Maltese History and Folklore

 

Front Page  |  Index Page

Jergaw jirxoxtaw l-istrumenti ta' dari

Jikteb Ġużi Gatt
Kullħadd, 27 ta' Awissu 2000

 

NIFTAKAR li flit iktar minn tliet snin ilu, ġie f'idejja artiklu bl-Ingliż miktub minn żewġ barranin u ppubblikat fl-1977. Bejn l-1971 u 1-1973, J.K. Partridge u Frank Jeal ġew Malta tliet darbiet. Ftit tas-snin wara, ippubblikaw fl-Ingilterra artiklu li kien jiġbor fih l-aħjar tagħrif li qatt kellha Malta sa dak iż-żmien fuq strument tradizzjonali Malti msejjaħ IŻ-ŻAQQ. L-artiklu semmewh "The Maltese Żaqq" u kien ippubblikat fil-Galpin Society Journal.
 
Fl-aħħar ta' l-artiklu, dawn iż-żewg studjużi lmentaw li dan l-istrument kien wasal biex jinqered għal kollox minn Malta u li probabbli l-kitba tagħhom kienet se sservi bħal speċi ta' lapida fuq il-qabar tiegħu. "Il-Maltin", qalu dawn il-kittieba, "b'xi eċċezzjonijiet żgħar, ma juru l-ebda nteress fil-kultura folkloristika tagħhom u kull attentat artifiċjali li jista' jsir biex jerġa' jqajjem dil-kultura ma tantx jidher li hemm cans li jirnexxi. Hi haġa ta' swied il-qalb, li f'pajjiż fejn hemm saħansitra baned ta' l-iscouts li jdoqqu tajjeb ħafna iż-żaqq Skoċċiża (Scottish bagpipe), ħadd ma sab post biex jippreserva u jiżviluppa ż-żaqq ta' pajjiżu stess."

Terġa' tinstema' ż-żaqq
 
Wara aktar minn 20 sena qed ikollna ċ-ċans li nerġgħu nisimgħu jidwu f'widnejna mhux biss iż-żaqq, imma wkoll strumenti tradizzjonali Maltin oħra bħal m'huma iż-żummara, iż-żafżafa it-tanbur u l-flejguta. Indħalna għal dil-biċċa xogħol tliet żgħażagħ - Ruben Zahra, Steve Borg u Andrew Alamango, u jien, Ġużi Gatt, li issa m`għadnix daqshekk żagħżugħ. B'xorti tajba kien għad fadal bniedem wieħed f'Malta li kien għadu jaf kif issir iż-żaqq u jaf idoqqha, ċertu Toni Cachia "il-Ħammarun" Naxxari, u qalli u urieni kulma kien jaf fuq dan l-istrument Malti.
 
Iż-żaqq hi speċi ta' ċirimella, magħmula minn gild ta' gidi jew għoġol. Il-gidi jew l-għoġol irid jinstelaħ f'biċċa waħda. Din mhix xi haġa ħafifa. L-għadam u l-laħam kollu jrid jinħareġ minn go l-għonq, u jekk tolqot il-ġild ħażin u ttaqqbu, titilfu u ma jibqax tajjeb biex tagħmel żaqq. Wara li torbot sew il-toqob kollha naturali li jkun fih - ngħidu aħna fis-saqajn, l-idejn, il-warrani u l-bqija, il-gild misluħ jiġi qisu borża. Jekk tonfoħ fiha, dil-borża tintefaħ u timtela bl-arja.
 
Il-parti li ddoqq trid issir mil-qasab u jgħiduha s-saqqafa. Is-saqqafa hi magħmula minn kannol ta' qasba ħoxna, l-eħxen li tista' ssib, u li tissejjah il-qxejra. Ġol-qxejra jidħlu żewġ qasbiet oħra li kull waħda minnhom tissejjah qima. Kull qima jkollha l-irfis, li jkunu toqob li inti tista' tirfes b'subgħajk ta' jdejk biex tibdel il-ħoss li joħroġ mill-istrument, l-istess bħalma tagħmel meta tkun qed iddoqq, ngħidu aħna, il-klarinett. Il-ħoss joħroġ minn żewġ bdiebet, li jkunu mdaħħla, wieħed kull wieħed, fiż-żewg qwiemi. Il-bedbut hu magħmul minn qasba ħxuna ta' sigarett li tkun imxaqqa b'mod li meta tonfoħ fuqha din tagħmel il-ħoss; ħoss li hu tipiku taż-żaqq Maltija. Is-saqqafa tidhol go l-għonq tal-gild tal-gidi jew għoġol, u d-daqqaq jimla l-gild bl-arja minn imnifsejh. L-arja toħroġ mis-saqqafa u din tibda ddoqq. F'tarf is-saqqafa jeħel qarn ta' barri jew gendus. Dan jgħin biex il-ħoss taż-żaqq jitqawwa u jidwi aktar.
 
U ż-żummara
 
Mill-istess partijiet tas-saqqafa taż-żaqq tista' toħroġ strument ieħor: bedbut imdaħħal go qima jiġi strument li jgħidulu żummara. Dan jagħmel ħoss jixbah liż-żaqq imma jindaqq ġol-ħalq. Jien indtħalt għall-biċċa xogħol li nerġa' nibni żaqq u żummara (u għal waħda tnejn, tlieta) b'mod li l-istrumenti jkollhom qies fiss li jista' jiġi rripetut minn strument għall-ieħor. Dan biex strumenti differenti jdoqqu l-istess skala mużikali u jaqblu flimkien. B'dal-ħsieb f'rasi, xi partijiet ġew mfassla sabiex jinħadmu fl-injam bit-torn, u l-qwiemi saru minn pajpijiet tar-ram, bl-irfis fihom jittaqqab skond il-qies.
 
Sadattant xtaqna nżidu aktar strumenti. Iż-żafżafa konna nafu kif issir, imma biex għamilniha, minflok użajna xi patalott taż-żebgħa kif qed isir dan l-aħħar, jien iddisinjajt kabar (speċi ta' vażun) tal-fuħħar. Dan inħadem miċ-ċeramista Girbi Martin Buhagiar. Il-kabar urejnieh lil Ewgenju Portelli mill-Għarb, ta' Għawdex, li malajr sabilna qasba tajba u rabathielna mal-ġild biex għamlilna żafżafa sabiħa. Charles Busuttil, tal-"Band Aid Supplies", minn Ħaz-Żabbar, dawrilna żewġ deffijiet, jew ċrieki ta' l-injam, biex għamlilna żewġ tnabar sbieħ. Tanbur ieħor sar minn Ivan Bajada, li jiġi bin Ġanni Bajada minn Ħal Qormi. Dan Ġanni Bajada kien selħilna l-ġild tal-gidi biex minnu nagħmlu żaqq.
 
Biex inbaqtu l-firxa ta' strumenti tradizzjonali kien jonqos il-flejguta. Din ukoll issir mill-qasab u m'hi xejn ħlief suffara (tixbah lis-suffara tal-pluvieri) twila, u li jkollha l-irfis biex tkun tista' tikser in-noti u ddoqq. Il-flejguta għamiltha jien ukoll, għalkemm ikolli nammetti li għadni m'inix kuntent biha u nixtieq nara waħda daqsxejn qadima. Min jaf b'xi waħda u jixtieq jgħinni jista' jiktebli fuq l-indirizz ta' ETNIKA, li jidher hawn taħt.
 
Mużika ġdida Maltija
 
Issa kien jonqos li l-istrumenti jibdew idoqqu. Għal bil-biċċa xogħol indaħal Ruben Zahra, il-kompożitur żagħżugħ, li qabel ma ggradwa fil-mużika kien student ta' l-magħruf Ennio Morricone. Ruben xtaq iżewwaq id-daqq ta' l-istrumenti ta' dari mal-mużika ta' strumenti moderni biex joħloq mużika ġdida u oriġinali, imma li jkollha bixra Maltija. Il-mużika ta' Ruben Zahra, li hi taħlita ta' jazz, mużika klassika u mużiki tradizzjonali, indaqqet f'kunċert li sar l-Università bħala parti mill-festival Evenings on Campus. F'dal kunċert, li għalih kien hemm folla rekord, minbarra ż-żaqq, iż-żummara, it-tanbur, iż-żafżafa u l-flejguta, indaqq ukoll il-flawt, il-klarinett, il-vjolin, il-kitarra, il-pjanu, l-argunett, it-tuba, u d-drums. F'dil-biċċa xogħol iebsa li għandu, Ruben sab l-għajnuna importanti ta' tnejn min-nies oħra:
 
Edmond Jackson, daqqaq taċ-ċirimella skoċċiża li huwa mil-Marsa, u mexxej ta' grupp ta' mużiċisti bl-isem ta' "Jackson Pipe Band", indaħal b'ruħu u b'ġismu biex idoqq iż-żaqq Maltija, u l-għajnuna u l-esperjenza tiegħu kienu indispensabbli biex dal-proġett ikollu cans jirnexxi. Minkejja li ismu barrani, Edmond huwa Malti minn rasu sa għarqubu.
 
Partituti antik
 
Għajnuna kbira oħra ġiet minn Steve Borg li, bħal Ruben, huwa minn Wied il-Għajn. Steve irnexxielu jidentifika waqt riċerka, fir-'Rare Books Collection' tal-Kings College University ta' Londra, dokument antik maħruġ minn ċertu Edward Jones, għalliem ta' l-arpa, fl-1807. Id-dokument jiġbor fih, minbarra mużika tradizzjonali min-Norveġja u mill-Italja, sittax il-melodija popolari Maltija li kienu jindaqqu f'Malta lejn tmiem is-seklu 18, jiġifieri fi żmien il-Kavallieri. Fosthom hemm il-Parata ta' l-Karnival, li hija differenti minn dik li nafu biha llum. Skond l-awtur ta' dan ix-xogħol, dawn il-melodiji popolari kienu jindaqqu "fi żmien il-karnival u festi popolari oħra". Jidher li dan id-dokument li rriċerka Steve Borg ma kienx magħruf f'Malta sa issa u li dawn huma l-eqdem partituri ta' mużika folk Maltija.
 
Ruben Zahra se juża xi wħud minn dawn il-melodiji Maltin li ilhom ma' jinstemgħu f'Malta il-mijiet tas-snin, u se jibni madwarhom il-mużika oriġinali tiegħu. B'hekk il-"Parata", li kienet intesiet mill-memorja kollettiva tal-Maltin, issa reġgħet sabet għożża fostna l-Maltin. U għożża bil-kbir, jekk għandna ngħidu!
 
It-tama tagħna hi li d-daqq ta' l-istrumenti tradizzjonali Maltin jerġa' jirxoxta u jieħu l-hajja, mhux biss mad-daqqaqa ta' ETNIKA iżda anki ma' kull Malti jew Maltija li jixtieq jew tixtieq tqajjem din il-mużika ħelwa ta' l-poplu tagħna, li għalkemm żgħir u umli għandu l-valuri u l-mertu tiegħu. Andrew Alamango hu l-persuna inkarigat li jorganizza programmi li jwasslu l-mużika tradizzjonali Maltija kemm lit-turisti, permezz ta' skemi maħsuba apposta għalihom, u kemm lill-Maltin, biex id-daqq taż-żaqq u ż-żummara jerġa' jsir familjari fostna bħal ma kien dari. Diġa jidher li hemm numru sabiħ ta' lokali nteressati f'ETNIKA u f'dak li qed nagħmlu.
 
Ittellgħet ukoll wirja ta' strumenti tradizzjonali Maltin ġewwa l-Università, u l-pubbliku seta jikseb wkoll is-CD, msejjħa NAFRA bil-mużika tal-kunċert li tella' l-Università nhar it-Tlieta, 29 t'Awissu, 2000, u li ġie miġbud mil-kameras tal-istazzjon nazzjonali l-PBS. Sadanitant l-wirja ta' l-istrumenti tradizzjonali Maltin ser tibda ddur mal-gżejjer tagħna, bit-tielet wirja (wara l-Università' ta' Malta u t-Tijatru Manoel fil-belt Valletta), tkun fil-każin tal-Madonna tal-Ġilju ta' l-Imqabba mit-2 ta' Diċembru li ġej.
 
Aktar tagħrif fuq ETNIKA jista' jinkiseb mingħand: mango99@hotmail.com jew billi tiktbu lil ETNIKA, P.O. Box 90, Valletta CMR 01 MALTA.
 

 
 

Introduction | A Revival in Musical Heritage | The Sound of Maltese Folklore | Making the Instruments
Jerġaw jirxoxtaw l-istrumenti ta' dari | The Musicians | Etnika in Concert | Etnika on Television | Etnika's first CD

Top - Fuq