Aħbarijiet mill-Awstralja

ma' Lawrence Dimech OAM J.P.

Għal aktar aħbarijiet mill-Awstralja aqraw The Maltese Herald
li toħroġ fl-Awstralja kollha kull nhar ta' Tlieta.

 
 

It-Tnejn, 22 ta' Frar 2010

 
 

X’qed jistennew il-Maltin ta’ Barra
mill-Konvenzjoni 2010

Grupp kbir ta' emigranti Maltin qabel ma' telqu minn hdejn id-Dwana, l-Belt Valletta.

 

Il-mistennija Konvenzjoni għall-Maltin ta’ Barra baqgħalha biss 20 jum biex issir it-tielet laqgħa simili li kienet inżammet sa mis-sena 1969 ‘l hawn. L-ewwel żewġ konvenzjonijiet kienu organizzawhom il-Kummissjoni Emigranti u dik li se tiftaħ nhar il-Ħadd, 14 ta’ Marzu b’quddiesa solenni fil-Katidral ta’ San Ġwann qed tiġi organizzata mill-Gvern Malti jew aħjar mill- Ministeru ta’ l-Affarijiet Barranin.
 
Mhux faċli li torganizza laqgħa għall-Maltin li jinsabu jgħixu mferrxa mad-dinja u wisq iżjed biex tiġbidhom lejn il-Borża (The Exchange Building) fil-Belt Valletta fejn ser isiru l-laqgħat imqassma fuq sebat ijiem għalkemm ix-xogħol propju se jiġi mqassam fuq erbat ijiem.
 
Kellna nikkonvinċu lill-kumitat organizzattiv (li sa llum ma nafux min huma) li d-delegati ġejjin Malta mhux għal xi divertita iżda biex jaħdmu u jikkontribwixxu u għalhekk minn Konvenzjoni ta’ jumejn li oriġinalment ipproponew issa tawluha bid-doppju u b’sessjonijiet ta’ xogħol ferm itwal waqt li s-soltu dehriet mill- irjus kbar tħallew barra l-working sessions.
 
Jekk tħares lejn is-sessjonijiet ta’ ftuħ u anke l-għeluq, għal darba oħra dawn ġew iddominati minn residenti ta’ Malta. Sa anke ntgħażlu kelliema minn Malta biex jgħidulna kif aħna l- Maltin ta’ Barra għandna nġibu ruħna, inħarsu, nestendu u nifirxu l-kultura u t-tradizzjonijiet Maltin fil-pajjiżi li morna u ilna ngħixu fihom għal dawn l-aħħar ħamsin sena.
 

  Saqajna ma’ l-art

 

Ħafna mid-delegati diġą bdew jippreparaw ir-riżoluzzjonijiet tagħhom jew aħjar il-“wish-list” li jixtiequ li l-awtoritajiet Maltin jagħtuna. Hemm min anke jrid li meta jiġu l-viżitaturi importanti minn Malta jmorru kull fejn hawn il-Maltin fl-Awstralja. Fejn tidħol il-lingwa u l-kultura żgur li se jkollna ripetizzjoni ta’ talbiet

 

li ilhom fuq il-mejda għal dawn l-aħħar snin għalkemm it- teknoloġija nbidlet. Naqbel li rridu nħarsu lejn il-futur b’lenti differenti iżda ċertament mingħajr ma naraw kbir u nżommu saqajna ma’ l-art.
 
Diġą kelli diskussjonijiet utli ħafna ma’ delegati sħabi fejn naqblu li ma hemmx għalfejn nerġgħu mill-ġdid nippreżentaw riżoluzzjonijiet (imgeżwra fi kliem differenti) jekk dawn it-talbiet ilhom quddiem l-awtoritajiet għal dawn l-aħħar għaxar snin.
 
Għaliex għandna mill-ġdid nippruvaw nikkonvinċu lill-Knisja li għad għandna bżonn iktar reliġjużi Maltin speċjalment meta għandna komunitą li xjaħet tassew?
 
Xi ngħidu dwar id-diffikultajiet li jeżistu fejn tidħol il-prattika tal- professjoni tal-Mediċina bejn Malta u l-Awstralja liema diffikultajiet ilhom jeżistu għal snin kbar?
 
Għaliex għad għandna nfakkru lill-Dipartiment tat-Taxxa li hemm regoli li joħolqu skomdu għall-Maltin ta’ Barra?
 
Fakkarna wkoll kemm-il darba dwar il-Karta tas-Sigurtą tas- Saħħa fl-Ewropa li tbarri ċerti ċittadini Maltin.
 
Mhux forsi talba ġusta li flok desk-officer ikollna Segretarju Parlamentari nkarigat mill-Maltin ta’ Barra?
 
Għax għandna nikkonvinċu mill-ġdid lill-awtoritajiet ta’ l- Edukazzjoni li l-istorja ta’ l-immigrazzjoni għandha tiġi mgħallma fil-klassijiet ta’ l-iskejjel primarji u sekondarji jew li għandna bżonn ta’ pjan addattat u fuq bażi permanenti fejn jidħlu l-iskejjel tal-lingwa Maltija?
 

  Qegħdin nagħżqu fl-ilma?

 

Ma nixtieqx li neħlu ż-żmien fuq dawk s-suġġetti li l-Gvern jew awtoritajiet oħra ftit taw każhom fl-aħħar għaxar snin. Nixtieq iżda li ir-rappreżentanti tal-Gvern u istituzzjonijiet oħra li jafu sewwa u bid-dettall x’ilhom jitolbu l-Maltin ta’ Barra jiġu fil- Konvenzjoni u jgħidulna ċar u tond mingħajr ħafna kantunieri għaliex dawn il-proposti raġonevoli tagħna ma ġewx implimentati.
 
Jekk jaħsbu li qegħdin nagħżqu fl-ilma jgħidulna ċar u tond biex nieħdu direzzjoni oħra u nagħlqu episodju ta’ stennija u frustrazzjoni. Mill-Ministri li se jiġu jkellmuna rridu minn għandhom pjan ta’ azzjoni. Min se jkun responsabbli biex ir- rakkomandazzjonijiet jiġu implementat fi żmien speċifikat? Ma rridux kliem li jirbaħ xi headline fil-ġurnali ta’ l-għada.
 
Il-Maltin ta’ Barra jixtiequ jkunu jafu wkoll x’għandhom f’moħħom l-Oppożizzjoni jekk dawk jieħdu l-Gvern f’idejhom. Tajjeb li wieħed ikun jista’ jqabbel u jimmira ‘l quddiem.
 
Ftit ġimgħat ilu tqanqal mill-ġdid l-argument dwar fejn u min se jieħu ħsieb il-Mużew ta’ l-Istorja ta’ l-Emigrazzjoni wara silenzju ta’ madwar ħdax-il sena. Il-Kummissjoni Emigranti li llum daħlu b’ruħom u ġisimhom jgħinu lir-refuġjati, għandhom kull dritt li jridu dan il-Mużew f’Dar l-Emigrant ħdejn Kastilja. Fuq dan is- suġġett ukoll hemm bżonn ta’ diskussjoni serja u mingħajr passjoni dwar l-aħjar mod, fejn u kif għandu jiġu mniedi dan il- Mużew biex inpoġġuh fuq bażi żonqrija u mhux nibnuħ fuq xi ħolma. Inkompli f’dan l-argument darba oħra.
 

 

# Nota: Lawrence Dimech għadu kemm ippubblika t-tieni ktieb “Telqu għal Għonq it-Triq” l-istorja tal-Malti fl-Awstralja minn fomm l-istess emigranti. Għal iktar tagħrif ċempel f’Malta lil 21 441545 jew fl-Awstralja 02 96319295

 
 

Iktar minn
South Australia

 

Din il-ġimgħa akkwistajt iktar ritratti dwar l-attivitajiet li qegħdin jorganizzaw il-Maltese Guild ta’ South Australia li għandhom il-lokal tagħhom fejn jiltaqgħu f’6 Jeanes Street Beverley, SA.

Kull nhar ta’ Tlieta jkunu miftuħin mid-9 am sat-3 pm u jkollhom ħafna anzjani Maltin li jattendu biex jilgħabu l-bingo u jieklu u jiddevertu flimkien bħala komunitą Maltija magħquda kif jidher f’wieħed mir-ritratti.

Għandi wkoll ritratt li juri mil-lemin, Joseph Briffa, is-segretarju tal-Maltese Guild, martu Carmen, Ġuża Vella li hija l- assistenta kaxxiera u l-President, Joe Vella.

 
 
 

 Skola tal-Lingwa Maltija

 

Il-Maltese Language School ta’ NSW qaluli li l-klassijiet tal-Malti li reġgħu bdew għall-sena skolastika oħra attiraw ħafna studenti ġodda tant li l-klassijiet f’The Meadows Public School Fuller Road Seven Hills l-Erbgħa filgħaxija tant saru popolari li se jsiru klassijiet ukoll is- Sibt filgħodu kemm għat-tfal u anke għal kbar.
 
Id-diriġenti ta’ din l-iskola jixtiequ jagħmluha ċar ma kulħadd li din hija l- unika skola tal-Malti li għandha klassijiet f’din l-iskola ta’ Seven Hills liema klassijiet ilhom hemm għal ħafna snin.
 
L-istudenti tant kibru fin-numru li reġa’ hemm bżonn għalliema ġodda. Jekk tafu lil   xi   ħadd   li   jista’   jgħallem  il-Malti,

 

Uħud mill-istudenti li jattendu l-klassijiet tal-Maltese Language School of NSW flimkien mal-ko-ordinatur ta' l-istess skola, Maria DeCarlo ( l-ewwel fuq il-lemin) .

jikkuntattjaw minnufih lil Maria DeCarlo 0416 119 100.

 

L-għalliema huma mħallsa tax-xogħol li jagħmlu.

 
 

 L-aħbarijiet minn Malta

 

Infakkru li l-programm bl-aħbarijiet minn Malta fuq l-SBS TV issa qiegħed jidher fil-10 am kull nhar ta’ Ħadd Ikun hemm ripetizzjoni fuq l-SBS Two fis-1.30 pm.

 
 

Nieħdu gost jekk tibgħatuli aħbarijiet mill-komunitą biex indaħħluhom f’din il-website li tmur mad-dinja kollha b’kalkolu ta’ madwar 1500 qarrejja fil-ġimgħa.
Ibgħatu lil
lawdimech@optusnet.com.au

 

 

Jekk trid taqra l-artikli ta' dawn il-paġni li dehru qabel
Agħfas Hawn

 

 
 
 

 

 

 

Għal iktar aħbarijiet aqraw

toħroġ ma' l-Awstralja kollha
kull nhar ta' Tlieta

 
 

 
 

Home  |  Maltese Għana  |  Maltese Folklore  |  General Section  |  Malta Related Links

 

Copyright © 2010 allmalta.com. All rights reserved.
Design, implementation and hosting by allmalta.com