Aħbarijiet mill-Awstralja

ma' Lawrence Dimech OAM J.P.

Dawn l-aħbarijiet jidhru wkoll fil-gazzetta "l-orizzont" li toħroġ f'Malta.
Għal iktar tagħrif u aħbarijiet fid-dettall aqraw
The Maltese Herald, il-gazzetta nazzjonali tal-Maltin fl-Awstralja li toħroġ kull ġimgħa.

 
 

It-Tnejn, 9 ta' Awissu 2010

 
 

 L-Eku tal-Konvenzjoni

 

Fil-Konvenzjoni għall-Maltin ta’ Barra li saret f’Malta f’Marzu 2010 kellna opportunità unika li nitkellmu ma’ xi rappreżentanti għoljin tal-Gvern Malti mhux fis-sala tal-konferenza iżda meta tlabna laqgħa apposta bejn grupp ta’ delegati li kienu determinati li mhux jisimgħu biss iżda li wkoll jistudjaw fil-fond dak li kien qed jintqal.

Sfortunatament il-mod kif ġiet ifformata din il-Konvenzjoni ma tat l-ebda opportunità li nistudjaw bir-reqqa u fid-dettall is- suġġetti li ġew proposti. Kien hemm delegati veterani li bdew jilmentaw minn taħt l-ilsien li ċertu sezzjonijiet iddiġeneraw f’farsa iżda sa hemm waslu. Kont jien li kelli l-kuraġġ fost id-delegati li tlabt liċ-ċerman biex nibdlu l-proċedura u jkollna l- opportunità ta’ working sessions.

F’waħda miż-żewġ working sessions li ġiet permessa, flimkien ma’ rappreżentanti għolja tal-Gvern, insistejna li ma konniex kuntenti li fid-Dipartiment ta’ l-Affarijiet Barranin kien hemm uffiċjal wieħed biss biex jaqdi l-affarijiet li għandhom x’jaqsmu mal-Maltin ta’ Barra. Dan ma kienx xi dell ikrah fuq il-persuna li tokkupa dik il-pożizzjoni fil-preżent. Kien hemm qbil unanimu li dan is-servizz ma kienx adegwat tant li fil-preparazzjonijiet ta’ qabel il-Konvenzjoni nqala’ ħafna taħwid li seta’ faċilment jiġi evidat.

Id-delegati talbu b’qawwa li l-Gvern jaħtar Segretarju Parlamentari għall-Affarijiet konnessi mal-Maltin ta’ Barra biex jiġbor taħtu dak kollu li jmiss ma’ l-eluf kbar ta’ Maltin li jgħixu barra minn Malta li ħafna minnhom żammew iċ-ċittadinanza Maltija. Wara l-ħafna żjarat fil-pajjiżi fejn jgħixu l-Maltin barra minn Malta u wegħdiet li jagħmlulna, kont taħseb li mhux se jkun hemm diffikultà biex jaċċettaw proposta bħal din.

Ir-rappreżentanti tal-Gvern li kellmuna, għamluha ċara li mhux possibbli   li  l-Gvern  jagħtina  Segretarju  Parlamentari.  Ġabu

Il-Ministru Tonio Borg ma' Mark Caruana,
wieħed mid-delegati mill-Awstralja.

 

Grupp ta' delegati mill-Awstralja li attendew għall-Konvenzjoni
tal-Maltin ta' Barra f'Marzu 2010 f'Malta.

 

ħafna skużi. Qalulna li l-Gvern ma jridx iżid iktar Segretarji Parlamentari.
 
Wara ħafna argumenti komplejna ninsistu li mhux sewwa li jħalluna b’uffiċjal wieħed, sempliċiment skrivan/a. Insistejna li hemm bżonn li jekk se jibqgħu jċaħħduna minn Segretarju Parlamentari għandu jkun hemm uffiċjal f’livell ta’ Direttur u jkollu miegħu anke membri oħra ta’ l-istaff biex ikunu jistgħu iwieġbu għal dak kollu li jappartieni l-Malti ta’ Barra. Bħas-soltu spiċċajna mingħajr konkluzzjoni. Niddubita’ jekk dak li ġara f’dawn il-working sessions jidhirx fir-rapporti finali li qiegħed jipprepara l-Gvern Malti.
 
Sadanittant barra minn din il-working session, l-affarijiet komplew jikkomplikaw ruħhom. Saret talba minn naħa ta’ xi delegati li barra dawn it-talbiet li għamilna għandna jkollna wkoll Kummissjoni  għad-Dijaspora  u  anke  reġgħu  rxoxtaw il-Federation of Maltese Abroad (FOMA). Iktar minn hekk il- Ministru Tonio Borg fil-bidu tal-Konvenzjoni ħareġ bil-proposta li bi ħsiebu jistabbilixxi Istitut jew Kunsill Kulturali li jkun fih rappreżentanza  tal-Maltin  ta’  Barra u anke minn Malta. Dan il-Kunsill għandu jiġbor fih dak kollu li għandu x’jaqsam mal- Maltin ta’ Barra speċjalment fil-promozzjoni tal-kultura u tradizzjonijiet u jżomm il-polz ħaj ta’ dak li jkun qiegħed isir. Kien hemm il-proposta l-oħra li Dar l-Emigranti f’Kastilja se ssir Mużew ta’ l-istorja ta’ l-emigrazzjoni.
 
Kollha huma inizjattivi ta’ min jagħtihom l-attenzjoni iżda ma jistax ikun li f’daqqa waħda se jkollna daqstant strutturi kollha immirati biex jilħqu l-istess skopijiet. Jista’ jiġri li meta noħorġu b’ħafna proġetti iktar inħawwdu l-borma u finalment aktarx ma jsir xejn jew il-ftit riżorsi li jkun hemm jiġu mxerrda b’tali mod li ma jagħtux riżultati xierqa.

 
 

 Konslijiet Onorarji

 

Il-Gvern  ta’  Malta  wasal  ukoll biex jeżamina, wara dawn is-snin kollha l-bżonn ta’ Konslijiet Onorarji fl-Awstralja u kif isiru dawn il-ħatriet u x’impatt għandhom. Għaliex għandek bżonn tnejn f’South Australia, tlieta f’Queensland, tnejn f’Victoria u mbagħad kellna Konslu Onorarju f’NSW u l-iktar wieħed espert fil-kummerċ u b’pika neħħewh jew għamluha mpossibli li jkompli.

Għandna ukoll żewġ Konslijiet Onorarji fi New Zealand. Ma hemmx loġika kif jingħażlu dawn il-Konslijiet Onorarji u kemm qegħdin ikun ta’ ġid għall-komunità Maltija. Niftakru li kemm f’Victoria u kemm f’NSW għandna Konslijiet Ġenerali armati sewwa u uffiċjali li jiġu mibgħuta speċjali minn Malta waqt li f’Canberra għandha l-uffiċini ċentrali tal-Kummissjoni Għolja b’għadd ta’ impjegati lokali wkoll b’uffiċjali mibgħuta minn Malta.

 

Il-Kummissarju Għoli ta' Malta fl-Awstralja, Francis Tabone (fin-nofs) flimkien ma' uħud mill-istaff tiegħu fl-Awstralja

 
 

 Żjarat Kulturali għal Malta

 

Il-Kunsill tal-Komunità Maltija ta’ Victoria għandhom jiġu mogħtija tifħir għall-inizjattiva tagħhom li jorganizzaw Żjarat lejn Malta, dawk li jsejħulhom Discovery Tours. Għadhom kemm ħabbru l-ħames inizjattiva tagħhom li dis-sena barra Malta se jmorru wkoll fil-belt sabiħa ta’ Vjenna.
 
Dawn huma żjarat ikkordinati u għandhom jattiraw lil dawk li forsi  ma  jkunux  daqstant  komdi  jivvjaġġaw  fit-tul weħidhom.

 

Għandhom ukoll jattiraw, kif għamlu snin oħra għadd ta’ żgħażagħ  li  jkunu  jridu  mhux biss iżuru Malta iżda li jkun jafu x’għandha toffri Malta fil-qasam kulturali u storja. Id-discovery  tour  ta’  dis-sena  se  jitlaq  fil-20 ta’ Novembru u jiġi lura fil-14 ta’ Diċembru. Dan it-tour huwa miftuħ għal kulħadd minn kull Stat. Ċemplu lil Carmen Mamo fiċ-Ċentru Malti 03 93878922 jew lil Edwina Mallia indirizz elektroniku: edwinamallia@optusnet.com.au

 
 

 Il-festi ta’ Santa Maria

 

Il-ħabib tiegħi Frank Galea, il-President ta’ l-Għaqda Santa Marija  Assunta  ta’  Deer  Park f’Melbourne kull sena jibgħatli l-ktieb ferm attraenti li joħroġu l-kumitat ħabrieki tiegħu biex ifakkru il-festa li dis-sena se ssir fil-15 ta’ Awissu fil-knisja St Peter Chanel f’Deer Park u testendi għal tlett ijiem. Tibda l- Ġimgħa meta toħroġ l-istatwa minn niċċa u l-quddiesa solenni fis-7.30pm. Is-Sibt ikun hemm il-Ballu fil-Lakeside Banquet Convention Centre u l-Ħadd ikun Jum il-Festa fejn ikun hemm quddiesa  fis-2.30pm  u  fil-4 pm  toħroġ il-purċissjoni bl-istatwa

 

artistika ta’ Santa Maria Assunta mat-toroq ta’ l-inħawi tal- parroċċa. Il-ktejjeb li joħorġu fih 70 paġna bil-kulur u b’għadd ta’ ritratti sbieħ tal-festa. Fih għadd ta’ messaġġi, mill-Arċisqof ta’ Melbourne Dennis Hart, l-Isqof Joseph A. Grech ta’ Sandhurst, il-kappillan tal-parroċċa Fr M. Sunaz, l-Arċipriet Mons Joseph Attard tal-Katidral ta’ Għawdex, il- Kummissarju Għoli Francis Tabone u l-Konslu Ġenerali Charles Mifsud f’Melbourne u anke mill-Amministratur ta’ Brimbank City Council. Għal iktar tagħrif ċemplu lil Frank 03 93144231.

 

 

 Kif tivvota jekk int Awstraljan wkoll

 

Kif ħabbarna diġà, fl-Awstralja se jkollna Elezzjoni Federali. F’Malta hemm ħafna Maltin ċittadini Awstraljani li għandhom dritt tal-vot f’din l-elezzjoni u li se jkunu Malta fil-21 ta’ Awissu 2010. Tajjeb għalhekk li jekk int wieħed/waħda minn dawn il-persuni kkunttatja mmedjatament lil

 

Australian High Commission
Ta' Xbiex Terrace
TA'XBIEX XBX 1034
MALTA Phone: +356 21338 201   +356 21338 201
Fax: +356 21344 059
Web: http://www.malta.embassy.gov.au/

 

Biex tiżguraw li tkun tistgħu tivvutaw għax il-vot tagħkom huma mportanti wkoll.

 
 

 Kont taf:

 

In-nisa fl iStat ta’ South Australia ilhom bid-dritt tal-vot mis-sena 1894 (116 sena ilu).
 

Fis-sena 1990 Carmen Lawrence minn Western Australia saret l-ewwel Premier mara fl-Awstralja. Fl-2009 Anna Bligh minn Queensland) kienet l-ewwel mara eletta bħal Premier.
 

 

Fis-sena 1902 in-nisa ġew mogħtija d-dritt tal-vot u li jistgħu jikkontestaw l-elezzjonijiet tal-Commonwealth iżda l-Aborigini damu sas-sena 1962 sa kemm kellhom l-istess drittijiet.
 

Fis-sena 1943 Dame Enid Lyons kienet l-ewwel mara eletta fil-Kamra tar-Rappreżentanti u Dorothy Tangney l- ewwel mara fis-Senat

 
 

Nieħdu gost jekk tibgħatuli aħbarijiet mill-komunità biex indaħħluhom f’din il-website li tmur mad-dinja kollha b’kalkolu ta’ madwar 2000 qarrejja fil-ġimgħa.
Ibgħatu lil
lawdimech@optusnet.com.au

 

 

Jekk trid taqra l-artikli ta' dawn il-paġni li dehru qabel
Agħfas Hawn

 

 
 
 

 

 

 

Għal iktar aħbarijiet aqraw

toħroġ ma' l-Awstralja kollha
kull nhar ta' Tlieta

 
 

 

 

 
 

Home  |  Maltese Għana  |  Maltese Folklore  |  General Section  |  Malta Related Links

 

Copyright © 2010 allmalta.com. All rights reserved.
Design, implementation and hosting by John J. Cassar.