Aħbarijiet mill-Awstralja

ma' Lawrence Dimech OAM J.P.

Dawn l-aħbarijiet jidhru wkoll fil-gazzetta "l-orizzont" li toħroġ f'Malta.
Għal iktar tagħrif u aħbarijiet fid-dettall aqraw
The Maltese Herald, il-gazzetta nazzjonali tal-Maltin fl-Awstralja li toħroġ kull ġimgħa.

 
 

It-Tnejn, 24 ta' Mejju 2010

 
 

 Il-baġit Awstraljan

 

Kont donni drajt il-bogħod mix-xena politika Awstraljana. Iżda mal-wasla lura ġejt wiċċ imbwiċċ mal-baġit importanti li l-Gvern Federali Laburista ppreżenta l- ġimgħa l-oħra. Il-baġits dejjem huma importanti iżda dan kien it-tielet u l-aħħar wieħed tat-Teżorier Wayne Swan qabel l- elezzjoni Federali. Wasal ukoll fi żmien meta l-popolarità tal-Gvern u anke tal-Prim Ministru Kevin Rudd ħadu daqqa ‘l isfel wara li kienu laħqu livell ferm għoli ta’ popolarità.

It-Teżorier fakkarna li l-ekonomija Awstraljana hija miraklu. Huwa qal li l- pajjiżi żviluppati għandu jkollhom għira għall-mod kif inhi mmexxija l-ekonomija Awstraljana li fis-sena li ġejja mistennija li toħloq 250,000 post tax-xogħol ġdid u tikber b’rata ta’ 4% sas-sena 2011.
 
Dan il-kalkolu huwa bbażat fuq it-talba kontinwa miċ-Ċina u l-Indja, iż-żewġ pajjiżi li qed jikbru b’rata mgħaġġla għat- talba tal-minerali essenzjali li għandha l- Awstralja,. Iżda iktar minn hekk, it- Teżorier bassar li l-baġit federali se jerġa’ lura u jirreġistra bilanċ sas-sena 2012-13 jiġifieri tlett snin qabel ma kien ippjanat wara l-kriżi globali li laqtet id-dinja.
 
Il-Gvern fil-fatt ippreżenta baġit li jista’ jiġi msejjaħ   ta’   “dwejjaq”  tant  li  għamilha

 

Wayne Swan MP

 

ċara li mhux se joffri wegħdiet fiergħa anke jekk dan hu l-baġit ta’ qabel l- elezzjoni. Infakkru li l-Gvern Laburista ilu biss fil-ħakma mis-sena 2007.
 
Wayne Swan kompla jiftaħar li l- ekonomija u l-pożizzjoni fiskali għadhom b’saħħithom, anzi fost l-aqwa fid-dinja. “Għandna kobor qawwi, livell baxx ta’ nies  bla  xogħol  u inqas dejn minn pajjiżi  bħalna,  għandna  waħda mill-iktar

 

ekonomija qawwija u l-iktar stabbili. Dak li ħabbarna jirrifletti l-pożizzjoni qawwija li ninsabu fiha” qal Wayne Swan.

Il-figura ta’ nies bla xogħol mistennija tonqos għal 5% sa sentejn oħra iżda l- Gvern ħabbar li se jnaqqas l-infieq fl- iskemi li kien implementa biex jikkumbatti il-biża tar-reċessjoni globali li kienet qed tattakka wkoll lill-Awstralja. Il- baġit xorta qed juri li għad hemm $40.8 biljun dejn.
 
Iżda kull ma offra l-Gvern Laburista jiddependi ħafna fuq it-taxxa ġdida li ħabbar, l-hekk imsejjħa “40% super resources rent tax” li mistenni jdaħħal fil- kaxxa tal-Gvern madwar $12-il biljun sas- snin 2013 u 2014. Ma hemmx dubju li din it-taxxa se tiġi opposta b’qawwa kbira mill-barunijiet li jmexxu il-minjieri minn fejn ħiereġ il-ġid ta’ dan il-pajjiż u minn naħat simili li dejjem jaraw biss kemm se jaqilgħu profitt. Barra minn dan, u kif kien mistenni, l-Oppożizzjoni Konservattiva mhux qed tapprova din it-taxxa b’konsegwenza li hemm possibbiltà’ li jkun hemm diffikultajiet kbar biex din it- taxxa tiġi approvata mis-Senat fejn il- Laburisti ma għandhomx maġġoranza. L- istorja tfakkarna kemm is-Senat Awstraljan dejjem kien ta’ xkiel enormi għall-Partit Laburista.

 
 

 Qtil u serq

 

Il-belt ta’ Melbourne hija magħrufa għal ħafna affarijiet sbieħ u anki inqas sbieħ. Belt moderna, sabiħa u kosmopolitani fejn hemm jgħixu l-ikbar numru ta’ Maltin. Iżda bħal kull belt oħra mondjali nsibu wkoll dawk l-istejjer li ftit jagħmlulha unur. L-isem ta’ Carl Williams ta’ 39 sena dejjem hu assoċjat mal-kriminalità tal-belt ta’ Melbourne, magħruf aħjar bħala identità ewlenija ta’ underworld. Instab ħati li qatel erba’ persuni u mibgħut 35 sena ħabs fis-sena 2007. L- istorja dwar ħajtu kienet saret mini-serial fuq it-TV bl-isem ta’ Underbelly. F’April li għadda huwa ġie maqtul f’Barwon Prison, ħabs ta’ sigurtà massima f’Melbourne minn żewġ ħabsin sħabu, b’daqqiet fuq rasu b’oġġett iebes.

Din il-gwerra bejn il-barunijiet tad-droga kienet ilha sejra s-snin u ġew maqtula brutalment b’kollox tletin persuna. F’dawn il-battalji magħrufa aħjar bħala gang wars kien jissemmew ismijiet Maltin.   Il-mara   ta’   Carl  Williams  hija

 

Maltija, xebba kien kunjomha Mercieca. Carl Williams jingħad li kellu x’jaqsam fil- qtil ta’ Mark Mallia li nstab f’tank taż- żibel, maħruq qrib il-grawnd tal-George Cross FC. Maltija oħra bil-kunjom ta’ Vella baqgħet tissemma’ li kienet tmur iżur lil Carl Williams il-ħabs. Fil-qtil li magħruf li kkommetta Carl Williams speċjalment fejn tidħol il-familja Moran hemm kompliċi ukoll ċertu Michael Farrugia.
 
Il-funeral ta’ Carl Williams kien spettaklu u sar fil-parroċċa ta’ Santa Teresa fis- subborg ta’ Essendon fejn issir il-festa ta’ San Gejtanu. Il-kappillan għal dawn l- aħħar 13-il sena hu Malti, Fr Bill Attard.
 
It-tebut li ndifen fih Carl kien maħdum mid-deheb u l-bronż, stamat li qam madwar $50,000. Roberta, il-mara ta’ Carl qabel ma ndifen innotat li s-salib tad-deheb li kien hemm fuq it-tebut sparixxa barra l-knisja. Issa qiegħed jingħad   li   l-qabar   li  fih  indifen  dan  l-

 

Carl Williams

 

infamuż qattiel se jiġi rinfurzat bil-konkrit biex ma jkunx hemm iżjed attentati biex jisirqu d-deheb u l-bronż li biha ġie mżejjen dan it-tebut.

 

It-tebut ta' Carl Williams

 

Roberta Williams

 
 

 Memorji sbieħ

 

Waħda mill-aqwa okkażjonijiet li jkolli meta nżur Malta hi bla dubju l-laqgħa soċjali li jkollna l-ġurnalisti assoċjati mal-Union Print. Jien ili nikteb għall-gazzetti li joħroġu minn din l-azjenda għal madwar 45 sena. Illum meta nidħol fl-istamperija u l-uffiċini l- Marsa nsib ħafna wċuħ ġodda iżda r-rispett għadu hemm u għalhekk meta jgħiduli li se jorganizzaw ikla minħabba fiha mhux biss nieħu gost iżda jħossni twil darbtejn iktar milli jien (li mhux ħafna). Din id-darba ltqajna f’resturant sabiħ f’Buġibba fejn madwar 14-il ġurnalist kilna u ddevertejna kif jafu jiddevertu l-ġurnalisti. Attendew edituri, eks edituri u ġurnalisti gwappi. Kien hemm oħrajn li bdew il-karriera tagħhom u llum marru postijiet oħra. Nirringrazzja lil kull wieħed minnhom u lil dawk li xtaqu jattendu iżda li ma setgħux tar-rispett li wrejtu lejn ġurnalist li wasal fl-aħħar tal-karriera tiegħu u li kellu jħalli pajjiżu biex ifittex art imbegħda iżda qatt ma nsiekhom. Kif qal wieħed mill-veterani. “Il-ħaddiema ta’ l-Union Print trabbew flimkien u saru qishom parti minn familja waħda”. Grazzi ħbieb.

Fuq wara mix-xellug: Richard Mifsud, Charles Tonna, Joe Mercieca, Godfrey Casha u Charles Attard.
Fuq quddiem mix-xellug: Alfred Briffa, Lawrence Dimech, Peter Bartolo, Kurt Farrugia, Tony Schembri, Joe Cutajar,
Frans Ghirxi, Godfrey Pirotta u Josef Caruana.

 
 

 Aħbarijiet tal-futball

 

Meta kont Malta ħafna qaluli li jixtiequ jkun jaf ir-riżultati tal-futball tat-tliet timijiet Maltin fl-Awstralja. Fil-weekend li għadda kellna dawn ir-riżultati.
 
NSW Super League: Parramatta Eagles 2 vs Sydney University 1. Parramatta jinsabu f’ras il-klassifika wara 9 logħbiet b’21 ponti.
 
F’Melbourne, fil-Victoria Premier League kellna dawn ir-riżultati; South Melbourne 3 Sunshine George Cross 1 u Melbourne Knights 0 Green Gully 1
 
Fil-klassifika, Sunshine GC jinsabu fil-ħames post minn 11-il logħba u għandhom15-il punti waqt li Green Gully lagħbu 11 u għandhom 13-il punti.

 

 Kont taf:

 

Li f’Malta hawn 4041 persuna li tirċievi pensjoni mill-Awstralja b’dħul ta’ $27.4 miljun waqt li Malta tibgħat pensjoni lil 3849 persuna li jgħixu fl-Awstralja għas-somma ta’ $10 miljun.
 
Li bejn is-snin 1954 sas-1995 il-Maltin fl-Awstralja bagħatu lura lejn qrabathom f’Malta s-somma fenomenali ta’ 648 miljun lira Maltin.
 

Nieħdu gost jekk tibgħatuli aħbarijiet mill-komunità biex indaħħluhom f’din il-website li tmur mad-dinja kollha b’kalkolu ta’ madwar 2000 qarrejja fil-ġimgħa.
Ibgħatu lil
lawdimech@optusnet.com.au

 
 

 

Jekk trid taqra l-artikli ta' dawn il-paġni li dehru qabel
Agħfas Hawn

 

 
 
 

 

 

 

Għal iktar aħbarijiet aqraw

toħroġ ma' l-Awstralja kollha
kull nhar ta' Tlieta

 
 

 
 

Home  |  Maltese Għana  |  Maltese Folklore  |  General Section  |  Malta Related Links

 

Copyright © 2010 allmalta.com. All rights reserved.
Design, implementation and hosting by John J. Cassar.