Aħbarijiet mill-Awstralja

ma' Lawrence Dimech OAM J.P.

Għal aktar aħbarijiet mill-Awstralja aqraw The Maltese Herald
li toħroġ fl-Awstralja kollha kull nhar ta' Tlieta.

 
 

It-Tnejn, 7 ta' Diċembru 2009

 
 

Qabel il-Konvenzjoni
għall-Maltin ta’ Barra 2010

 

Ftit ilu ġejna informati uffiċjalment bid- dati tat-tielet Konvenzjoni għall-Maltin ta’ Barra. Kont ili nisħaq biex dawn id-dati jiġu mħabbra, għax mhux la kemm taqbad u tħalli kollox warajk u mill- Awstralja tmur Malta għal tlett ijiem.
 
Il-Ministru ta’ l-Affarijiet Barranin Dr Tonio Borg, kien qalilna li se ssir din il- Konvenzjoni f’Ġunju 09 u fetaħ immedjatament appell biex isiru proposti addattati. Għaddew kważi ħames xhur biex ġew iffissati d-dati li huma mill-15 sat-18 ta’ Marzu 2010. Dawk li jridu japplikaw għall-assistenza finanzjarja jew li jixtiequ jattendu għandhom jagħmlu dan sal-15 ta’ Diċembru 09. Ma għandiex nifhem li se jsiru deċiżjonijiet qabel Jannar 2010, jekk mhux iktar tard. Ma rridx inkun xagħra f’ras dawk il-persuni li jridu jaslu għall-għażla finali.
 
Dan ifisser li min jintagħżel ikollu biss inqas minn xahrejn biex imur Malta. Ninsab ċert li għal Ministru Tonio Borg li daħal għar-responsabbiltà ta’ din il- Konvenzjoni xejn ma hu daqstant faċli u sab quddiemu ħafna diffikultajiet jekk ukoll mhux ostakoli. Daqstant ieħor se jsibuha diffiċli biex jiġu magħżula dawk li verament ħaqqhom jirċievu l-assistenza finanzjarja għax ikollhom x’jikkontribwixxu.
 
Mill-esperjenza tiegħi tal-aħħar żewġ Konvenzjonijiet, dawk jiġifieri li ġew organizzati fl-1969 u 2000, li t-tnejn ħadt sehem attivi fihom, dawn il- konvenzjonijiet għalkemm huma ta’ siwi u bżonnjużi iżda jħallu warajhom dalma sewda faħma fost il-komunità. Niftakar x’ġara speċjalment wara l-Konvenzjoni tal-2000. Inkwiet serju mrewwaħ minn dawk li dehrilhom li kellhom jiġu msejjħa jew ma attendewx minħabba xi raġunijiet oħra, liema nkwiet dam jifni l-komunità Maltija fl-Awstralja għal snin sħaħ.

 

Dr Tonio Borg

Meta titfa’ kollox bil-miżien u jekk inħallu barra lil dawk li tagħmel x’tagħmel xorta se jgergru jidher li din id-darba kienet deċiżjoni kuraġġuża li se jkun il-Gvern li se jorganizza u li daħal għar-risponsabbiltà tal-Konvenzjoni. Wara kollox huwa l-Gvern li jrid jimplimenta r- rakkomandazzjonijiet, u li jista’ jiftaħ il- bibien biex dawk l-eluf kbar ta’ ċittadini Maltin li jgħixu barra minn Malta ma jispiċċawx stranġieri u maqtugħin kompletament minn pajjiżhom u biex magħhom ma ssir l-ebda diskriminazzjoni fl-ebda deċiżjoni u liġi li tiġi attwata.
 
Il-Ministru Tonio Borg qalilna li d- deċiżjonijiet se jsiru fuq kriterji trasparenti, iktar minn hekk iridu jsiru fuq kriterji ġusti u mingħajr favuri. L-ebda deċiżjoni ma għandha tittieħed ibbażata sempliċiment fuq l-eta’, sess jew pożizzjoni, wara kollox min se jiġi msejjaħ mhux sejjer xi xalata jew xi festa iżda  se  jattendi  Konvenzjoni  serja  u  li

 

tulha se jiġu diskussi suġġetti serji bbażati fuq l-esperjenza tal-passat u l- miri prattiċi lejn il-futur.

Ninsab ċert li l-Gvern Malti mhix biss sejjaħ din il-Konvenzjoni li se tiswielu ħafna flus bħala eżerċizzju ta’ propaganda, iżda lest biex jisma’ dak li għandhom xi jgħidu d-delegati u fuq kollox lest biex iwettaq deċiżjonijiet għall-futur li joħorġu mid-diskussjonijiet u studji li jsiru.

Qiegħed nagħmel emfasi fuq “deċiżjonijiet ġodda għall-futur” għax jien inħoss b’fidi qawwija li l-istess Gvern li qiegħed jorganizza l-Konvenzjoni 2010 għandu jistqarr qabel tibda din il- Konvenzjoni li dawk it-talbiet li ilna nitolbu bi ħrara għal dawn l-aħħar għaxar snin jekk mhux iktar se jigu attwati.

Dawn it-talbiet huma

Li jaċċetta l-kunċett ta’ Malta Akbar fl- isferi kollha tagħha,

Li jaċċetta li l-istorja ta’ l-emigrazzjoni minn Malta ssir suġġett obbligatorju fis- sistema ta’ l-edukazzjoni f’Malta u

Li jaċċetta l-wegħda li jinstab post addattat fejn ikun hemm esibizzjoni permanenti li tfakkar mhux biss l- emigrazzjoni iżda l-kontribut enormi li dawk li emigraw taw lill-ekonomija ta’ Malta kif ukoll l-isforzi kbar li għamlu biex żammu ħajja l-kultura u l-użanzi Maltin bogħod mix-xtajtiet Maltin.

Jekk verament il-Gvern ta’ Malta, li tant daħal b’ħerqa għal din il-Konvenzjoni jrid iżomm il-fiduċja u l-appoġġ magħna l- emigranti għandu jħabbar li dawn l- inizjattivi se jiġu implimentati minnufih biex kif jissuġġerixxi l-Ministru, ma neħlux iktar ħin dwar il-passat u nidħlu immedjatament biex niffaċċjaw id-diffikultajiet ferm iktar ikkomplikati għall-futur tal-komunitajiet Maltin barra minn Malta.

Uħud mid-delegati fit-tieni Konvenzjoni li saret f'Malta fl-2000 iżuru
l-Arċisqof ta' Malta, Mons Ġużeppi Mercieca.

Il-kittieb ta' dan l-artiklu f'konferenza stampa fl-ajruport ta' Sydney meta rrappreżenta l-Awstralja fil-Konvenzjoni ta' l-Emigranti li saret
f'Malta fl-1969.

 
 

Jum speċjali suċċess kbir

 

Il-Maltese Language School of NSW organizza b’suċċess kbir f’Horsley Park NSW JUM Speċjali fejn il-ġenituri u l- familja tal-istudenti li qegħdin jitgħallmu l- Malti kienu mistiedna jżuru l-iskola. Maria De Carlo, il-kordinatriċi tat merħba lill-mistednin speċjali, fosthom il-Konslu Ġeneral ta’ Malta, Anna Maria Bonnici, membri tal-eżekuttiv tal-Maltese Community Council of NSW, u Albert Vella, il-President tan-NSW Federation of Community Language Schools.
 
Ġie ppreparat programm imżewwaq li beda b’reċta qasira ippreżentata mill- klassi tat-tfal u li nkitbet apposta mill- għalliema tagħhom Frida Borg.
 
Imbagħad kien imiss lill-istudenti l-kbar li qraw siltiet minn poeżiji u rakkonti popolari bil-Malti li ġabu nostalġija lil dawk li mlew is-sala. Tlieta minn dawn, għalkemm ma kienux ta’ nisel Malti qraw tajjeb ħafna. Wara kien imiss lill-istudenti tal-klassijiet ta’ Marthese Caruana u Mary Pace-Feraud li ppreparaw ukoll lista ta’ poeżiji qosra li taw pjaċir lil kull min kien preżenti. Wara tkellem ukoll Joe Apap, kantant magħruf sew fost il-komunità Maltija, fejn iddeskriva l- esperjenza tiegħu bħala Malti-Awstraljan u kanta żewġ kanzunetti ferrieħa, Il- Kangaroo u l-Lingwa Maltija. Huwa qassam kasett original tal-kant tiegħu lill-istudenti kollha preżenti u ta pjaċir lil kulħadd bil-kant u d-daqq tiegħu.
 
Saret imbagħad preżentazzjoni lil Sam Vella OAM bħala ringrazzjament xieraq tal-ħidma tiegħu bħala Teżorier mindu twaqqfet din l-iskola, 11 il-sena ilu. Charles Mifsud, iċ-Chairman tal-Maltese Language School of NSW qal kelmtejn ta’ tifħir u ħajr lil Sam. Wara tkellem Sam Vella fejn qal kif minn dejjem ħaddan il- lingwa  Maltija u dak kollu li hu Malti, u li

 

Amministraturi u għalliema tal-Maltese Language School ta' NSW. Mix-xellug: C. Mifsud,
M. Pace-Feroud, L. Dimech, F. Borg, S. Vella. F. Fenech, M. Caruana u M. DeCarlo.

Parti minn dawk li attendew l-Open Day tal-Maltese Language School.

 

ħadem dejjem minn qalbu għall-ġid tal- Maltin fl-Awstralja.
 
Wara tkellmet wkoll il-Konslu Ġenerali, Anna Maria Bonnici li saħqet fuq l- importanza li t-tfal tal-Maltin għandhom jiġu mħajjra jistudjaw il-lingwa Maltija u biex jippersistu f’dan sa ma jilħqu livell għoli. Tkellem ukoll Albert Vella, il- President tan-NSW Federation of Community Language Schools li faħħar il-ħidma ta’ din l-iskola u semma wkoll l- importanza li nkomplu nħajru student jersqu għall-HSC fil-Malti ħalli dan jibqa’ jitqies importanti daqs lingwi oħra kommunitarji fl-Awstralja.

 

Spiċċa biex tkellem Alfred Fenech il- President tal-Kunsill Malti li fakkar il- ħidma ħabrieka tal-Maltese Community Council tul ħafna snin. Huwa qal li l- iskola tal-Malti kif ukoll il-klassijiet ta’ l- HSC huma inizjattivi tal-Kunsill Malti li bdew u komplew b’suċċess sal-lum. L- għalliema u l-istudenti kollha ħaqqhom prosit ta’ din l-okkażjoni tassew ta’ interess u wkoll divertenti għal kull min attenda. Kien hemm preżenti wkoll l- għalliema l-oħra Anna Chetcuti, Lawrence Dimech u Maria De Carlo li jgħallmu f’Seven Hills, Horsley Park u Schofields, parti minn din l-ikbar skola tat-tagħlim tal-Malti fl-Awstralja..

 
 

Tiswija

 

Fir-rapport li ġibdilkom tat-23 Novembru minn South Australia nispjega li dak ir-ritratt li ġibna ta’ l-anzjani fil-fatt kien f’laqgħa tal-Maltese Seniors Citizens Association. Skond informazzjoni li waslitli dawn l-anzjani jiltaqgħu kull nhar ta’ Erbgħa u nhar ta’ Ġimgħa fil-kmamar tagħhom f’Le Hunte Street Prospect SA.

 
 

Nieħdu gost jekk tibgħatuli aħbarijiet mill-komunità biex indaħħluhom f’din il-website li tmur mad-dinja kollha b’kalkolu ta’ madwar 1500 qarrejja fil-ġimgħa.
Ibgħatu lil
lawdimech@optusnet.com.au

 

 

Jekk trid taqra l-artikli ta' dawn il-paġni li dehru qabel
Agħfas Hawn

 

 
 
 

 

 

 

Għal iktar aħbarijiet aqraw

toħroġ ma' l-Awstralja kollha
kull nhar ta' Tlieta

 

 

 
 
 

Għid lill-ħbieb tiegħek
 b’din il-websajt !

Tektek hawn

 
 
 

Home  |  Maltese Għana  |  Maltese Folklore  |  General Section  |  Malta Related Links

 

Copyright © 2009 allmalta.com. All rights reserved.
Design, implementation and hosting by allmalta.com