Aħbarijiet mill-Awstralja

ma' Lawrence Dimech OAM J.P.

Għal aktar aħbarijiet mill-Awstralja aqraw The Maltese Herald
li toħroġ fl-Awstralja kollha kull nhar ta' Tlieta.

 
 

It-Tnejn, 15 ta' Frar 2010

 
 

 Wara t-traġedja

 

It-traġedja kiefra li ħasdet il-ħajja tal-Kopja Scerri ta’ dixxendenza Maltija kompliet tnikket il-komunità Maltija meta sar il-funeral fil-knisja ta’ Our Lady Queen of Peace fi Greystanes NSW (il-knisja magħrufa bħala Tal-Maltin). Il-knisja mhux biss kienet imballata iżda mlew ukoll il-btieħi ta’ madwar il-knisja.
 
Carole u żewġha Joe għerqu meta ppruvaw isalvaw lit-tfal tagħhom waqt li kienu f’xi jiem ta’ btala f’Seabreeze Caravan Park fix-xtajta ta’ Ballina NSW.
 
Il-ġenituri għamlu l-ikbar sagrifiċċju għall-uliedhom meta qabżu fil-baħar imqalleb biex isalvahom iżda kienu huma li tilfu ħajjithom. Joe Scerri mwieled l-Awstralja minn missieri wkoll imwieled l-Awstralja ġejjin mill-familja Xerri (tal-Pejża) magħrufa fl- inħawi ta’ Greystanes għall-assoċjazzjoni tagħhom mal-festa tradizzjonali ta’ Maria Bambina fill-parroċċa ta OLQP. Il-knisja li l-isem oriġinal kien il-Madonna tal-Vitorja ġiet mibnija primarjament minn flus il-Maltin.
 
Carole ta’ 24 sena mart Joe kienet tgħallem fl-iskola ta’ St John the Baptist fis- subborg  ta’  Bonnyrigg.  Kunjomha ta’ xebba kien Cuschieri. Missierha Charles (illum mejjet) u l- familja huma minn Hal Qormi u ilhom l-Awstralja madwar 62 sena.
 
It-tlett itfal iltiema huma Monique ta’ 17-il sena, Elise ta’ 14-il sena u t-tifel Nicholas ta’ disa’ snin.

 

Joseph u Carole Sherry

 
 

 Maltija f’Haiti

 

Kulħadd tnikket meta sema’ bit- traġedja l-oħra. Il-qerda ta’ parti kbira minn Haiti fil-baħar Karibew, gżira Hispaniola maqsuma fi tnejn, il-parti l-oħra hija r-Repubblika Dominika ħalliet diżastru kbir. Dejjem ngħidu li l-Maltin jinsabu mferxa ma’ kull rokna tad-dinja u anke f’Haiti kkonfermajna li kien hemm żagħżugħa Maltija bl-isem ta’ Reninca Hill ta’ 29 sena li xebba kien kunjoma Micallef, bint Carmel u AnneMaria Micallef li emigraw lejn l-Ingilterra fis-sena 1972 u joqgħodu fis-subborg ta’ Kingston. Hija żżewġet lil Carwyn Hill f'Diċembru 2008.

F’dan ir-ritratt Reninca tidher tħaddan it-tarbija Grace li nstabet abbandunata u fi stat xejn tajjeb. Reninca u żewġha Carwyn qed jieħdu ħsieb din it-tarbija vittma tal-faqar li jaħkem lil dan il- pajjiż ta’ Haiti.

Reninca, li kienet għalliema fi skola primarja u żewġha telqu mill-Ingilterra sena ilu biex iwaqqfu Dar għat-Tfal fit-tramuntana ta’ Haiti u stazzjonaw fit-tieni belt ta’ Cap Haitien li tiġi madwar 70 mil minn fejn laqat l-iktar it-terremot, iżda kif saru jafu bit- traġedja huma mlew t-trakk tagħhom bil-mediċina u telqu biex jagħtu l-għajnuna tagħhom. Kemm Reninca u żewġha Carwyne kien waslilhom iż-żmien biex jirritornaw lura l-Ingilterrra u waqt it-traġedja  kienu  qed  jospitaw lill-ġenituri ta’ Carwyn li kienu fi

 

Reninca Hill tħaddan it-tarbija Grace

 

żjara qasira f’Haiti. Meta kienet xebba Reninca kienet Sydney l-Awstralja tlett darbiet biex iżżur liz-zijiet tagħha Antoinette Caruana u MariaDeCarlo u l-familji tagħhom.

 
 

 Suċċess f’New York

 

Suzie Rose Vella (ritratt) iggradwat fis-sena 2002 bit-diploma fil-Fashion Design minn East Sydney Design Studios. Fis-sena 2004 bdiet taħdem fuq il-kreazzjoni tagħha bl- isem Pizzuto ta’ meta kienet xebba mid-dar tagħha iżda tant kienet suċċess li fetħet Wholesale Showrooms f’Surry Hills. Fis-sena 2007 fetħet l-ewwel Pizzuto Boutique f’ Oxford Street magħrufa sew għall-ħwienet tal-moda. Dan l-aħħar id-disinni u t-talenti ta’ din iż-żagħżugħ kienu l-mira tal-ABCTV fejn wrew it-triq tas-suċċess tad-ditta Pizzuto.

Suzie Rose Vella ħadet sehem sħiħ fil-kampanja G’Day USA li l-Awstralja torganizza fl-Amerika biex tmexxi n-negozju ma’ dak il-pajjiż.

Qabel ma ngħaqdet mal-kontinġent ta’ G’Day USA, din id-disinjatura tal-ħwejjeġ diġà kellha wirja popolari f’New York fejn id-disinni tagħha attiraw interess u bejgħ. Din iż-żagħżugħa disinnjatriċi bl-istudju tagħha f’ 60 Sophia Street Surry Hills NSW tmexxi il-labels tagħha bl-isem ta’ Pizzuto u Pink Sparrows.

Hija stqarret li ż-żjara f’New York irriżultat f’arranġamenti sodi ma’ aġent fejn ħalliet il-kollezzjoni tagħha. Il-midja wrew interess. Żewġ dipartimenti kbar Bergdorf Goodman u Bloomingales qablu li jikkooperaw ukoll. Suzie Rose Vella ilha fin-negozju tal-bejgħ tal-ħwejjeġ għal dawn l-aħħar seba’ snin u dan l-aħħar wara s-suċċess tas-signature label Pizzuto niediet il-Pink Sparrow għal dawk ta’ bejn 15 u 25 sena. Il-promozzjoni

 

Suzie Rose Vella

 

Australia G’Day USA irriżultat f’25 diżinjatur Awstraljan jiksbu bejgħ b’valur ta’ madwar $6 miljuni fis-suq Amerikan.

 
 

 Jum l-Awstralja

 

Għat-tieni darba, il-Maltese Community Council ta’ NSW iċċelebra Jum l-Awstralja u l-komunità wieġbet bi ħġara f’turija ta’ solidarjetà b’attività suċċess f’Parramatta Town Hall, post storiku u xieraq għal okkażjoni bħal dik. L-attività kienet ukoll immirata biex tonora lil dawk il-Maltin minn NSW li mis-sena 1992 ‘l hawn ġew onorati mill-Gvern Awstralja bil-Order of Australia. In-numru sabiħ ta’ persuni distinti li attendew juri kemm il-komunità Maltija hija stmata. Fost dawn kien hemm il- Kummissarju Għoli Francis Tabone, il-Ministru John Aquilina MP, l-Onor Laurie Ferguson MP, is-Sindku ta’ Parramatta Cr Paul Garrard, l-Onor David Clarke MP, William Galvin il- President ta’ l- Order of Australia, Fergħa NSW, l-Onor Alan Cadman.

Fil-programm  ħa  sehem  il-kantant  Joe Galea li kanta b’ħila c-Centenary Song u l-Innijiet Nazzjonali.

Dawk li attendew din is-serata li s’issa ġew onorati mill-Gvern Federali Awstraljan kienu:

Alfred Fenech (1993), Sam Vella (1995),
Dr Stephen Gatt (1997), Lino Vella (1999),
Doris Athanasio (2000), Lawrence Dimech (2003)
Fr John R Briffa (2009) u Alan J Zammit (2009).

Kien hemm dawk li mietu u oħrajn ma setgħux jattendu. Wara d-diskors tal-ftuħ tal-President Alfred Fenech OAM, saru diversi

Il-Parramatta Town Hall

 

Dawk onorati mill-Gvern Federali Awstraljan li attendew din il-funzjoni. Mix-xellug: Lino Vella, Fr J. Briffa, Alfred Fenech, Dr Stephen Gatt, Doris Athanasio, Allan Zammit, Lawrence Dimech u fuq quddiem Sam E. Vella.

 

 diskorsi mqanqlin dwar is-sehem u l-kontribuzzjoni tal-Maltin lejn l-Awstralja. Ġie mfakkar ukoll Alan Cadman, wieħed mill- patruni tal-Kunsill li wara 32 sena rtira minn Membru tal- Parlament Federali. Tassew kienet okkażjoni memorabbli fejn rajna rappreżentanti minn kważi kull soċjetà Maltija tant hu hekk li Laurie Ferguson MP, is-Segretarju Parlamentari ta’ l- Affarijiet Multikulturali u Settlement Services innota u faħħar is-solidarjetà li ra f’din l-okkażjoni.

 
 

Nieħdu gost jekk tibgħatuli aħbarijiet mill-komunità biex indaħħluhom f’din il-website li tmur mad-dinja kollha b’kalkolu ta’ madwar 1500 qarrejja fil-ġimgħa.
Ibgħatu lil
lawdimech@optusnet.com.au

 

 

Jekk trid taqra l-artikli ta' dawn il-paġni li dehru qabel
Agħfas Hawn

 

 
 
 

 

 

 

Għal iktar aħbarijiet aqraw

toħroġ ma' l-Awstralja kollha
kull nhar ta' Tlieta

 
 

 
 

Home  |  Maltese Għana  |  Maltese Folklore  |  General Section  |  Malta Related Links

 

Copyright © 2010 allmalta.com. All rights reserved.
Design, implementation and hosting by allmalta.com