenti
mħawwra b’għana tal-fatt u dak spirtu pront, waqt li
sab il-ħin biex jaqra xi poeżija jew tnejn li kiteb
hu stess u kif ukoll ilissen xi ċajta tajba ‘l hemm
u l’hawn! Dan kollu u aktar, Frans għamlu b’mod
professjonali għalkemm din il-kelma lilu ma tantx
kienet tinżillu.
Din is-serata memorabbli li
fiha kien akkumpanjat
minn żewġ
|
|
 |
 |
|
Il-mafkar ta' Frans Baldacchino, l-Budaj
|
|
|
|
kitarristi u żewġ għannejja mistiedna
tiegħu, fosthom anzjana ta’ 70 sena miż-Żejtun, se
tibqa’ għalina lkoll l-aħħar tifkira għażiża ta’
Frans. U fid-dwejjaq u d-dispjaċir tagħna għat-telfa tiegħu ħabta u sabta minn fostna, il-ħsieb jimrah
lura fejn hemm il-memorja
tlaqqana ma’ tant waqtiet sbieħ – li aħna
l-membri u l- ħbieb ta’ din l-Għaqda, kellna
l-grazzja li ngawduhom meta Frans kien għadu
mimli bil-għomor.
Għax il-Budaj kien sar midħla sew ta’
ċorma nies sinċieri li jiltaqgħu fiċ-Ċentru
Kulturali tagħna biex jaqsmu t-talenti
tagħhom ma’ xulxin u jesponuhom
għall-għarfien tal-pubbliku. Barra minn dan
kollu, Frans kien ilu għal dawn l-aħħar
tlett snin jokkupa l-kariga ta’ President
Onorarju ta’ l-Għaqda.
Sa mill-Ħadd, 18 ta’ Ottrubru 1998, meta dak
inhar il-Budaj kien il-mistieden tagħna
flimkien ma’ bosta persuni oħra għall-okkażżjoni
tal-ftuħ uffiċċjali tar-Razzett tal-Markiż
Mallia Tabone, sal-Ġimgħa, 2 ta’ Ġunju 2006,
għaddew mat-tmien snin li fihom gawdejna
l-preżenza u l-parteċipazzjoni sħieħa
tiegħu.
Din l-esperjenza ħajja
fuq medda ta’ snin
mhux ħażin, għalmitna nifmhu l-valuri kbar li ħaddan waqt li f’ħajtu qatt
ma ppretenda xejn u li bis-sempliċita’ tiegħu,
rnexxielu bla ma forsi qatt intebaħ, jiżraħhom
fostna. L-eżempju tajjeb li tana b’imġiebtu hi
l-aqwa lezzjoni li ħadna minn
ħandu. Għax Frans kellu qalb |
|
|
|
kbira u
kien jaf iħobb u jferraħ lil kulħadd. Frans
kien jagħmel kuraġġ lil dak li jkun għax
kienet xewqtu li l- proxxmu tiegħu jkun kuntent
bħalu.
L-attivitajiet u l-okkażżjonijiet li fihom il-Budaj
kien mitlub mill-Kumitat ta’ l-Għaqda biex jesprimi
t- talenti varji li kellu fir-Razzett tal-Markiż, ma
tantx tista’ tgħoddhom kif ġieb u laħaq!
Fost dawk li akkumpanjaw lill-Budaj bid-daqq ħlejju
tal-kitarri fil-bitħa tar-Razzett tal-Markiż ta’ min
insemmu lil Mosti Ronnie Calleja, Salvu Tanti u
l- emigrant mill-Awstralja, Manuel Casha li hu wkoll
kittieb, kompożitur u studjuż ta’ l-għana. Dawn
is- serati ta’ għana u poeżija mill-Budaj ġew
imtellgħa fl- 24 ta’ Settembru 1999, fl-4 ta’ Ġunju
2004, fl-24 ta’ Ġunju 2005 u l-aħħar waħda saret
nhar il-Ġimgħa 2 ta’ Ġunju, 2006, dsatax il-jum biss
qabel mewtu.
L-impenn ta’ Frans fi ħdan din l-Għaqda
ssokta b’mod annwali bis-sehem tiegħu
fis-serati mużiko- letterarju bit-tema tal-Passjoni
ta’ Kristu u t-Tbatija umana. L-involviment
sħiħ tiegħu f’din l-attivita’ marbuta
mall-Ġimgħa Mqaddsa, kien jikkonsisti kemm
bħala għannej, fejn fis-sena 2000 kien
mistieden flimkien ma seħibna, t-tenur Jimmy
Mifsud biex bejniethom jaqsmu l-intervent
mużikali u kif ukoll bħala poeta u ħassieb.
L-imħabba tiegħu għall-poeżija kienet ilha
li tkabbset fih sa minn tfulitu; fil-fatt,
Frans ippubblika żewġ kotba bil-versi tiegħu
u dan juri li bħala poeta kellu l- ħabta
joħroġ ukoll doża ta’ fehmiet personali u
esperjenzi.
Fl-1995, Frans ħareġ il-ktieb, “Mrieżaq ta’
Moħħi”, waqt li fis-sena 2004 fir-Razzett
tal-Markiż, saret il-preżentazzjoni
tal-Poema "Lejn l-Art u s-Sema - omaġġ lill-vers
tat-tmienja" mill-ħabib kbir tiegħu, s- Sur Charles
Coleiro, fejn kien intervistah u għammillu diskors
ta’ l-okkażżjoni. Għax il-ħsieb ewlieni f’moħħ il-Budaj
kien li jixxoxxa l-kelma Maltija msawta u maħqura
minn uliedha stess.
Ma setax jonqos li Frans ma jiġix mitlub biex ikun
bħala mistieden speċjali f’xi okkażżjonijiet ta’
ċertu mportanza fil-Kalendarju ferm impenjattiv ta’
din l- Għaqda. Hawn, il-memorja tagħna qegħdha
tfakkarna f’attivita’ partikolari. Nhar is-Sibt, 19
ta’ Lulju 2003, ġie mfakkar b’mod dinjituż l-20
Aniversarju mit-twaqqif ta’ l-Għaqda Filantropika
Talent Mosti permezz ta’ Akkademja mużiko-letterja
bl-isem ta’ “Inferrħu u Nifirħu’
Dak inhar ġie mżanżan għall-ewwel darba
fil-pubbliku l-innu uffiċċjali
ta’ l-Għaqda fuq versi ta’
Alfred C. |
|
|
Sant u mużika ta’ Ray Agius. Dawn iż-żewġ Mostin
u li huma membri tagħna, kienu tal-fehma li dan
l-innu jitkanta mill-Budaj innifsu. Il-Kumitat
u l-ħbieb ta’ l-Għaqda laqgħet din l-aħbar b’ferħ
kbir. Ir-recording kien sar fl-istudio
ta’ Philip Vella fil-Mellieħa u saru diversi
kopju fuq CD’s fejn inbiegħu lil tant
ammiraturu u emigranti.
Dak inhar, bħala parti mill-programm tas-serata,
Frans niseġ għanja riċerkata sew dwar
l-istorja ta’ Talent Mosti u l-akwist
tar-Razzett tal-Markiż bħala s-“sede” ta’
l-Għaqda u li kienet intlaqet b’ċapċip kbir
mill- mistednin preżenti.
Temmen jew le, l-ewwel impenn tiegħu f’dan
iċ-Ċentru Kulturali ma kienx permezz ta’
l-għana, l’anqas bil- poeżija, iżda bl-arti
kreattiva tiegħu. Kien seħibna Philip Borġ
li ntroduċieh magħna u fuq kollox ħajru biex
itellgħa l-ewwel wirja personali ta’ pittura
fid-dar tagħna.
Il-ftuħ uffiċċjali ta’ din l-esebizzjoni
artistika sar nhar is-Sibt 19 ta’ Settembru 1999, mill-E.T.
Dr Daniel Micallef.
B’sodisfazzjon, ngħidu li din l-inizzjattiva ġdida
tal-Budaj intlaqet tajjeb ħafna kemm mill-pubbliku u
kif ukoll mil-osservaturi ta’ l-Arti f’pajjiżna.
Kull meta organizzajna xi wirja kollettiva ta’
pittura u skultura, il- Budaj dejjem ippreżenta biċċa
xogħol ta’ preġju.
L-umilta’ ta’ Frans kienet l-aktar ħaġa li tiġbdek
lejh. Il-Budaj baqa’ sa l-aħħar nifs ta’ ħajtu
sinċier, ġentlom u b’saqajh ma’ l-art għax qatt
ma nesa minnfejn beda’ triqtu.
Nhar is-Sibt 24 ta’ Ġunju 2006, filgħodu sar |
|
il-funeral tiegħu kif kien
xieraq fil-knisja Arċipretali taż-Żejtun. Fi tmiem
il-quddiesa, s-Sur Charles Coleiro għammillu diskors
ta’ tislima li fih sejjaħlu Ambaxxatur dehen ta’
pajjiżna u l-għannej li rnexxielu joħroġ l-għana
mill-ħwienet ta’ l-inbid u jitfgħu fl-ogħla
istituzzjonijiet ta’ art twelidna.
Fuq iz-zuntier tal-knisja kien hemm l-grupp “Etnika”
li għammillu eloġju sħiħ bil-kant u bid-daqq ta’
strumenti tradizzjonali Maltin. Kif wieħed kien
jistenna kien hemm diversi għannejja jgħannu għana
ta’ tifħir lill-Budaj għalkemm ix-xewqa tagħhom li
jagħannulu tnejn fil-knisja, kif inhi d-drawwa fiż- Żejtun,
ġiet miċħuda.
U kien hemm ukoll aħna, l-membri ta’ Talent Mosti,
li sseħibna ma’ mijiet ta’ nies oħra minn madwar
il- pajjiż kollu. Flimkien ma kuruna tar-rand imżewqa
bl- isbaħ fjuri ta’ kull lewn, ġibna magħna l-istandart
uffiċċjali ta’ l-Għaqda u poġġejnieh biswit l-artal
maġġur. Dan il-ġest simboliku għamilnieh għax
ħassejna li b’hekk, bħala bnedmin tad-demm u
l- laħam, stajna nagħtuh omaġġ li jistħoqlu.
Il-Budaj, wild u iben denn taż-Żejtun, il-bejta ta’
l- għannejja Maltin, se jibqa’ f’qalb dawk kollha li
konna nafuh u li konna nammirawh, iżda fuq kollox li
konna nħobbuh. Għax Frans Baldacchino kien blata
samma ta’ l-identita’ Maltija ta’ art twelidna. U
għalina ta’ “Talent Mosti”, it-tifkira għażiża u
ħelwa tiegħu m’hix se tasal biex Alla ħares qatt
titbiel, tisfar u tmut. Iżda t-tifkiriet sbieħ li
ħallielna Frans, se jibqgħu jiġu mxettla u ndukrati
b’imħabba f’dan il-post qadim fuq ir-riħ ta’
Wied il-Għasel li tant kien
iħobb ta’ spiss jaqbeż qabża sa
għandna biex iżurna u jgħid kelma magħna, bħal
familja waħda!
Il-Kumitat tat-“Talent Mosti” ħass il-ħtieġa li
jorganizza ġabra’ ta’ attivitajiet mifruxin fuq
għadd ta’ xhur biex ifakkar u jsellem lil dan
l-għannej prolifiku u fuq kollox, seħibna. Bdejna
b’quddiesa għal ruħu fir-Rotunda tal-Mosta nhar
it-Tlieta 25 ta’ Lulju, 2006 fejn tqaddset
mill-Arċipriet Dun Mario Tong. Nhar il-Ġimgħa 22 ta’
Settembru 2006, ġiet inawgurata vetrina li tinsab
fl-għorfa ta’ fuq is-setaħ u fiha hemm esebit Kostum
awtentiku u tradizzjonali Malti li kien iħobb jilbes
il-Budaj, waqt is-serati li kien itellgħa f’diversi
bliet u rħula madwar dawn il-gżejjer u ‘l barra minn
xtutna. Dan il-kostum ġie mogħti lilna mis-Sinjura
Pawla Baldacchino, l-armla tal-Budaj, u ġie
inawgurat minn Dr Alfred Sant wara li temm taħdita
dwar il-gosti tiegħu fil-letteratura u l-arti.
Ftit tal-ġimgħat oħra, nhar il-Ħadd
25 ta’ Marzu, se nfakkru kif xieraq
il-memorja għażiża tiegħu waqt is-
Serata Mużiko-Letterarja b’tema
sagra. Biex ismu |
|
 |
 |
|
Membri tal-kumitat: Mario Bugeja,
Charles Vella, Mark Micallef, Alfred
Grech u
Vincent Carabott, wieħed mil-ħafna
għannejja preżenti. |
 |
|
L-Iskultur Anton Agius jirċievi
ritratt tal-Budaj bħala rikordju min
għand Joe Bartolo wara it-tberik tal-bust
minn Fr Tong. |
 |
|
Pawla Baldacchino ma' Sam Tanti u
l-iskultur Anton Agius |
|
|
|
jibqa’ awtentiku u jbaqbaq bil-ġieħ, nhar il-Ġimgħa,
22 ta’ Ġunju se nfakkru egħluq l-ewwel anniversarju
mill- mewt tiegħu. F’din l-attivita’ se jinqraw għadd
ta’ apprezzamenti waqt li xi għannejja u kitarristi
magħrufa beħsiebhom jagħtuh l-omaġġ tagħhom. U min
hawn u ftit ieħor, sejrin nassistu għall-qofol ta’
din l-attivita’ tal-lejla.
Il-Malti ma jwaqqafx il-monumenti għall-parenza u
għat-tisbiħ ta’ l-ibliet u l-irħula biss. Nibnuhom
għaliex ifakkruna f’valuri li ta min japprezza. Hekk
ippruvajna nagħmlu aħna, ta’ “Talent Mosti” meta
faqqas f’moħħna l-ħsieb li f’din il-bitħa, ikollna
bust bl-għan li jibqa’ ifakkar għal dejjem
it-tifkira ħajja tal-Budaj fostna.
Dan ix-xogħol artistiku fl-aqwa tiegħu, ħareġ
mill-iskultur magħruf u ħabib sinċier tal-Għaqda
Talent Mosti, Anton Agius. Dan il-bust sar u twaqqaf
hawn f’din il-bitħa arjuża biex il-Budaj jibqa’
preżenti fostna bil-lejl u bi nhar, fis-sħana u
fil-bard – għal dejjem!
Sħabek tal-Għaqda Filantropika Talent Mosti
Fl-okkażżjoni tal-kxif tal-bust tiegħu fir-Razzett
tal-Markiż
4 ta’ Marzu, 2007
|
 |
|
 |
|
Pawla
Baldacchino b'ritratt tar-raġel tagħha li
ppreżentalha
l-president tal-Razzett tal-Markiż. |
|
Pawla
Baldacchino wara li kixfet l-mafkar tar-raġel
tagħha
Frans il-Budaj |
|
| |
|
|